KAPITLU 12
Organizzati biex naqdu lill-“Alla tal-paċi”
1, 2. Liema bidla kien hemm fuq il-qoxra tat-Torri tal-Għassa taʼ Jannar 1895, u l-aħwa kif irreaġixxew?
META John A. Bohnet, Student tal-Bibbja żeluż, irċieva l-kopja tiegħu tat-Torri tal-Għassa taʼ Jannar 1895, tgħidx kemm ħa pjaċir b’dak li ra. Ir-rivista kellha qoxra ġdida li tispikka—stampa taʼ lighthouse ħdejn baħar imqalleb, bid-dawl jiddi fis-sema mudlam. L-avviż fir-rivista dwar id-disinn ġdid kellu l-isem “Il-libsa l-ġdida tagħna.”
2 Ħuna Bohnet tant kien impressjonat li bagħat ittra lil Ħuna Russell. Hu qal li kien ferħan għax It-Torri tal-Għassa kien jidher tassew sabiħ. Student leali tal-Bibbja ieħor, John H. Brown, kiteb hekk dwar il-qoxra: “Tassew tolqot l-għajn. It-torri jinsab wieqaf fuq pedament sod, waqt li l-mewġ iħabbat u l-maltemp jiħrax.” Il-qoxra l-ġdida kienet l-ewwel bidla li raw l-aħwa dik is-sena—imma ma kinitx l-aħħar waħda. F’Novembru saru jafu b’bidla sinifikanti oħra. T’interess, għal darb’oħra kienet tinvolvi baħar imqalleb.
3, 4. It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 1895, tkellem dwar liema problema, u liema bidla li kellha impatt kbir ġiet imħabbra?
3 Artiklu dettaljat stampat fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 1895, kixef fil-beraħ problema li kienet qed ittellef il-paċi fl-organizzazzjoni tal-Istudenti tal-Bibbja. Aħwa rġiel kienu qed jiġġieldu dwar min kellu jkun il-mexxej fil-kongregazzjoni lokali. Dan il-ġlied kien qed jiżdied u daħħalhom f’baħar t’inkwiet. Sabiex jgħin lill-aħwa jifhmu x’kien meħtieġ biex tiġi koreġuta din l-attitudni kompetittiva li kienet qed tikkaġuna l-frid, l-artiklu qabbel l-organizzazzjoni maʼ vapur. Imbagħad, bla ma qagħad idur mal-lewża, l-artiklu ammetta li dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija ma kinux ħejjew l-organizzazzjoni, li hi bħal vapur, għall-maltemp. X’kellu bżonn isir?
4 L-artiklu qal li kaptan tas-sengħa jagħmel ċert li jkun hemm affarijiet abbord bħal ġkieket tas-salvataġġ u li l-ekwipaġġ ikun lest li jagħlaq sew kullimkien meta tkun se tfaqqaʼ maltempata. Bl-istess mod, dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni kellhom jagħmlu ċert li l-kongregazzjonijiet kollha jkunu mħejjijin biex jibqgħu sodi meta jinqalaʼ l-inkwiet. Għal dan il-għan, l-artiklu ħabbar bidla li kien se jkollha impatt kbir. Qal li minnufih “f’kull kongregazzjoni kellhom jintgħażlu anzjani” biex “‘jindokraw’ il-merħla.”—Atti 20:28.
5. (a) L-ewwel arranġament tal-anzjani għala kien pass ’il quddiem u f’waqtu? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
5 L-ewwel arranġament tal-anzjani kien pass ’il quddiem u f’waqtu biex tiġi stabbilita kongregazzjoni organizzata u stabbli. Għen lill-aħwa jibqgħu sodi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija li ġabet magħha baħar t’inkwiet. Fl-għaxriet taʼ snin taʼ wara, titjib ieħor fl-organizzar għen lin-nies t’Alla jsiru armati aħjar biex jaqdu lil Ġeħova. Liema profezija Biblika bassret dan l-iżvilupp? Liema bidliet fl-organizzar rajt int? Kif ibbenefikajt minnhom?
“Se naħtar il-paċi bħala l-indokratur tiegħek”
6, 7. (a) Xi jfisser il-kliem t’Isaija 60:17? (b) Ġeħova x’juri bil-fatt li jsemmi “indokratur” u “dak li jagħtik ix-xogħol”?
6 Bħalma kkunsidrajna f’Kapitlu 9, Isaija bassar li Ġeħova kien se jbierek lin-nies tiegħu b’żieda fl-għadd tagħhom. (Is. 60:22) Madanakollu, Ġeħova wiegħed li jagħmel saħansitra iktar minn hekk. Fl-istess profezija, qal: “Minflok ir-ram aħmar se nġib id-deheb, u minflok il-ħadid inġib il-fidda, u minflok l-injam, ram aħmar, u minflok il-ġebel, ħadid; u se naħtar il-paċi bħala l-indokratur tiegħek u s-sewwa bħala dak li jagħtik ix-xogħol.” (Is. 60:17) Din il-profezija xi tfisser? Kif tapplika għalina llum?
Il-bidliet mhumiex bidliet minn xi ħaġa ħażina għal xi ħaġa tajba, imma minn xi ħaġa tajba għal xi ħaġa aħjar
7 Il-profezija t’Isaija tgħid li materjal jieħu post materjal ieħor. Imma nnota li dawn il-bidliet mhumiex bidliet minn xi ħaġa ħażina għal xi ħaġa tajba, imma minn xi ħaġa tajba għal xi ħaġa aħjar. Li tibdel ir-ram aħmar mad-deheb hu titjib, u l-istess hu minnu dwar il-materjali l-oħrajn li jissemmew. Għalhekk, b’dan l-eżempju, Ġeħova bassar li l-kundizzjoni tan-nies tiegħu kienet se titjieb bil-mod il-mod. Għal liema tip taʼ titjib qed tirreferi l-profezija? Billi jsemmi “indokratur” u “dak li jagħtik ix-xogħol,” Ġeħova wera li dak li se jitjieb bil-mod il-mod hu kif niesu jiġu indokrati u organizzati.
8. (a) Permezz taʼ min qed isir dan il-progress fl-organizzar? (b) Kif nibbenefikaw minn dan it-titjib? (Ara wkoll il-kaxxa “ B’umiltà aċċetta l-korrezzjoni.”)
8 Permezz taʼ min qed isir dan il-progress fl-organizzar? Ġeħova jgħid: “Se nġib id-deheb, . . . inġib il-fidda, . . . u se naħtar il-paċi.” Dan juri li t-titjib fl-organizzar tal-kongregazzjoni ma jsirx bl-isforzi tal-bnedmin imma permezz taʼ Ġeħova nnifsu. U minn mindu Ġesù sar is-Sultan, Ġeħova għamel dan it-titjib permezz taʼ Ibnu. Kif nibbenefikaw minn dawn il-bidliet? L-istess skrittura tgħid li dan it-titjib se jwassal għall-“paċi” u “s-sewwa.” Hekk kif naċċettaw il-gwida t’Alla u nagħmlu aġġustamenti, il-paċi toktor fostna u l-imħabba għas-sewwa tqanqalna naqdu lil Ġeħova, li l-appostlu Pawlu ddeskriva bħala “l-Alla tal-paċi.”—Flp. 4:9.
9. X’inhi l-bażi xierqa għall-ordni u l-unità fil-kongregazzjoni, u għala?
9 Rigward Ġeħova, Pawlu kiteb ukoll: “Alla m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi.” (1 Kor. 14:33) Innota li Pawlu m’għamilx kuntrast bejn id-diżordni u l-ordni, imma bejn id-diżordni u l-paċi. Għala? Ikkunsidra dan: L-ordni nnifsu mhux neċessarjament iwassal għall-paċi. Pereżempju, grupp taʼ suldati għandhom mnejn jimmarċjaw b’ordni għall-battalja, imma dan l-ordni jwassal għall-gwerra u mhux għall-paċi. Għaldaqstant, bħala Kristjani, irridu nżommu f’moħħna fatt importanti: Kwalunkwe tip taʼ ordni li m’għandux il-paċi bħala l-bażi tiegħu, illum jew għada se jisfaxxa fix-xejn. B’kuntrast, il-paċi t’Alla twassal għal ordni dejjiemi. Għalhekk, kemm aħna grati li l-organizzazzjoni tagħna hi gwidata u rfinuta mill-“Alla li jagħti l-paċi”! (Rum. 15:33) Il-paċi li jagħti Alla tifforma l-bażi għall-ordni u l-unità mill-qalb li tant ingawdu u napprezzaw fil-kongregazzjonijiet tagħna madwar id-dinja.—Salm 29:11.
10. (a) Liema titjib sar fl-organizzazzjoni tagħna mill-1881 sal-1938? (Ara l-kaxxa “ Kif l-arranġament tal-indokraturi tjieb.”) (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?
10 Il-kaxxa “ Kif l-arranġament tal-indokraturi tjieb” tagħtina ħarsa fuq fuq tal-bidliet taʼ benefiċċju li seħħew b’ordni fl-organizzazzjoni tagħna mill-1881 sal-1938. Imma liema bidliet, ‘minn ram aħmar għad-deheb,’ għamel Ġeħova iktar reċenti permezz tas-Sultan tagħna? Dawn l-aġġustamenti fl-indokrar, kif saħħew il-paċi u l-għaqda tal-kongregazzjonijiet madwar id-dinja? Kif qed jgħinuk personalment biex taqdi “l-Alla tal-paċi”?
Kif Kristu jmexxi l-kongregazzjoni
11. (a) Studju tal-Iskrittura wassal għal liema aġġustament fil-fehma? (b) L-aħwa fil-ġemgħa li tiggverna x’kienu determinati li jagħmlu?
11 Mill-1964 sal-1971, il-ġemgħa li tiggverna tat permess biex isir studju tal-Iskrittura dettaljat. Fost ħafna affarijiet oħra, ġie eżaminat kif kienet organizzata l-kongregazzjoni Kristjana fl-ewwel seklu. a Rigward l-organizzar, l-istudju wera li l-indokrar tal-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu kien isir minn ġemgħa t’anzjani u mhux minn anzjan, jew indokratur, wieħed biss. (Aqra Filippin 1:1; 1 Timotju 4:14.) Malli dan il-punt ġie ċċarat, il-ġemgħa li tiggverna rrealizzat li s-Sultan Ġesù kien qed jiggwidaha ħalli ttejjeb l-organizzar tan-nies t’Alla—u l-aħwa fil-ġemgħa li tiggverna kienu determinati li joqogħdu għall-gwida tas-Sultan. Malajr għamlu aġġustament ħalli jsegwu l-mudell fil-Bibbja dwar kif jinħatru l-anzjani. X’kienu ftit mill-aġġustamenti li saru ftit wara l-1970?
12. (a) X’aġġustament beda fil-ġemgħa li tiggverna? (b) Iddeskrivi kif il-Ġemgħa li Tiggverna hi organizzata issa. (Ara l-kaxxa “ Kif il-Ġemgħa li Tiggverna tieħu ħsieb l-interessi tas-Saltna.”)
12 L-ewwel aġġustament beda fil-ġemgħa li tiggverna nfisha. Sa dak iż-żmien, dan il-grupp t’aħwa midlukin kien magħmul mis-sebaʼ membri tal-bord tad-diretturi tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. Imma fl-1971, il-ġemgħa li tiggverna kibret minn 7 membri għal 11-il membru u ma baqgħetx tiġi assoċjata mal-bord tad-diretturi. Il-membri qiesu lil xulxin bħala ugwali, u kull sena ċ-chairman kien jinbidel skont l-ordni alfabetiku.
13. (a) Liema arranġament kien ilu jeżisti għal 40 sena? (b) Il-Ġemgħa li Tiggverna x’għamlet fl-1972?
13 L-aġġustament li jmiss effettwa lil kull kongregazzjoni. B’liema mod? Mill-1932 sal-1972, l-indokrar tal-kongregazzjoni kien isir fil-maġġor parti minn ħu wieħed. Sal-1936, dan il-ħu maħtur kien jissejjaħ id-direttur tas-servizz. Dan l-isem inbidel diversi drabi tul is-snin, pereżempju għal qaddej tal-kongregazzjoni, u fl-aħħar sar magħruf bħala l-indokratur tal-kongregazzjoni. Dawn l-aħwa maħturin b’żelu ħadu ħsieb il-benesseri spiritwali tal-merħla. L-indokratur tal-kongregazzjoni s-soltu kien jieħu kull deċiżjoni għall-kongregazzjoni mingħajr ma jitkellimha maʼ qaddejja oħra fil-kongregazzjoni. Però, matul is-sena 1972, il-Ġemgħa li Tiggverna wittiet it-triq għal bidla storika. X’kienet din il-bidla?
14. (a) Liema arranġament ġdid beda fl-1 t’Ottubru 1972? (b) Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani kif japplika l-parir li nsibu f’Filippin 2:3?
14 Issa ma kienx se jkun hemm ħu wieħed li jaqdi bħala l-indokratur tal-kongregazzjoni f’kull kongregazzjoni. Minflok, aħwa oħra li kienu kwalifikati Skritturalment ukoll kienu se jinħatru b’mod teokratiku biex jaqdu bħala anzjani Kristjani. Flimkien, dawn kienu se jifformaw ġemgħa t’anzjani li tindokra l-kongregazzjoni lokali. Dan l-arranġament ġdid tal-anzjani beda fl-1 t’Ottubru 1972. Illum, il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani ma jħallix il-kariga tiegħu titlagħlu għal rasu, imma minflok iqis lilu nnifsu bħala “wieħed mill-iżgħar.” (Lq. 9:48) Dawn l-aħwa umli tassew huma barka għall-fratellanza globali!—Flp. 2:3.
Jidher ċar li s-Sultan tagħna b’għerf ipprovda lis-segwaċi tiegħu r-ragħajja li kellhom bżonn fiż-żmien xieraq
15. (a) X’benefiċċji jinkisbu mill-arranġament biex il-kongregazzjonijiet ikollhom ġemgħa tal-anzjani? (b) X’jurina li s-Sultan tagħna aġixxa b’għerf?
15 L-arranġament taʼ li jinqasmu r-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni bejn membri tal-ġemgħat tal-anzjani wera li kien bidla għall-aħjar. Ikkunsidra dawn it-tliet benefiċċji: L-ewwel u qabel kollox, l-arranġament jgħin lill-anzjani kollha—għandhom kemm għandhom responsabbiltajiet serji fil-kongregazzjoni—biex dejjem jiftakru li Ġesù hu l-Kap tal-kongregazzjoni. (Efes. 5:23) It-tieni, kif jgħid Proverbji 15:22: “Il-pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.” Meta l-anzjani jiddiskutu bejniethom kwistjonijiet li jeffettwaw il-benesseri spiritwali tal-kongregazzjoni u jikkunsidraw is-suġġerimenti taʼ xulxin, jiġu megħjunin jaslu għal deċiżjonijiet li huma fi qbil mal-prinċipji Bibliċi. (Prov. 27:17) Ġeħova jbierek dawn id-deċiżjonijiet, u b’hekk jirnexxu. It-tielet, billi jkun hemm iktar aħwa kwalifikati biex jaqdu bħala anzjani, l-organizzazzjoni setgħet tlaħħaq mal-bżonn li dejjem qed jikber t’aħwa li jieħdu ħsieb l-indokrar u l-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni. (Is. 60:3-5) Aħseb ftit—in-numru taʼ kongregazzjonijiet madwar id-dinja żdied minn iktar minn 27,000 fl-1971 sa iktar minn 113,000 fl-2013! Jidher ċar li s-Sultan tagħna b’għerf ipprovda lis-segwaċi tiegħu r-ragħajja li kellhom bżonn fiż-żmien xieraq.—Mik. 5:5.
“Issiru eżempji għall-merħla”
16. (a) X’responsabbiltà għandhom l-anzjani? (b) L-Istudenti tal-Bibbja kif qiesu t-tħeġġiġ taʼ Ġesù biex ‘jirgħu n-nagħaġ’?
16 Fil-bidu tal-istorja tal-Istudenti tal-Bibbja, l-anzjani diġà kienu jifhmu li kellhom ir-responsabbiltà li jgħinu lil sħabhom fit-twemmin biex jibqgħu jaqdu lil Alla. (Aqra Galatin 6:10.) Fl-1908, artiklu fit-Torri tal-Għassa tkellem dwar it-tħeġġiġ taʼ Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġw. 21:15-17) L-artiklu qal lill-anzjani: “Hu importanti ħafna li nżommu sew f’moħħna u f’qalbna l-inkarigu li Sidna tana rigward il-merħla, u li bix-xieraq inqisuh bħala privileġġ kbir li nitimgħu u nieħdu ħsieb is-segwaċi tal-Mulej.” Fl-1925, It-Torri tal-Għassa reġaʼ enfasizza l-importanza taʼ li wieħed jaqdi bħala ragħaj billi fakkar lill-anzjani: “Il-kongregazzjoni hi t’Alla, . . . u hu se jitlob kont minn dawk kollha li għandhom il-privileġġ li jaqdu lil ħuthom.”
17. L-indokraturi kif ġew megħjunin isiru ragħajja kapaċi?
17 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif għenet lill-anzjani biex ibiddlu l-abbiltajiet tagħhom fix-xogħol pastorali ‘minn ħadid għall-fidda’? Billi pprovdiet it-taħriġ. Fl-1959, saret l-ewwel Skola tal-Ministeru tas-Saltna għall-indokraturi. Waħda mil-lezzjonijiet kienet intitolata: “Nuru interess persunali.” Dawn l-aħwa responsabbli ġew imħeġġin “jagħmlu skeda ħalli jżuru lill-pubblikaturi fi djarhom.” Il-lezzjoni ddiskutiet diversi modi kif ir-ragħajja jistgħu jagħmlu dawn iż-żjajjar taʼ inkuraġġiment għall-aħwa. Fl-1966, bdiet Skola tal-Ministeru tas-Saltna aġġornata. Waħda mil-lezzjonijiet kienet: “L-importanza tax-xogħol pastorali.” X’kien il-punt ewlieni taʼ din il-lezzjoni? Dawk li qed jieħdu t-tmexxija “għandhom jieħdu sehem biex bi mħabba jieħdu ħsieb il-merħla t’Alla, filwaqt li ma jittraskurawx lil dawk taʼ darhom u l-ministeru tal-għalqa.” Fi snin reċenti, saru iktar skejjel għall-anzjani. X’kien ir-riżultat tat-taħriġ kontinwu li pprovdiet l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Illum, il-kongregazzjoni Kristjana għandha eluf t’aħwa rġiel kwalifikati li jaqdu bħala ragħajja spiritwali.
18. (a) L-anzjani b’liema responsabbiltà serja ġew fdati? (b) Ġeħova u Ġesù għala jgħożżu l-anzjani ħabrieka?
18 L-anzjani Kristjani ġew inkarigati minn Ġeħova permezz tas-Sultan tagħna, Ġesù, biex iwettqu biċċa xogħol serja.X’inhu dan ix-xogħol? Li jmexxu lin-nagħaġ t’Alla matul l-iktar żmien kritiku fl-istorja umana. (Efes. 4:11, 12; 2 Tim. 3:1) Ġeħova u Ġesù verament jgħożżu l-anzjani ħabrieka għax dawn l-aħwa jobdu l-kmand Skritturali: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom . . . minn jeddkom . . . , bil-ħerqa . . . , billi ssiru eżempji għall-merħla.” (1 Pt. 5:2, 3) Hemm ħafna modi kif ir-ragħajja Kristjani huma eżempji għall-merħla u jżidu bil-kbir mal-paċi u l-ferħ fil-kongregazzjoni. Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom.
Kif l-anzjani llum jirgħu l-merħla t’Alla
19. Kif inħossuna dwar l-anzjani li jaħdmu magħna fil-ministeru?
19 L-ewwel nett, l-anzjani jaħdmu mal-membri tal-kongregazzjoni. Luqa, kittieb tal-Evanġelju, qal hekk dwar Ġesù: “Beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla. U miegħu kien hemm it-tnax.” (Lq. 8:1) L-istess bħalma Ġesù kien jipprietka flimkien mal-appostli tiegħu, hekk ukoll anzjani eżemplari jaħdmu spalla maʼ spalla maʼ sħabhom fit-twemmin fl-ippritkar. Jafu li billi jagħmlu dan ikunu qed jgħinu ħafna biex il-kongregazzjoni jkollha spirtu sabiħ. Il-membri tal-kongregazzjoni kif iħossuhom dwar anzjani bħal dawn? Jeannine, oħt li qed toqrob id-90 sena, tgħid: “Meta naħdem m’anzjan fis-servizz tal-għalqa, ikolli opportunità mill-aħjar biex nitkellem miegħu u nsir nafu aħjar.” Steven, ħu li għandu madwar 35 sena, jgħid: “Meta anzjan jaħdem miegħi fil-ministeru minn bieb għal bieb, inħoss li jrid jgħinni. U tassew inkun ferħan meta nirċievi għajnuna bħal din.”
20, 21. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lir-ragħaj fit-tixbiha taʼ Ġesù? Agħti eżempju. (Ara wkoll il-kaxxa “ Żjajjar taʼ kull ġimgħa jrendu l-frott.”)
20 It-tieni, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ħarrġet lill-anzjani biex juru t-tħassib tagħhom għal dawk li tbiegħdu mill-kongregazzjoni. (Ebr. 12:12) L-anzjani għala għandhom jgħinu lil dawn l-uħud dgħajfin spiritwalment, u kif għandhom jagħmlu dan? It-tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-ragħaj u n-nagħġa l-mitlufa tagħtina t-tweġibiet. (Aqra Luqa 15:4-7.) Meta r-ragħaj fit-tixbiha jinduna li għandu nagħġa mitlufa, hu jfittixha bħallikieku kienet l-unika nagħġa li għandu. L-anzjani Kristjani llum kif jimitaw l-eżempju li ħalla dan ir-ragħaj? Sewwasew bħalma n-nagħġa l-mitlufa tibqaʼ prezzjuża f’għajnejn ir-ragħaj, hekk ukoll dawk li tbiegħdu min-nies t’Alla jibqgħu prezzjużi f’għajnejn l-anzjani. L-anzjani jħarsu lejn individwu li hu dgħajjef spiritwalment bħala nagħġa mitlufa u mhux każ mitluf. Iktar minn hekk, bħalma r-ragħaj jiddeċiedi li “jmur ifittex il-mitlufa sakemm isibha,” hekk ukoll l-anzjani jieħdu l-inizjattiva biex isibu u jgħinu lid-dgħajfin.
21 Ir-ragħaj fit-tixbiha x’jagħmel meta jsib in-nagħġa? Bil-ġentilezza jerfagħha, “ipoġġiha fuq spallejh,” u jġorrha lura lejn il-merħla. Bl-istess mod, il-kliem bi mħabba t’anzjan jistaʼ bil-ġentilezza jgħin lil wieħed dgħajjef spiritwalment jerġaʼ jqum fuq saqajh u jerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni. Hekk ġara lil Victor, ħu fl-Afrika li waqaf jissieħeb mal-kongregazzjoni. Hu jgħid: “Matul it-tmien snin li kont inattiv, l-anzjani baqgħu jipprovaw jgħinuni.” X’kien dak li verament messlu qalbu? Hu jispjega: “Ġurnata minnhom, John, anzjan li miegħu kont attendejt l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier, ġie jżurni u wrieni xi ritratti tagħna li kien ħa matul l-iskola. Tant fakkruni f’memorji sbieħ li bdejt nixxennaq għall-ferħ li ħassejt meta kont naqdi lil Ġeħova.” Ftit wara ż-żjara taʼ John, Victor reġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni. Illum, qed jerġaʼ jaqdi bħala pijunier. Tabilħaqq, kemm inħossuna ferħanin meta naraw li l-anzjani Kristjani jħobbuna!—2 Kor. 1:24. b
Titjib fl-indokrar isaħħaħ l-għaqda fost in-nies t’Alla
22. Is-sewwa u l-paċi kif isaħħu l-għaqda tal-kongregazzjoni Kristjana? (Ara wkoll il-kaxxa “ Lanqas stajna nemmnu lil għajnejna.”)
22 Bħalma rajna qabel, Ġeħova bassar li s-sewwa u l-paċi kienu se jkomplu jiżdiedu fost in-nies t’Alla. (Is. 60:17) Dawn iż-żewġ kwalitajiet isaħħu l-għaqda tal-kongregazzjonijiet. B’liema modi? Rigward is-sewwa naraw li ‘Alla tagħna hu wieħed,’ Ġeħova. (Dt. 6:4) Il-livelli sewwa tiegħu ma jvarjawx skont il-kongregazzjoni jew il-pajjiż. Le, Alla għandu livell wieħed dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u dan il-livell hu l-istess “fil-kongregazzjonijiet kollha tal-qaddisin.” (1 Kor. 14:33) Għalhekk, l-uniku mod kif kongregazzjoni tmur tajjeb hu billi tapplika l-livelli t’Alla. Rigward il-paċi, is-Sultan tagħna mhux biss iridna ngawdu l-paċi fil-kongregazzjoni, imma wkoll iridna nkunu wħud “li jġibu l-paċi.” (Mt. 5:9) Għaldaqstant, “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi.” Dan ifisser li nieħdu l-inizjattiva biex insolvu kwalunkwe nuqqas taʼ qbil li kultant jistaʼ jkollna bejnietna. (Rum. 14:19) B’hekk, ngħinu biex il-kongregazzjoni tagħna tkun fil-paċi u magħquda.—Is. 60:18.
23. Xi ngawdu llum il-ġurnata bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova?
23 F’Novembru tal-1895, meta It-Torri tal-Għassa ħabbar l-ewwel arranġament tal-anzjani, l-aħwa responsabbli esprimew ukoll ix-xewqa kbira li kellhom. X’kienet? Huma xtaqu u talbu li dan l-arranġament ġdid fl-organizzar jgħin lin-nies t’Alla biex “malajr jingħaqdu fil-fidi.” Aħna tassew grati li l-irfinar fl-indokrar li sar bil-mod il-mod minn Ġeħova permezz tas-Sultan tagħna tassew saħħaħ l-għaqda tagħna fil-qima. (Salm 99:4) Għalhekk, illum flimkien mal-qaddejja kollha taʼ Ġeħova madwar id-dinja aħna nifirħu hekk kif nimxu “fl-istess spirtu,” insegwu “l-istess passi,” u naqdu “l-Alla tal-paċi” “spalla maʼ spalla.”—2 Kor. 12:18; aqra Sofonija 3:9.
a Ir-riżultati taʼ din ir-riċerka dettaljata ġew ippubblikati fix-xogħol taʼ referenza Aid to Bible Understanding.
b Ara l-artiklu “Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-Ferħ Tagħna,’” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar 2013.