KAPITLU 14
Nappoġġaw b’lealtà l-gvern t’Alla biss
1, 2. (a) Liema prinċipju ggwida lis-segwaċi taʼ Ġesù sal-lum il-ġurnata? (b) Xi għedewwa kif ipprovaw jeqirduna, u x’riżultat kellhom?
ĠESÙ kien bilwieqfa quddiem Pilatu, l-iktar imħallef sekulari taʼ poter fil-ġens Lhudi, u lissen prinċipju li ggwida lis-segwaċi ġenwini Tiegħu sal-lum il-ġurnata. Qal: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġw. 18:36) Pilatu ta lil Ġesù l-kundanna tal-mewt, imma din ir-rebħa kienet għomorha qasir għax Ġesù ġie rxoxtat. L-Imperu Ruman, li kien tant b’saħħtu, kellu imperaturi li pprovaw jeliminaw għalkollox lis-segwaċi taʼ Kristu, imma kien kollu għalxejn. Il-Kristjani xandru l-messaġġ tas-Saltna mal-erbat irjieħ.—Kol. 1:23.
2 Wara li s-Saltna ġiet stabbilita fl-1914, xi ftit mill-iktar qawwiet militari b’saħħithom fl-istorja pprovaw jeqirdu lin-nies t’Alla. Imma ħadd minnhom ma rnexxielu jegħlibna. Ħafna gvernijiet u partiti politiċi pprovaw iġegħluna nżommu maʼ naħa jew oħra tal-konflitti tagħhom. Imma ma kinux kapaċi jifirduna. Illum, tistaʼ tgħid li hemm sudditi tas-Saltna fi kważi kull ġens fuq l-art. Minkejja dan, aħna magħqudin fi fratellanza globali ġenwina u nibqgħu newtrali għalkollox fejn għandhom x’jaqsmu l-kwistjonijiet politiċi tad-dinja. L-unità tagħna tagħti prova taʼ min joqgħod fuqha li s-Saltna t’Alla qed taħkem u li s-Sultan Ġesù Kristu għadu qed jiggwida, jirfina, u jipproteġi lis-sudditi tiegħu. Ikkunsidra kif għamel dan, u ara ftit mir-rebħiet legali li jsaħħulna l-fidi li ksibna grazzi għal Ġesù hekk kif inkomplu nżommu ruħna separati mid-dinja.—Ġw. 17:14.
Kwistjoni li saret importanti
3, 4. (a) X’ġara wara t-twelid tas-Saltna? (b) In-nies t’Alla minn dejjem fehmu bis-sħiħ il-kwistjoni tan-newtralità? Spjega.
3 Wara t-twelid tas-Saltna, faqqgħet gwerra fis-sema u Satana twaddab lejn l-art. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-10, 12.) Faqqgħet gwerra oħra hawn fuq l-art, gwerra li ġarrbet id-determinazzjoni tan-nies t’Alla. Dawn kienu determinati li jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù u ma jkunux parti mid-dinja. Imma għall-ewwel ma fehmux bis-sħiħ x’kien involut f’li ma jindaħlux fi kwalunkwe kwistjoni politika.
4 Pereżempju, is-sitt volum tas-serje Millennial Dawn, a li ġie ppubblikat fl-1904, ħeġġeġ lill-Kristjani biex jekk jistaʼ jkun ma jipparteċipawx fil-gwerra. Però, irraġuna li jekk Kristjan jinqabad bil-lieva, għandu jipprova jikseb xi tip taʼ servizz li ma jinvolvix il-ġlied. Jekk ma jirnexxilux u jintbagħat jiġġieled, għandu jagħmel ċert li ma joqtolx. Herbert Senior, li kien jgħix fil-Britannja u li tgħammed fl-1905, qal hekk dwar is-sitwazzjoni f’dak iż-żmien: “Kien hemm ħafna taħwid fost l-aħwa u ma kien hemm l-ebda parir ċar dwar jekk ikunx sewwa li wieħed isir suldat fl-armata dment li ma jmurx jiġġieled.”
5. It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Settembru 1915, kif beda jirfina l-fehma tagħna?
5 Madanakollu, It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Settembru 1915, beda jirfina l-fehma tagħna dwar din il-kwistjoni. Rigward dak li ssuġġerixxa Studies in the Scriptures, ir-rivista qalet: “Min jaf jekk inkunux qed nagħmlu kompromess jekk insiru suldati dment li ma niġġildux?” Imma xi ngħidu jekk Kristjan jiġi mhedded li jiġi sparat jekk jirrifjuta uniformi u s-servizz militari? L-artiklu rraġuna: “Xi jkun l-agħar—li jisparawlek għax bqajt leali lejn il-Prinċep tal-Paċi u għax irrifjutajt li tmur kontra l-ordni Tiegħu jew li jisparawlek waqt li tkun qed taħdem għas-slaten taʼ din id-dinja u tkun qed tappoġġahom u waqt li, għall-inqas f’għajnejn in-nies, tkun qed tagħmel kompromess mit-tagħlim tas-Sultan tagħna fis-sema? Aħna kieku nippreferu mmutu għall-ewwel raġuni—nippreferu mmutu għax bqajna leali lejn is-Sultan tagħna fis-sema.” Minkejja li ta din l-istqarrija qawwija, l-artiklu kkonkluda billi qal: “Mhux qed ninsistu li tagħmlu hekk. Sempliċement qed nagħtu suġġeriment.”
6. X’tgħallimt mill-eżempju taʼ Ħuna Herbert Senior?
6 Xi aħwa fehmu sew li ma jkunx xieraq li wieħed isir suldat u kienu lesti li jħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi. Herbert Senior, li kkwotajna qabel, qal: “Għalija ma kien hemm l-ebda differenza bejn li nħott l-iskrataċ minn vapur [xogħol militari li m’għandux x’jaqsam mal-ġlied] u bejn li nitfaʼ dawk l-iskrataċ ġo rivolver biex nispara.” (Lq. 16:10) Peress li rrifjuta li jidħol fis-servizz militari minħabba t-twemmin tiegħu, Ħuna Senior ġie mitfugħ il-ħabs. Hu u erbaʼ aħwa rġiel oħra kienu fost grupp taʼ 16-il individwu li rrifjutaw li jidħlu fis-servizz militari minħabba l-kuxjenza tagħhom. Dan il-grupp inkluda rġiel minn gruppi reliġjużi oħra, u dawn qattgħu ftit mis-sentenza tagħhom fil-ħabs taʼ Richmond fil-Britannja. Darba minnhom, Herbert u oħrajn bħalu bil-moħbi ntbagħtu fuq il-fruntiera tal-battalja fi Franza. Hemmhekk, ġie deċiż li jinqatlu permezz taʼ sparar. Hu u xi oħrajn tpoġġew quddiem is-suldati biex dawn jisparawlhom, imma ma nqatlux. Minflok, is-sentenzi tagħhom ġew mibdulin għal 10 snin ħabs.
7. Sal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, in-nies t’Alla x’kienu qed jifhmu?
7 Sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, in-nies taʼ Ġeħova bħala grupp kienu qed jifhmu iktar biċ-ċar xi jfisser li tkun newtrali u x’kien mistenni minnhom jekk riedu jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. (Mt. 26:51-53; Ġw. 17:14-16; 1 Pt. 2:21) Pereżempju, il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Novembru 1939, kellha artiklu importanti ħafna bl-isem “In-newtralità.” L-artiklu qal: “In-nies taʼ Ġeħova issa jridu jżommu newtralità stretta meta l-ġnus ikunu qed jiggwerraw.” Rigward dan l-artiklu, Simon Kraker, li iktar tard qeda fil-kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, qal: “Fhimt li n-nies t’Alla kellhom iżommu l-paċi maʼ kulħadd, anke meta jkun hemm probabbiltà taʼ gwerra.” L-ikel spiritwali kien ġie provdut f’waqtu u għen biex iħejji lin-nies t’Alla għal attakk li qatt ma kien hawn bħalu fuq il-lealtà tagħhom lejn is-Saltna.
Mheddin minn “xmara” t’oppożizzjoni
8, 9. Il-profezija tal-appostlu Ġwanni kif twettqet?
8 L-appostlu Ġwanni pprofetizza li wara t-twelid tas-Saltna fl-1914, id-dragun, Satana x-Xitan, kien se jipprova jeqred lil dawk li jappoġġaw is-Saltna t’Alla billi jaqlaʼ minn ħalqu xmara simbolika. b (Aqra Rivelazzjoni 12:9, 15.) Il-profezija taʼ Ġwanni kif twettqet? Mill-1920 ’il quddiem, kien hemm żieda drastika fl-oppożizzjoni kontra n-nies t’Alla. Bħal ħafna aħwa rġiel oħra li għexu fl-Amerika taʼ Fuq matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Ħuna Kraker ġie mitfugħ il-ħabs talli baqaʼ leali lejn is-Saltna t’Alla. Infatti, matul il-gwerra, iktar minn 66 fil-mija tal-priġunieri li kienu fil-ħabsijiet fl-Istati Uniti għax ma qablux mal-gwerra minħabba raġunijiet reliġjużi kienu Xhieda taʼ Ġeħova.
9 Ix-Xitan u l-aġenti tiegħu kienu waħħluha f’rashom li jkissru l-integrità tas-sudditi tas-Saltna jgħixu fejn jgħixu. Fl-Afrika, l-Ewropa, u l-Istati Uniti, dawn is-sudditi nġiebu quddiem qrati u bords li jiddeċiedu jekk setgħux joħorġu bi pleġġ. Minħabba d-determinazzjoni soda tagħhom biex jibqgħu newtrali, ġew mitfugħin il-ħabs, imsawtin, u feruti. Fil-Ġermanja, in-nies t’Alla ffaċċjaw pressjoni enormi għax irrifjutaw li jgħidu “Heil Hitler” jew jieħdu sehem b’xi mod fil-gwerra. Ġie stmat li 6,000 individwu nżammu f’kampijiet tal-ħabs matul iż-żmien tan-Nazisti, u iktar minn 1,600 Xhud Ġermaniż u mhux Ġermaniż inqatlu minn dawk li ħaqruhom. Minkejja dan, ix-Xitan ma setaʼ jagħmel l-ebda ħsara permanenti lin-nies t’Alla.—Mk. 8:34, 35.
“L-art” tiblaʼ “x-xmara”
10. “L-art” x’tirrappreżenta, u kif għenet lin-nies t’Alla?
10 Il-profezija mniżżla mill-appostlu Ġwanni rrivelat li “l-art”—aspetti taʼ din is-sistema li huma iktar raġunevoli—kienet se tiblaʼ “x-xmara” taʼ persekuzzjoni, u b’hekk tgħin lin-nies t’Alla. Din il-parti tal-profezija kif twettqet? Fl-għaxriet taʼ snin taʼ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, “l-art” spiss qabżet għas-segwaċi leali tas-Saltna Messjanika. (Aqra Rivelazzjoni 12:16.) Pereżempju, diversi qrati t’influwenza pproteġew id-dritt li x-Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw li jidħlu fis-servizz militari u d-dritt li jirrifjutaw li jieħdu sehem f’ċerimonji patrijottiċi. L-ewwel, ikkunsidra ftit mir-rebħiet kbar li Ġeħova ta lin-nies tiegħu fejn għandu x’jaqsam is-servizz militari.—Salm 68:20.
11, 12. Liema kwistjonijiet iffaċċjaw Ħuna Sicurella u Ħuna Thlimmenos, u x’kien ir-riżultat?
11 L-Istati Uniti. Anthony Sicurella trabba minn ġenituri li kienu Xhieda. Tgħammed meta kellu 15-il sena. Meta għalaq 21 sena, irreġistra mal-bord tal-lieva bħala ministru tar-reliġjon. Sentejn wara, fl-1950, applika biex minflok, ikun reġistrat bħala wieħed li jirrifjuta s-servizz militari minħabba l-kuxjenza. Għalkemm ir-rapport tal-Uffiċċju Federali tal-Investigazzjoni (FBI) qal li ma nstab xejn ħażin fih, id-Dipartiment tal-Ġustizzja ma riedx jerġaʼ jirreġistrah. Wara li telaʼ l-qorti diversi drabi, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti semgħet il-każ taʼ Ħuna Sicurella, ma qablitx mad-deċiżjoni li ħadet il-qorti inferjuri, u qatgħet il-każ favur Ħuna Sicurella. Din id-deċiżjoni serviet bħala eżempju għaċ-ċittadini l-oħra fl-Istati Uniti li ma ridux jidħlu fis-servizz militari minħabba l-kuxjenza tagħhom.
12 Il-Greċja. Fl-1983, Iakovos Thlimmenos instab ħati talli rrifjuta li jilbes uniformi militari u ġie mitfugħ il-ħabs. Meta nħeles mill-ħabs, applika biex isir accountant imma rrifjutawh għax kellu rekord kriminali. Fetaħ kawża l-qorti, imma wara li tilef il-każ fil-qrati Griegi, applika biex jinstemaʼ mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Fis-sena 2000, l-Awla Manja tal-QEDB, bord li jikkonsisti minn 17-il imħallef, qatgħet il-każ favurih, u b’hekk każijiet oħra taʼ diskriminazzjoni setgħu jimxu fuq dan. Qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni, iktar minn 3,500 ħu fil-Greċja kellhom rekords kriminali għax kienu ġew mitfugħin il-ħabs minħabba l-waqfa newtrali tagħhom. Wara din id-deċiżjoni favorevoli, il-Greċja għaddiet liġi biex jitneħħew l-akkużi kriminali li kien hemm kontra dawn l-aħwa. Ukoll, meta l-liġijiet tal-Greċja ġew riveduti, ġiet ikkonfermata liġi li kienet għaddiet ftit snin qabel. Din il-liġi tat liċ-ċittadini Griegi kollha d-dritt li jagħmlu servizz ieħor għall-gvern minflok is-servizz militari.
13, 14. X’taħseb li nistgħu nitgħallmu mill-każijiet taʼ Ivailo Stefanov u Vahan Bayatyan?
13 Il-Bulgarija. Fl-1994, Ivailo Stefanov kellu 19-il sena meta nqabad bil-lieva. Irrifjuta li jidħol fl-armata jew li jieħu sehem f’xogħol li ma jinvolvix ġlied imma li hu mmexxi mill-militar. Ġie kkundannat għal 18-il xahar ħabs, imma appella kontra din id-deċiżjoni fuq il-bażi li kellu d-dritt jirrifjuta x-xogħol fil-militar minħabba t-twemmin. Eventwalment, il-każ tiegħu wasal quddiem il-QEDB. Fl-2001, qabel ma setaʼ jinstemaʼ l-każ, il-gvern wasal għal ftehim b’mod paċifiku maʼ Ħuna Stefanov. Il-gvern Bulgaru mhux talli ħafer lil Ħuna Stefanov imma talli ħafer ukoll lil Bulgari kollha li kienu lesti li jagħmlu xi servizz ieħor minflok is-servizz militari. c
14 L-Armenja. Fl-2001, Vahan Bayatyan kellu jidħol fis-servizz militari obbligatorju. d Vahan irrifjuta li jaqdi fil-militar minħabba l-kuxjenza, imma tilef kull appell fil-qrati tal-pajjiż. F’Settembru tal-2002, beda jaqdi s-sentenza tiegħu li kienet taʼ sentejn u nofs ħabs, imma wara 10 xhur u nofs inħeles. Matul dak iż-żmien, appella lill-QEDB, u din semgħet il-każ tiegħu. Imma fis-27 t’Ottubru 2009, dik il-Qorti wkoll qatgħet il-każ kontrih. Din is-sentenza donna kienet telfa kbira għal ħutna fl-Armenja li ħabbtu wiċċhom maʼ din il-kwistjoni. Madanakollu, l-Awla Manja tal-QEDB irrivediet il-każ. Fis-7 taʼ Lulju 2011, il-Qorti qatgħet il-każ favur Vahan Bayatyan. Din kienet l-ewwel darba li l-QEDB għarfet li d-dritt li wieħed jirrifjuta li jaqdi fis-servizz militari minħabba t-twemmin reliġjuż għandu jiġi protett mid-dritt tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza, u r-reliġjon. Din id-deċiżjoni tipproteġi d-drittijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova kif ukoll taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ nies f’pajjiżi li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa. e
Il-kwistjoni taċ-ċerimonji patrijottiċi
15. In-nies taʼ Ġeħova għala jirrifjutaw li jieħdu sehem fiċ-ċerimonji patrijottiċi?
15 In-nies taʼ Ġeħova jibqgħu leali lejn is-Saltna Messjanika mhux biss billi jirrifjutaw li jaqdu fis-servizz militari imma wkoll billi b’rispett jirrifjutaw li jieħdu sehem fiċ-ċerimonji patrijottiċi. Speċjalment minn meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, iktar nies madwar id-dinja saru patrijottiċi. Kien u għadu mitlub li ċ-ċittadini f’ħafna pajjiżi jwiegħdu l-lealtà tagħhom lejn art twelidhom, pereżempju billi jkantaw l-innu nazzjonali jew isellmu l-bandiera tal-pajjiż. Però, aħna naqdu lil Ġeħova biss. (Eżo. 20:4, 5) Għalhekk, esperjenzajna “xmara” taʼ persekuzzjoni. Minkejja dan, Ġeħova reġaʼ uża “l-art” biex tiblaʼ ftit minn din l-oppożizzjoni. Ejja naraw ftit mir-rebħiet rimarkevoli li Ġeħova tana permezz taʼ Kristu f’din il-kwistjoni.—Salm 3:8.
16, 17. Liema kwistjoni ffaċċjaw Lillian u William Gobitas, u x’tgħallimt mill-każ tagħhom?
16 L-Istati Uniti. Fl-1940, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti qatgħet il-każ magħruf bħala Minersville School District v. Gobitis kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova bi 8 voti kontra u 1 favur. Lillian Gobitas, f li kellha 12-il sena, u ħuha William, li kellu 10 snin, riedu jibqgħu leali lejn Ġeħova, u għalhekk irrifjutaw li jsellmu lill-bandiera jew li jirripetu l-ġurament taʼ fedeltà lejn il-pajjiż. Għaldaqstant, tkeċċew mill-iskola. Il-każ tagħhom spiċċa quddiem il-Qorti Suprema, u l-Qorti kkonkludiet li l-iskola ma marritx kontra l-liġi billi keċċiethom, anzi kienet qed taġixxi biex iżżomm “l-unità nazzjonali.” Din id-deċiżjoni tat bidu għal persekuzzjoni liema bħalha. Iktar tfal tax-Xhieda tkeċċew mill-iskola, Xhieda adulti tilfu l-impjieg, u għadd taʼ Xhieda ġew attakkati bl-aħrax minn marmalji. Ktieb dwar il-libertà reliġjuża jgħid li “l-persekuzzjoni tax-Xhieda mill-1941 sal-1943 kienet l-akbar każ taʼ intolleranza reliġjuża fl-Amerika matul is-seklu 20.”—The Lustre of Our Country.
17 Ir-rebħa tal-għedewwa t’Alla kellha għomorha qasir. Fl-1943, il-Qorti Suprema kkunsidrat każ ieħor simili għal dak tal-aħwa Gobitas. Dan il-każ hu magħruf bħala West Virginia State Board of Education v. Barnette. Din id-darba, il-Qorti Suprema qatgħet il-każ favur ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-Istati Uniti li l-Qorti Suprema biddlet fehmitha f’perijodu tant qasir. Wara li ttieħdet din id-deċiżjoni, il-persekuzzjoni sfaċċata kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti naqset bil-qabda. U b’hekk, ġew imsaħħin id-drittijiet taċ-ċittadini kollha tal-Istati Uniti.
18, 19. Pablo Barros x’qal li għenu ma jċedix għall-pressjoni, u qaddejja oħra taʼ Ġeħova kif jistgħu jimitaw l-eżempju tiegħu?
18 L-Arġentina. Pablo Barros, taʼ tmien snin, u Hugo Barros, taʼ sebaʼ snin, tkeċċew mill-iskola fl-1976 talli ma sellmux lill-bandiera. Darba minnhom, il-head imbottat lil Pablo u tatu daqqa fuq rasu. Ġiegħlet liż-żewġ subien jibqgħu wara l-iskola għal siegħa u pprovat iġġegħelhom jieħdu sehem f’ċerimonji patrijottiċi. Meta ftakar minn xiex għadda, Pablo qal: “Mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova, ma kienx jirnexxili niflaħ għall-pressjoni u nżomm l-integrità tiegħi.”
19 Meta l-każ wasal quddiem l-imħallef, dan qabel mad-deċiżjoni tal-iskola li jitkeċċew Pablo u Hugo. Iżda, il-każ tagħhom tressaq quddiem il-Qorti Suprema tal-Arġentina. Fl-1979, din il-Qorti ma qablitx mal-qorti l-oħra, u qalet: “Dan il-kastig [li jitkeċċew mill-iskola] jmur kontra d-dritt li wieħed jitgħallem (Artiklu 14) u d-dmir tal-Istat li jagħti edukazzjoni primarja (Artiklu 5).” Madwar 1,000 tifel u tifla tax-Xhieda bbenefikaw minn din ir-rebħa. L-iskejjel ma setgħux jibqgħu jkeċċuhom u xi ftit mit-tfal, bħal Pablo u Hugo, setgħu jerġgħu jibdew jattendu l-iskola pubblika.
20, 21. Il-każ taʼ Roel u Emily Embralinag, kif isaħħaħlek il-fidi?
20 Il-Filippini. Fl-1990, Roel Embralinag, g li kellu 9 snin, u oħtu Emily, li kellha 10 snin, flimkien maʼ xi 66 Xhud ieħor li kienu studenti, tkeċċew mill-iskola talli ma sellmux lill-bandiera. Missier Roel u Emily, Leonardo, ipprova jirraġuna mal-awtoritajiet tal-iskola, imma ma wasal imkien. Hekk kif l-affarijiet iggravaw, Leonardo fetaħ kawża l-Qorti Suprema. Leonardo kien jaqlagħha u jikolha, u allura ma kellux flus għal avukat. Il-familja talbet bil-ħerqa lil Ġeħova għall-gwida. Sadattant, it-tfal kienu qed jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt u mgħajrin. Leonardo ħass li ma kellux ċans li jirbaħ il-każ għax ma kellu l-ebda taħriġ legali.
21 Kif żvolġew l-affarijiet, il-familja kienet rappreżentata minn Felino Ganal, avukat li qabel kien impjegat maʼ wieħed mill-iktar uffiċċji t’avukati magħrufin fil-pajjiż. Fiż-żmien meta kien għaddej il-każ, Ħuna Ganal kien telaq minn dan l-impjieg u sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta l-każ tressaq quddiem il-Qorti Suprema, il-Qorti b’mod unanimu ħadet deċiżjoni favur ix-Xhieda u qalet li t-tfal li tkeċċew kellhom jitħallew jerġgħu jmorru l-iskola. Għal darb’oħra, dawk li pprovaw ikissru l-integrità tan-nies t’Alla fallew bl-ikrah.
In-newtralità twassal għall-unità
22, 23. (a) Għala kellna tant rebħiet legali importanti? (b) Il-fratellanza globali u paċifika tagħna, x’turi b’mod ċar?
22 In-nies taʼ Ġeħova għala kellhom tant rebħiet legali importanti? M’għandna l-ebda influwenza politika. Imma f’pajjiż wara l-ieħor u f’qorti wara l-oħra, imħallfin ġusti pproteġewna mill-attakki taʼ opponenti stinati. Għalhekk, ħallew eżempji kif il-liġi tal-pajjiż għandha tiġi applikata f’każi simili. Mingħajr ebda dubju, Kristu appoġġa l-isforzi tagħna biex niksbu dawn ir-rebħiet. (Aqra Rivelazzjoni 6:2.) Għala niġġieldu każijiet legali bħal dawn? Il-mira tagħna mhix li nbiddlu s-sistema legali. Minflok, l-għan tagħna hu li nagħmlu ċert li nistgħu nibqgħu naqdu lis-Sultan tagħna, Ġesù Kristu, mingħajr tfixkil.—Atti 4:29.
23 F’nofs dinja maqsuma minħabba l-politika u mgħawġa minħabba mibegħda mnaqqxa fil-fond, is-Sultan tagħna, Ġesù Kristu, bierek l-isforzi tas-segwaċi tiegħu madwar id-dinja biex iżommu l-waqfa newtrali tagħhom. Satana falla fl-isforzi tiegħu biex jifridna u jeqridna. Is-Saltna ġabret miljuni taʼ nies li jirrifjutaw ‘li jitħarrġu iktar għall-gwerra.’ L-eżistenza nfisha tal-fratellanza globali u paċifika tagħna hi miraklu—turi b’mod ċar li s-Saltna t’Alla qed taħkem!—Is. 2:4.
a Dan il-volum hu magħruf ukoll bit-titlu The New Creation. Iktar tard, il-volumi tal-Millennial Dawn bdew jissejħu Studies in the Scriptures.
b Għal diskussjoni taʼ din il-profezija, ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, kapitlu 27, paġni 184-186.
c Il-ftehim kien jitlob ukoll li l-gvern Bulgaru joffri servizz ieħor minbarra s-servizz militari lil dawk kollha li jirrifjutaw li jidħlu fis-servizz militari minħabba l-kuxjenza.
d Għal iktar dettalji dwar il-każ, ara l-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 2012, paġni 29-31.
e Fuq medda t’20 sena, il-gvern tal-Armenja tefaʼ iktar minn 450 Xhud żagħżugħ il-ħabs. F’Novembru tal-2013, l-aħħar ftit minn dawn l-aħwa nħelsu mill-ħabs.
f Il-kunjom ġie miktub ħażin fir-rekords tal-qorti.
g Il-kunjom ġie miktub ħażin fir-rekords tal-qorti. Kitbuh Ebralinag minflok Embralinag.