KAPITLU 22
Is-Saltna twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art
1, 2. (a) Kultant, għala jistaʼ jkun diffiċli għalina li naraw il-Ġenna tal-art bħala xi ħaġa reali? (b) X’jistaʼ jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla?
ĦU LEALI jasal għal-laqgħa għajjien mejjet wara ġurnata mimlija stress. Ġie ttrattat ħażin minn imgħallem li jippretendi wisq minnu, ħassu stressat minħabba l-isfidi biex imantni l-familja, u ġarrab l-ansjetà minħabba marda li qed tifni lil martu. Hekk kif tibda l-mużika tal-għanja tal-ftuħ, jieħu nifs taʼ serħan, u jħossu ferħan li qiegħed fis-Sala tas-Saltna maʼ ħutu rġiel u nisa. L-għanja hi dwar it-tama taʼ ħajja fil-Ġenna tal-art, u tħeġġu jġib quddiem għajnejh din it-tama u jimmaġina li qiegħed hemm. Minn dejjem kien iħobb din l-għanja, u hu u jkantaha flimkien maʼ familtu, it-tama għall-futur tqawwilu qalbu.
2 Ġieli ħassejtek bħal dan il-ħu? Il-maġġoranza minna żgur li nwieġbu iva. Bla dubju taʼ xejn, il-ħajja f’din is-sistema qadima tistaʼ tagħmilhielna diffiċli biex inħarsu lejn il-Ġenna tal-art li ġejja bħala xi ħaġa reali. Qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u d-dinja xejn ma tixbah ġenna tal-art. (2 Tim. 3:1) X’jistaʼ jgħinna nħarsu lejn it-tama tagħna bħala xi ħaġa reali? Kif tassew nafu li s-Saltna t’Alla dalwaqt se taħkem fuq l-umanità kollha? Ejja nikkunsidraw ftit mill-profeziji taʼ Ġeħova li n-nies tiegħu rawhom jitwettqu fl-imgħoddi. Imbagħad se nirrivedu kif dawn il-profeziji u oħrajn simili qed jitwettqu b’mod eċċitanti issa stess. Fl-aħħar, bil-fidi tagħna msaħħa, se niffokaw fuq kif dawn il-profeziji se jitwettqu fil-futur.
Kif Ġeħova wettaq il-wegħdi tiegħu żmien twil ilu
3. Liema wegħda farrġet lil-Lhud li kienu fl-eżilju f’Babilonja?
3 Immaġina kif kienet il-ħajja tal-Lhud li kienu qed jgħixu fl-eżilju f’Babilonja lura fis-sitt seklu QEK. Ħafna trabbew bħala eżiljati, bħall-ġenituri tagħhom, u l-ħajja kienet iebsa. Il-Babiloniżi kienu jgħadduhom biż-żmien minħabba l-fidi tagħhom f’Ġeħova. (Salm 137:1-3) Imma għal għaxriet taʼ snin, il-Lhud leali żammew sod maʼ din it-tama sabiħa: Ġeħova kien wiegħed li jiġbor lil niesu lura f’Iżrael. Ġeħova kien qal li se jgawdu ħajja mill-isbaħ hemmhekk. Saħansitra qal li l-art taʼ Ġuda kienet se ssir bħall-ġnien tal-Għeden—ġenna! (Aqra Isaija 51:3.) Jidher ċar li dawn il-wegħdi ntqalu biex iserrħu moħħ in-nies t’Alla u biex itaffu l-ansjetà li setgħet kienet qed tkiddhom. Kif? Ikkunsidra xi profeziji speċifiċi.
4. Ġeħova kif assigura lil-Lhud dwar is-sigurtà f’Ġuda?
4 Sigurtà. Dawn l-eżiljati ma kinux se jirritornaw għal ġenna letterali, imma għal art imbiegħda li kien ilha diżabitata 70 sena, pajjiż li ħafna minnhom qatt ma kienu rawh. Fil-pajjiżi tal-Bibbja f’dak iż-żmien l-iljuni kienu komuni, bħalma kienu l-ilpup, il-leopardi, u annimali salvaġġi oħrajn. Raġel tal-familja għandu mnejn ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Kif nistaʼ nieħu ħsieb lil marti u lit-tfal? Xi ngħidu għan-nagħaġ u l-imrieħel—kif nistaʼ nipproteġihom?ʼ Hu naturali li jitħasseb b’dan il-mod. Allura, aħseb dwar il-wegħda t’Alla mniżżla f’Isaija 11:6-9, u immaġina kemm kienet sors taʼ faraġ. (Aqra.) B’dan il-kliem poetiku mill-isbaħ, Ġeħova assigura lill-eżiljati li kemm huma u kemm l-annimali tagħhom kienu se jkunu protetti. L-iljun kien se jiekol it-tiben fis-sens li ma kienx se jiekol l-imrieħel tal-Lhud. Uħud leali ma kellhomx għalfejn jibżgħu minħabba dawn l-annimali salvaġġi. Ġeħova wiegħed li n-nies tiegħu kienu se jgħixu fis-sigurtà fl-art taʼ Ġuda, anke fl-art xagħrija u fil-foresti.—Eżek. 34:25.
5. Liema profeziji għenu lill-eżiljati jkunu fiduċjużi li Ġeħova kien se jipprovdi għall-bżonnijiet tagħhom bl-abbundanza?
5 Abbundanza. Setaʼ kien hemm affarijiet oħra li inkwetaw lin-nies. ‘Se nkun nistaʼ mmantni l-familja tiegħi f’Ġuda? Fejn se ngħixu? Se jkun hemm xogħol għalija? Jekk iva, se jkun aħjar mill-ħajja tedjanti li kellna fl-eżilju taħt idejn il-Babiloniżi?’ Permezz taʼ profeziji mnebbħin, Ġeħova b’qalb tajba wieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll. Ġeħova wiegħed li se jagħti x-xita lin-nies ubbidjenti tiegħu; u b’hekk, l-art kienet se tipproduċi ħobż “bnin u rikk.” (Is. 30:23) Rigward post fejn jgħixu u xogħol sodisfaċenti, Ġeħova wiegħed hekk dwar in-nies tiegħu: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor.” (Is. 65:21, 22) Tabilħaqq, b’ħafna modi, il-ħajja kienet se tkun mill-isbaħ meta mqabbla mal-eżilju tagħhom f’Babilonja li kienet pagana. Imma xi ngħidu għall-iktar problemi serji tagħhom—dawk li wassluhom biex spiċċaw fl-eżilju?
6. In-nies t’Alla kienu ilhom ibatu minn liema problemi taʼ saħħa, u Ġeħova dwar xiex serrħilhom moħħhom?
6 Saħħa spiritwali. Ħafna qabel ma ġew eżiljati, in-nies t’Alla kienu marru l-baħar spiritwalment. Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova qal hekk dwar il-poplu tiegħu: “Ir-ras kollha hi f’qagħda marida, u l-qalb kollha hi dgħajfa.” (Is. 1:5) Kienu għomja u torox spiritwalment, għax baqgħu jsoddu widnejhom għall-pariri taʼ Ġeħova u jagħlqu għajnejhom għat-tagħlim li ta. (Is. 6:10; Ġer. 5:21; Eżek. 12:2) Li kieku l-istess problemi kellhom jifnu lill-eżiljati, x’sigurtà setaʼ jkollhom? Ma kinux huma jerġgħu jitilfu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova? Min jaf kemm serrħitilhom moħħhom lill-Iżraelin din il-wegħda taʼ Ġeħova: “Dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb, u mis-swidija u mid-dlam għajnejn l-għomja jaraw.” (Is. 29:18) Iva, Ġeħova kien se jġib fejqan spiritwali lin-nies tiegħu li kien iddispjaċiehom u li nidmu. Sakemm baqgħu ubbidjenti u wieġbu b’mod pożittiv, hu kien se jipprovdi l-gwida u t-tagħlim vitali.
7. Kif twettqu l-wegħdi li Alla għamel mal-poplu eżiljat tiegħu, u dan it-twettiq għala għandu jsaħħilna l-fidi?
7 Wettaq Ġeħova l-wegħdi tiegħu? Iva, bħalma turi l-istorja. Il-Lhud li marru lura Ġuda tbierku b’sigurtà, b’abbundanza, u b’saħħa spiritwali. Pereżempju, Ġeħova pproteġiehom mill-ġnus taʼ madwarhom li kienu iktar b’saħħithom u iktar numerużi minnhom. L-annimali salvaġġi ma qerdux l-annimali tal-Lhud. Veru, dawn il-Lhud raw biss twettiq limitat tal-profeziji dwar il-ġenna tal-art li kitbu rġiel bħal Isaija, Ġeremija, u Eżekjel—imma t-twettiq li raw in-nies t’Alla kien eċċitanti u eżatt dak li kellhom bżonn f’dak iż-żmien. Hekk kif nimmeditaw fuq dak li għamel Ġeħova għan-nies tiegħu lura f’dak iż-żmien, il-fidi tagħna se tissaħħaħ. Jekk l-ewwel twettiq taʼ dawn il-profeziji kien eċċitanti, tistaʼ timmaġina kif se jkun it-twettiq akbar? Ikkunsidra dak li Ġeħova għamel għalina llum il-ġurnata.
Kif Ġeħova beda jwettaq il-wegħdi tiegħu fi żmienna stess
8. In-nies t’Alla llum liema tip taʼ “art” igawdu?
8 In-nies taʼ Ġeħova issa ma jifformawx ġens letterali, lanqas ma jgħixu kollha fl-istess pajjiż. Minflok, il-Kristjani midlukin jifformaw ġens spiritwali, “l-Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) L-imseħbin tagħhom, in-“nagħaġ oħrajn,” jingħaqdu magħhom f’“art” spiritwali fejn jaqdu lil Alla Ġeħova f’unità. Din il-qima hija l-mod tal-ħajja tagħhom. (Ġw. 10:16; Is. 66:8) U x’tip taʼ “art” tana Ġeħova? Tana ġenna spiritwali. F’din l-“art,” il-wegħdi t’Alla dwar kundizzjonijiet bħal tal-ġnien tal-Għeden qed ikollhom twettiq spiritwali meraviljuż. Ikkunsidra xi eżempji.
9, 10. (a) Il-profezija t’Isaija 11:6-9 kif qed titwettaq illum? (b) Xi prova għandna li hemm il-paċi fost in-nies t’Alla?
9 Sigurtà. Fil-profezija mniżżla f’Isaija 11:6-9, insibu deskrizzjoni mill-isbaħ tal-armonija u l-paċi—bejn l-annimali salvaġġi u bejn il-bnedmin u l-annimali domestiċi tagħhom. Din id-deskrizzjoni għandha twettiq spiritwali fi żmienna? Iva! F’vers 9, insiru nafu għala dawn l-annimali ma se jagħmlu l-ebda ħsara jew ħerba: “Għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.” Ibiddel “l-għarfien taʼ Ġeħova” l-imġiba tal-annimali? Le, huma n-nies li jinbidlu meta jsiru jafu lil Alla l-Iktar Għoli u meta jitgħallmu kif jimitaw l-azzjonijiet paċifiċi tiegħu. Hu għalhekk li fil-ġenna spiritwali tagħna llum nistgħu naraw twettiq li jqawwi l-qalb taʼ din il-profezija. Taħt il-ħakma tas-Saltna, is-segwaċi taʼ Kristu qed jitgħallmu kif iħallu warajhom il-kwalitajiet feroċi u annimalistiċi tagħhom u jgħixu fil-paċi u fl-armonija maʼ ħuthom spiritwali.
10 Pereżempju, f’dan il-ktieb iddiskutejna l-kwistjoni tan-newtralità Kristjana—kemm il-bażi Skritturali għall-waqfa newtrali tagħna kif ukoll il-persekuzzjoni li n-nies t’Alla ħabbtu wiċċhom magħha minħabba din il-waqfa. Ma taqbilx li hu rimarkevoli li f’din id-dinja vjolenti hemm “ġens” imdaqqas taʼ nies li jirrifjutaw li jieħdu sehem f’xi tip taʼ vjolenza, anke meta jkun hemm ħajjithom stess fin-nofs? Din tassew hi prova rimarkevoli li s-sudditi tas-Sultan Messjaniku tassew qed igawdu l-paċi bħal dik deskritta minn Isaija! Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kienu se jkunu magħrufin mill-imħabba li għandhom bejniethom. (Ġw. 13:34, 35) Fil-kongregazzjoni, Kristu bil-paċenzja qed juża “l-ilsir leali u għaqli” biex jgħallem lis-segwaċi veri kollha biex ikunu paċifiċi, u juru l-imħabba u l-ġentilezza.—Mt. 24:45-47.
11, 12. X’tip taʼ ġuħ qed jifni d-dinja llum, iżda Ġeħova kif ipprovda bl-abbundanza għall-poplu tiegħu?
11 Abbundanza. Id-dinja mġewħa spiritwalment. Il-Bibbja wissiet: “‘Ara! Ġej żmien,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘meta se nibgħat ġuħ fuq l-art, ġuħ, mhux għall-ħobż, u għatx, mhux għall-ilma, imma għas-smigħ tal-kliem taʼ Ġeħova.’” (Għam. 8:11) Iċ-ċittadini tas-Saltna t’Alla, ibatu l-ġuħ ukoll? Ġeħova bassar li kien se jkun hemm dan il-kuntrast bejn il-poplu u l-għedewwa tiegħu: “Il-qaddejja tiegħi se jieklu, imma intom tkunu bil-ġuħ. Ara! Il-qaddejja tiegħi se jixorbu, imma intom tkunu bil-għatx. Ara! Il-qaddejja tiegħi se jifirħu, imma intom issofru l-mistħija.” (Is. 65:13) Rajt int b’għajnejk stess it-twettiq taʼ dan il-kliem?
12 Il-provvedimenti spiritwali jaslu għandna bħal xmara li dejjem qed titwessaʼ u ssir iktar fonda. Il-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja—kif ukoll rekordings u vidjows, laqgħat u konvenzjonijiet, u l-informazzjoni ppubblikata fuq il-Websajt tagħna—flimkien huma bħal dulluvju t’ikel spiritwali f’din id-dinja li hi mejta bil-ġuħ f’sens spiritwali. (Eżek. 47:1-12; Ġoel 3:18) Ma titgħaxxaqx meta fil-ħajja tiegħek taʼ kuljum tara t-twettiq tal-wegħdi taʼ Ġeħova dwar li jkollna bl-abbundanza? Tagħmel ċert int li tiekol regolarment mill-mejda taʼ Ġeħova?
13. Kif rajt it-twettiq tal-wegħda taʼ Ġeħova dwar meta l-għomja jibdew jaraw u t-torox jibdew jisimgħu?
13 Saħħa spiritwali. Illum, kull fejn tħares tara nies għomja u torox spiritwalment. (2 Kor. 4:4) Imma Kristu qed ifejjaq il-mard madwar id-dinja. Rajt int l-għomja jibdew jaraw u t-torox jibdew jisimgħu? Jekk rajt lil nies jaslu għall-għarfien eżatt tal-verità tal-Kelma t’Alla, iħallu warajhom il-gideb reliġjuż li qabel kien għalqilhom widnejhom u għajnejhom għall-verità, mela int rajt it-twettiq taʼ din il-wegħda: “Dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb, u mis-swidija u mid-dlam għajnejn l-għomja jaraw.” (Is. 29:18) Madwar id-dinja, kull sena mijiet t’eluf taʼ nies qed isibu fejqan spiritwali bħal dan. Kull persuna li titlaq minn Babilonja l-Kbira u tingħaqad magħna biex tqim fil-ġenna spiritwali tagħna, hi prova ċara daqs il-kristall li l-wegħdi taʼ Ġeħova twettqu!
14. Liema evidenza se ssaħħilna l-fidi?
14 Kull kapitlu f’dan il-ktieb fih evidenza ċara li Kristu daħħal lis-segwaċi tiegħu f’ġenna spiritwali ġenwina f’dan iż-żmien tat-tmiem. Ejja nibqgħu nimmeditaw fuq il-ħafna modi kif qed nitbierku f’din il-ġenna llum. Hekk kif nagħmlu dan, il-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Ġeħova għall-futur se tkompli tissaħħaħ.
“Ħa tiġi Saltnatek”
15. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-art se ssir ġenna?
15 Ġeħova ilu żmien twil bl-iskop li jbiddel l-art f’ġenna globali. Hu poġġa lil Adam u Eva fil-ġnien tal-Għeden, u tahom il-kmand biex jimlew l-art b’nisilhom u jieħdu ħsieb il-ħlejjaq ħajjin kollha. (Ġen. 1:28) Minflok, Adam u Eva ngħaqdu maʼ Satana u rribellaw kontra Alla, u minħabba fihom nisilhom kollu bata mill-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt. Però, l-iskop t’Alla qatt ma nbidel. Ladarba jkun tkellem, kliemu dejjem jitwettaq bis-sħiħ. (Aqra Isaija 55:10, 11.) Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li d-dixxendenti t’Adam u Eva se jimlew din l-art u jrażżnuha billi bi mħabba jieħdu ħsieb il-ħolqien taʼ Ġeħova f’ġenna globali. F’dak iż-żmien, il-profeziji li oriġinalment ingħataw lil-Lhud eżiljati dwar il-ħajja f’kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna se jitwettqu bis-sħiħ. Ikkunsidra l-eżempji li ġejjin.
16. Il-Bibbja kif tiddeskrivi s-sigurtà li se ngawdu fil-Ġenna tal-art?
16 Sigurtà. Sa fl-aħħar, id-deskrizzjoni li tqawwi l-qalb f’Isaija 11:6-9 se titwettaq bis-sħiħ anke f’sens letterali. Irġiel, nisa, u tfal se jkunu protetti u fis-sigurtà jmorru fejn imorru fid-dinja. L-ebda bniedem u l-ebda annimal ma se jkun taʼ theddida. Immaġina żmien meta se tħares lejn din il-pjaneta kollha bħala d-dar tiegħek, meta tistaʼ tgħum fix-xmajjar, l-għadajjar, u l-ibħra; taqsam il-muntanji; u tesplora l-widien bla biżaʼ taʼ xejn. U meta jidlam, m’intix se tħabbel rasek. Il-kliem t’Eżekjel 34:25 se jitwettaq, biex saħansitra jkun possibbli li n-nies t’Alla “jgħammru fix-xagħri fis-sigurtà u jorqdu fil-foresti.”
17. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jipprovdi bl-abbundanza għall-bżonnijiet tagħna meta s-Saltna taħkem fuq l-art kollha?
17 Abbundanza. Ġib quddiem għajnejk żmien meta affarijiet bħall-faqar, il-ġuħ, jew il-benefiċċji soċjali mhux se jeżistu. L-abbundanza spiritwali li n-nies t’Alla jgawdu llum hi garanzija li s-Sultan Messjaniku se jitmaʼ lis-sudditi tiegħu b’kull mod. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu wera fuq skala żgħira li jistaʼ jwettaq dawn il-wegħdi, għax temaʼ lil eluf taʼ nies bil-ġuħ bi ftit ħobż u ħut. (Mt. 14:17, 18; 15:34-36; Mk. 8:19, 20) Meta s-Saltna t’Alla tkun qed taħkem fuq l-art kollha, profeziji bħal din se jkollhom twettiq letterali: “Se jagħti x-xita għaż-żerriegħa li tiżraʼ l-art biha, u bħala l-prodott taʼ l-art il-ħobż, li jrid ikun bnin u rikk. Dakinhar il-bhejjem tiegħek se jirgħu f’mergħa spazjuża.”—Is. 30:23.
18, 19. (a) Il-profezija mniżżla f’Isaija 65:20-22, xi tfisser għalik? (b) F’liema sens jiemna se jkunu “bħall-jiem taʼ siġra”?
18 Illum ħafna nies bilkemm jistgħu jimmaġinaw lilhom infushom bid-dar komda tagħhom jew b’xi xogħol sodisfaċenti li jġibilhom benefiċċji. F’din is-sistema korrotta, ħafna wħud iħossu li jaħdmu daqs kelb, imma ftit li xejn jibbenefikaw huma u l-familja tagħhom, filwaqt li l-għonja u r-rgħiba jiksbu l-benefiċċji kollha. Immaġina kif se tkun il-ħajja meta din il-profezija titwettaq mad-dinja kollha: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor. Għax jiem in-nies tiegħi jkunu bħall-jiem taʼ siġra; u l-magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-sħiħ.”—Is. 65:20-22.
19 Xi tfisser il-frażi li jiemna se jkunu “bħall-jiem taʼ siġra”? Meta toqgħod ħdejn siġra kbira b’zokk daqsiex, tħoss int sens taʼ stagħġib li jħallik b’ħalqek miftuħ hekk kif taħseb dwar kemm ilha hemm dik is-siġra—forsi ħafna qabel ma twieldu l-bużnanniet tiegħek? Forsi taħseb li jekk tibqaʼ fl-istat imperfett tiegħek, din is-siġra abbli tibqaʼ ħajja fil-paċi għal ħafna snin wara li tmut—wara li tkun ilek li ntesejt. Kemm hu qalbu tajba Ġeħova għax jassigurana li fil-Ġenna tal-art li ġejja, jiemna stess se jkunu twal u paċifiċi! (Salm 37:11, 29) Se jasal il-jum meta anke siġar li jdumu jgħixu ħafna se jkunu għomorhom qasir bħall-ħaxix—illum hawn u għada le—meta mqabbel mal-ħajja eterna tagħna!
20. Is-sudditi leali tas-Saltna kif se jgawdu saħħa perfetta?
20 Saħħa perfetta. Illum, il-mard u l-mewt jiġu fuq kulħadd. Sa ċertu punt, aħna lkoll morda—bil-marda terminali tad-dnub. L-unika kura hi s-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Rum. 3:23; 6:23) Matul ir-Renju Millennjali, Ġesù u l-ħakkiema sħabu se jgħinu lin-nies jibbenefikaw bis-sħiħ minn dak is-sagrifiċċju, u b’hekk bil-mod il-mod jeqirdu għalkollox kull traċċa tad-dnub mill-bnedmin leali. Il-profezija t’Isaija se titwettaq f’kull sens tagħha: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’ In-nies li jgħixu fl-art se jkun inħafrilhom l-iżball tagħhom.” (Is. 33:24) Immaġina żmien meta ħadd mhu se jkun agħmi, trux, jew zopp. (Aqra Isaija 35:5, 6.) M’hemm l-ebda marda li mhux se jkun kapaċi jfejjaqha Ġesù—kemm jekk mard fiżiku, mentali, jew emozzjonali. Is-sudditi leali tas-Saltna se jgawdu saħħa perfetta!
21. X’se jiġrilha l-mewt, u għala tfarrġek din il-wegħda?
21 Iżda xi ngħidu għar-riżultat komuni tal-mard, ir-riżultat li ma tistax tiskansah tad-dnub—il-mewt? Din hi “l-aħħar għadu” tagħna, l-għadu li xi darba jew oħra kull bniedem imperfett ikollu jiffaċċja. (1 Kor. 15:26) Imma se jaqtaʼ qalbu Ġeħova minn dan l-għadu? Innota x’bassar Isaija: “Hu jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.” (Is. 25:8) Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk dan iż-żmien? Daqshekk ikun hawn funerali, ċimiterji, u biki taʼ mrar! Pjuttost se jkun hawn biki taʼ ferħ hekk kif Ġeħova jwettaq il-wegħda eċċitanti tiegħu li jirxoxta l-mejtin! (Aqra Isaija 26:19.) Fl-aħħar, il-ħafna ġrieħi li ġabet magħha l-mewt se jfiqu.
22. X’se jiġri wara li s-Saltna Messjanika tkun wettqet għalkollox ir-rieda t’Alla fuq l-art?
22 Sal-aħħar tal-Millennju, is-Saltna se tkun wettqet għalkollox ir-rieda t’Alla fuq l-art, u Kristu se jagħti l-ħakma lil Missieru. (1 Kor. 15:25-28) Il-bnedmin perfetti se jkunu lesti biex jiffaċċjaw l-aħħar prova meta Satana jinħeles mill-abbiss taʼ inattività. Wara dan, Kristu fl-aħħar se jeqred lil dan is-serp vili u dawk kollha li jappoġġawh. (Ġen. 3:15; Riv. 20:3, 7-10) Imma dawk kollha li b’lealtà jħobbu lil Ġeħova għandhom tama mill-isbaħ quddiemhom. Forsi l-aħjar deskrizzjoni taʼ kif se nħossuna nsibuha fil-wegħda tal-Bibbja li tgħid li dawk leali se jkollhom “il-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rum. 8:21.
23, 24. (a) Għala ninsabu ċerti mija fil-mija li l-wegħdi t’Alla se jitwettqu? (b) X’int determinat li tagħmel?
23 Dawn il-wegħdi mhumiex ibbażati sempliċement fuq tamiet, xewqat, jew ħolm. Ninsabu ċerti mija fil-mija li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jitwettqu! Għala? Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù li ddiskutejna fl-ewwel kapitlu taʼ dan il-kiteb. Hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu hekk lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mt. 6:9, 10) Is-Saltna t’Alla mhix xi ħaġa li ġiet mill-immaġinazzjoni taʼ xi bniedem. Hi realtà! Qed taħkem fis-sema issa stess! Issa ilha seklu sħiħ twettaq il-wegħdi taʼ Ġeħova b’modi li jidhru biċ-ċar fil-kongregazzjoni Kristjana. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi kollha taʼ Ġeħova se jitwettqu meta s-Saltna t’Alla tiġi biex turi l-qawwa kollha tagħha fuq l-art!
24 Aħna nafu li s-Saltna t’Alla se tiġi. Nafu li kull wegħda taʼ Ġeħova se titwettaq. Għala? Għax IS-SALTNA T’ALLA QED TAĦKEM! Dak li kull wieħed u waħda minna għandu jsaqsi lilu nnifsu hu, ‘Inħalli s-Saltna taħkem, jew tiggwida, lili?’ Jalla nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu bħala ċittadini leali tas-Saltna issa, ħalli nibbenefikaw mill-ħakma ġusta u perfetta tagħha għal dejjem!