LEZZJONI 78
Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna
Ftit wara li tgħammed, Ġesù beda jipprietka: ‘Is-Saltna t’Alla qorbot.’ Id-dixxipli marru warajh waqt li hu kien qed idur il-Galilija u l-Lhudija. Meta Ġesù mar lura fejn trabba, Nazaret, hu daħal fis-sinagoga, fetaħ l-iskroll taʼ Isaija, u qara b’leħen għoli: ‘Ġeħova tani l-ispirtu qaddis biex inkun nistaʼ nipprietka l-aħbar tajba.’ Dan x’kien ifisser? Kien ifisser li għalkemm in-nies riedu jaraw lil Ġesù jagħmel il-mirakli, ir-raġuni primarja għala kien irċieva l-ispirtu qaddis kien biex jipprietka l-aħbar tajba. Imbagħad qal lil dawk li kienu qed jisimgħuh: ‘Illum twettqet din il-profezija.’
Imbagħad, Ġesù mar ħdejn il-Baħar tal-Galilija, u hemmhekk iltaqaʼ maʼ erbaʼ sajjieda. Hu stidinhom billi qalilhom: ‘Ejjew miegħi, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.’ Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Huma mill-ewwel ħallew ix-xogħol tas-sajd, u saru dixxipli tiegħu. Daru l-Galilija kollha, jippritkaw dwar is-Saltna taʼ Ġeħova. Kienu jippritkaw fis-sinagogi, f’postijiet fejn kien ikun hemm il-monti, u fit-toroq. Folla kbira kienet tmur warajhom kull fejn kienu jmorru. L-aħbar dwar Ġesù xterdet maʼ kullimkien, anki sas-Sirja.
Maż-żmien, Ġesù ta lil ftit mid-dixxipli tiegħu l-qawwa biex ifejqu lin-nies u jkeċċu lid-demonji. Oħrajn marru miegħu waqt li hu kien qed jipprietka minn belt għal belt u minn raħal għal raħal. Marija l-Maddalena, Ġwanna, Susanna, u ħafna nisa leali oħra ħadu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Ġesù u tad-dixxipli tiegħu.
Wara li għallem lid-dixxipli tiegħu kif jippritkaw, Ġesù bagħathom jagħmlu dan ix-xogħol. Hekk kif daru l-Galilija u ppritkaw, ħafna oħrajn saru dixxipli u tgħammdu. Tant kien hemm li riedu jkunu dixxipli, li Ġesù xebbahhom m’għalqa li kienet lesta għall-ħsad. Hu qal: ‘Itolbu lil Ġeħova biex jibgħat iktar ħaddiema għall-ħsad.’ Imbagħad hu għażel 70 mid-dixxipli tiegħu u bagħathom tnejn tnejn biex jippritkaw fil-Lhudija kollha. Huma għallmu lil kull tip taʼ nies dwar is-Saltna. Meta d-dixxipli ġew lura,
huma kienu eċċitati biex jgħidu lil Ġesù x’kien ġara. Ix-Xitan ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar.Ġesù għamel ċert li d-dixxipli tiegħu kienu se jkomplu jagħmlu dan ix-xogħol importanti wara li hu jmur lura fis-sema. Hu qalilhom: ‘Ippritkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. Għallmu lin-nies dwar il-Kelma t’Alla, u għammduhom.’
“Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Luqa 4:43