LEZZJONI 28
Il-ħmara taʼ Balgħam titkellem
L-Iżraelin kienu ilhom fid-deżert għal kważi 40 sena. Huma kienu rebħu ħafna bliet b’saħħithom. Issa, hekk kif kienu kkampjati fuq in-naħat lixxi taʼ Mowab fil-Lvant tax-Xmara Ġordan, kien wasal il-waqt li jidħlu fl-Art Imwiegħda. Balak, is-sultan taʼ Mowab, kien qed jibżaʼ li artu se taqaʼ taħt idejhom. Għalhekk, hu stieden raġel jismu Balgħam biex imur Mowab u jisħet lill-Iżraelin, jiġifieri jgħidilhom li se jiġu affarijiet ħżiena ħafna fuqhom.
Imma Ġeħova qal lil Balgħam: ‘Int m’għandekx tisħet lill-Iżraelin.’ Għalhekk, Balgħam ma marx. Is-Sultan Balak reġaʼ stiednu għat-tieni darba u wiegħdu li jagħtih kulma jrid. Xorta waħda, Balgħam m’aċċettax li jmur. Imbagħad Alla qallu: ‘Tistaʼ tmur, imma int għandek tgħid biss dak li ngħidlek jien.’
Balgħam telaʼ fuq il-ħmara tiegħu u telaq lejn Mowab. Hu ppjana li jisħet lill-Iżraelin avolja Ġeħova kien qallu biex ma jagħmilx hekk. L-anġlu taʼ Ġeħova deher fit-triq tliet darbiet. Balgħam ma setax jara l-anġlu, imma l-ħmara setgħet. L-ewwel, il-ħmara daret u pprovat tgħaddi minn għalqa. Imbagħad, bdiet tross mal-ħajt u lil Balgħam rassitlu siequ. Fl-aħħar, il-ħmara ntefgħet fl-art f’nofs taʼ triq. Balgħam beda kull darba jsawwatha b’zokk.
Mat-tielet darba, Ġeħova ġiegħel lill-ħmara titkellem. Il-ħmara staqsiet lil Balgħam: ‘Għala qed tibqaʼ ssawwatni?’ Balgħam qal: ‘Int ġegħeltni nidher li m’iniex kapaċi. Kieku kelli xabla kont noqtlok.’ Il-ħmara wiġbitu: ‘Ilek snin tirkeb fuqi. Qatt xi darba għamiltlek hekk?’
Imbagħad, Ġeħova ħalla lil Balgħam jara lill-anġlu. L-anġlu qallu: ‘Ġeħova wissiek biex ma tisħitx lill-Iżraelin.’ Balgħam wieġbu: ‘Jien żbaljajt. Issa mmur lura d-dar.’ Imma l-anġlu qallu: ‘Tistaʼ tmur Mowab, imma int għandek tgħid biss dak li jgħidlek Ġeħova.’
Kien tgħallimha l-lezzjoni Balgħam? Le. Wara dan, Balgħam ipprova jisħet lill-Iżraelin tliet darbiet, imma minflok, kull darba Ġeħova ġiegħlu jberikhom. Iktar tard, l-Iżraelin attakkaw lil Mowab, u Balgħam ġie maqtul. Ma kienx ikun aħjar li kieku Balgħam semaʼ minn Ġeħova mill-ewwel?
“Għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15