LEZZJONI 25
Tabernaklu għall-qima
Meta Mosè kien fuq il-Muntanja Sinaj, Ġeħova qallu biex jibni tinda speċjali, li tissejjaħ tabernaklu, fejn l-Iżraelin setgħu jqimu lil Alla. It-tabernaklu kien se jkun jistaʼ jinġarr.
Ġeħova qallu: ‘Għid lin-nies ħalli jagħtu dak kollu li jistgħu biex jgħinu fil-bini tat-tabernaklu.’ L-Iżraelin taw deheb, fidda, ram aħmar, ħaġar prezzjuż, u ġojjelli. Taw ukoll suf, għażel fin (linen), ġlud tal-annimali, u ħafna materjal ieħor. Tant kienu ġenerużi, li Mosè qalilhom: ‘Għandna biżżejjed! Iġġibux iktar.’
Ħafna rġiel u nisa tas-sengħa għenu biex jinbena t-tabernaklu. Ġeħova tahom l-ispirtu qaddis tiegħu biex ikunu kapaċi jagħmlu x-xogħol. Uħud minnhom kienu jagħmlu l-ħajt, id-drapp, jew jagħmlu disinni fuq id-drapp bil-ħajt. Jerġaʼ oħrajn kienu jwaħħlu l-ħaġar prezzjuż, jagħmlu xogħol bid-deheb, jew inaqqxu l-injam.
In-nies bnew it-tabernaklu eżatt kif kien qalilhom Ġeħova. Huma għamlu purtiera mill-isbaħ biex jifirdu t-tabernaklu f’żewġ partijiet, il-Qaddis u l-Iktar Qaddis. Fl-Iktar Qaddis kien hemm l-arka tal-patt, li kienet magħmula mill-injam tal-akaċja u d-deheb. Fil-Qaddis kien hemm gandlier tad-deheb, mejda, u artal għall-ħruq tal-inċens. Fil-bitħa kien hemm vaska tar-ram aħmar u artal kbir. L-arka tal-patt kienet tfakkar lill-Iżraelin fil-wegħda li kienu għamlu li se jobdu lil Ġeħova.
Int taf x’inhu patt? Patt hu tip taʼ wegħda speċjali.Ġeħova għażel lil Aron u lil uliedu biex jaqdu fit-tabernaklu bħala qassisin. Huma kellhom jieħdu ħsieb it-tabernaklu u hemm joffru offerti lil Ġeħova. Aron biss, il-qassis il-kbir, setaʼ jidħol fl-Iktar Qaddis. Hu kien jagħmel dan darba fis-sena biex joffri sagrifiċċju għal dnubietu, għad-dnubiet tal-familja tiegħu, u għad-dnubiet tal-poplu kollu taʼ Iżrael.
L-Iżraelin lestew it-tabernaklu sena wara li ħarġu mill-Eġittu. Issa kellhom post fejn iqimu lil Ġeħova.
Ġeħova wera li kien kuntent, u fuq it-tabernaklu poġġa sħaba. Meta s-sħaba kienet tkun fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jibqgħu fejn ikunu. Imma meta s-sħaba kienet titlaʼ ’l fuq, huma kienu jindunaw li kien il-waqt biex jiċċaqalqu. Kienu jżarmaw it-tabernaklu u jimxu wara s-sħaba.
“U smajt leħen għoli ġej mit-tron u qal: ‘Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom.’”—Rivelazzjoni 21:3