LEZZJONI 39
L-ewwel sultan taʼ Iżrael
Ġeħova kien ta mħallfin lill-Iżraelin biex imexxuhom, imma huma riedu sultan minflok. Huma qalu lil Samwel: ‘Il-popli kollha taʼ madwarna għandhom sultan. Aħna rridu wieħed ukoll.’ Samwel ħass li dan ma kienx sew, u għalhekk talab lil Ġeħova. Ġeħova wieġbu: ‘In-nies mhux minnek ma jridux jisimgħu, minni ma jridux jisimgħu. Għidilhom li jistaʼ jkollhom sultan, imma dan se jitlob ħafna affarijiet mingħandhom.’ Minkejja dan, in-nies qalu: ‘Ma jinteressaniex. Aħna rridu sultan!’
Ġeħova qal lil Samwel li raġel jismu Sawl kien se jkun l-ewwel sultan. Meta Sawl mar iżur lil Samwel f’Rama, Samwel għamel lil Sawl sultan billi ferraʼ ż-żejt fuq rasu.
Iktar tard Samwel ġabar l-Iżraelin flimkien biex jurihom is-sultan il-ġdid tagħhom. Imma huma ma setgħux isibu lil Sawl. Taf għala? Għax hu kien mar jistaħba qalb l-affarijiet. Meta fl-aħħar sabu lil Sawl, huma ħarġuh barra u qegħduh fin-nofs. Sawl kien l-itwal wieħed fosthom u kien vera sabiħ. Samwel qal: ‘Araw il-wieħed li Ġeħova għażel.’ Meta n-nies raw lis-sultan bdew jifirħu ħafna!
Għall-ewwel, is-Sultan Sawl sema’ minn Samwel u obda lil Ġeħova. Imma mbagħad hu nbidel. Pereżempju, is-sultan ma kellux dritt joffri sagrifiċċji. Darba waħda, Samwel qal lil Sawl biex jistennieh jiġi lura, imma Samwel ma marx mill-ewwel. Għalhekk, Sawl iddeċieda li joffri s-sagrifiċċji hu stess. X’għamel Samwel? Hu qallu: ‘Int m’obdejtx lil Ġeħova.’ Kien Sawl tgħallem mill-iżball tiegħu?
Iktar tard, meta Sawl mar jiġġieled mal-Għamalekin, Samwel qal lil Sawl biex ma jħalli lil ħadd minnhom ħaj. Imma Sawl iddeċieda li ma joqtolx lis-Sultan Agag. Ġeħova qal lil Samwel: ‘Sawl telaqni, u hu ma semax minni.’ Samwel kien imdejjaq ħafna, u hu qal lil Sawl: ‘Minħabba li int ma bqajtx tobdi lil Ġeħova, hu se jagħżel sultan
ieħor.’ Xħin Samwel dar biex jitlaq, Sawl qabdu mit-tarf tal-libsa tiegħu u din iċċartet. Imbagħad Samwel qal lil Sawl: ‘Ġeħova ħadlek is-saltna minn taħt idejk.’ Ġeħova kien se jagħti t-tmexxija lil xi ħadd ieħor li jkun iħobbu u jobdih.“Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju.”—1 Samwel 15:22