Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 56

Ġosija kien iħobb il-Liġi t’Alla

Ġosija kien iħobb il-Liġi t’Alla

Ġosija sar sultan taʼ Ġuda meta kellu tmien snin. F’dak iż-​żmien, in-​nies kienu qed jagħmlu l-​maġija u jqimu l-​idoli. Meta Ġosija kellu 16-​il sena, hu pprova jitgħallem kif iqim lil Ġeħova bil-​mod it-​tajjeb. Meta kellu 20 sena, hu beda jeqred l-​idoli u l-​artali li kien hemm fil-​pajjiż kollu. U meta Ġosija kellu 26 sena, hu beda jirranġa t-​tempju taʼ Ġeħova.

Fit-​tempju, il-​qassis il-​kbir, Ħilkija, sab l-​iskroll tal-​Liġi taʼ Ġeħova—jistaʼ jkun li kien l-​istess skroll li kien ġie miktub minn Mosè. Safan, is-​segretarju tas-​sultan, mar bl-​iskroll għand Ġosija u beda jaqra l-​Liġi b’leħen għoli. Waqt li Ġosija kien attent jismaʼ, hu rrealizza li għal ħafna snin in-​nies ma kinux qed jobdu lil Ġeħova. Is-​Sultan Ġosija qal lil Ħilkija: ‘Ġeħova hu rrabjat ħafna magħna. Mur u kellmu ħalli jgħidilna x’għandna nagħmlu.’ Ġeħova wiġibhom permezz tal-​profetessa Ħulda billi qalilhom: ‘In-​nies taʼ Ġuda telquni. Huma se jiġu kkastigati, imma mhux sakemm għad hemm Ġosija bħala sultan, għax hu umilja ruħu,’ jiġifieri kien lest li jirranġa l-​affarijiet skont dak li kien hemm miktub fil-​Liġi.

Meta s-​Sultan Ġosija semaʼ l-​messaġġ, mar fit-​tempju u sejjaħ lill-​poplu kollu taʼ Ġuda. Imbagħad, hu qara quddiemhom il-​Liġi taʼ Ġeħova b’leħen għoli. Ġosija u n-​nies wiegħdu li se jobdu lil Ġeħova b’qalbhom kollha.

GħaI ħafna snin, il-​poplu taʼ Ġuda ma kienx qed jiċċelebra l-​Qbiż. Imma meta Ġosija qara mil-​Liġi li l-​Qbiż għandu jiġi ċċelebrat kull sena, hu qal lill-​poplu: ‘Se niċċelebraw il-​Qbiż lil Ġeħova.’ Imbagħad, Ġosija pprepara ħafna sagrifiċċji u rranġa biex fit-​tempju jkun hemm kor taʼ kantanti. Imbagħad, in-​nies iċċelebraw il-​Qbiż, u wara ċċelebraw il-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira, li damet għaddejja sebat ijiem. Kienet ilha ma ssir festa tal-​Qbiż bħal din sa minn żmien Samwel. Ġosija kien iħobbha ħafna l-​Liġi taʼ Ġeħova. Int tieħu pjaċir titgħallem dwar Ġeħova?

“Kelmtek musbieħ għal sieqi, u dawl għal triqti.”—Salm 119:105