Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU WIEĦED

Min hu Alla?

Min hu Alla?

1, 2. In-​nies spiss liema mistoqsijiet jagħmlu?

IT-​TFAL jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Għandek mnejn tispjegalhom xi ħaġa, imma huma spiss jistaqsu, ‘Għala?’ U meta tipprova twiġibhom, huma forsi jistaqsu, ‘Imma għala?’

2 Kemm jekk aħna kbar u kemm jekk żgħar, ilkoll ikollna mistoqsijiet. Forsi nistaqsu x’se nieklu jew x’se nilbsu jew x’se nixtru. Jew forsi għandna mistoqsijiet importanti dwar il-​ħajja u l-​futur. Imma meta ma nsibux tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet, għandna mnejn ma nibqgħux infittxu r-​risposti.

3. Ħafna nies għala jaħsbu li ma jistgħux isibu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet importanti tagħhom?

3 Għandha l-​Bibbja t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet importanti li nistaqsu? Xi wħud hekk għandhom mnejn jaħsbu, imma jħossu li l-​Bibbja hi diffiċli wisq biex jifhmuha. Huma forsi jaħsbu li l-​għalliema jew il-​qassisin biss għandhom it-​tweġibiet. U oħrajn jistħu jammettu li ma jafux ir-​risposti. Int x’taħseb?

4, 5. (a) Liema mistoqsijiet importanti għandek int? (b) Għala għandek tibqaʼ tfittex it-​tweġibiet?

4 Int x’aktarx li trid issir taf it-​tweġibiet għal mistoqsijiet bħal: Għala ġejt fid-​dinja? X’se jiġrili meta mmut? Xi kwalitajiet għandu Alla? Ġesù, l-​Għalliem famuż, qal: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” (Mattew 7:7) Taqtax qalbek sakemm issib tweġibiet li tistaʼ toqgħod fuqhom.

5 Iva, jekk ‘tibqaʼ tfittex,’ se ssib it-​tweġibiet fil-​Bibbja. (Proverbji 2:1-​5) Dawn it-​tweġibiet mhumiex diffiċli wisq biex tifhimhom. Dak li titgħallem se jgħinek ikollok ħajja iktar ferħana issa stess u tama mill-​isbaħ għall-​futur. Ejja niddiskutu mistoqsija li ħawdet lil ħafna nies.

ALLA JIMPURTAH MINNA JEW HU BLA QALB?

6. Xi nies għala jaħsbu li Alla ma jimpurtahx mit-​tbatija tagħhom?

6 Ħafna nies jaħsbu li Alla ma jimpurtahx minna. Huma jħossu li kieku Alla verament jimpurtah minna, id-​dinja kienet tkun differenti ħafna milli hi. Kullimkien naraw gwerer, mibegħda, u niket. In-​nies jimirdu, ibatu, u jmutu. Xi wħud jaħsbu, ‘Jekk Alla jimpurtah minna, għala ma jwaqqafx din it-​tbatija kollha?’

7. (a) Il-​mexxejja reliġjużi kif għallmu lin-​nies li Alla hu bla qalb? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​affarijiet ħżiena li jseħħu mhumiex it-​tort t’Alla?

7 Il-​mexxejja reliġjużi kultant iġiegħlu lin-​nies jemmnu li Alla hu bla qalb. Meta sseħħ xi ħaġa ħażina, dawn il-​mexxejja jgħidu li hi r-​rieda t’Alla. Huma jgħidu li hu ried li din il-​ħaġa tiġri. Meta jgħidu hekk, huma jkunu fil-​fatt qed iwaħħlu f’Alla. Imma l-​Bibbja tgħallem li Alla qatt ma jikkaġuna l-​ħażen. Ġakbu 1:13 jgħidilna li Alla ma jġarrab lil ħadd b’affarijiet ħżiena. Hemmhekk jgħid: “Meta jkun għaddej minn prova, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova [jew, iġarrabni].’ Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” Dan ifisser li avolja Alla ma waqqafx l-​affarijiet ħżiena milli jseħħu, hu qatt mhu l-​kaġun tagħhom. (Aqra Ġob 34:10-​12.) Ejja nġibu eżempju.

8, 9. Għala ma jkunx sewwa li nwaħħlu f’Alla għall-​problemi tagħna? Agħti eżempju.

8 Immaġina żagħżugħ li jgħix id-​dar mal-​ġenituri tiegħu. Missieru jħobbu ħafna u għallmu kif jieħu deċiżjonijiet tajbin. Imbagħad, iż-​żagħżugħ jirribella kontra missieru u jitlaq mid-​dar. Hu jagħmel affarijiet ħżiena u jidħol f’balla inkwiet. Kieku int twaħħal fil-​missier għax ma waqqafx lil ibnu milli jitlaq mid-​dar? Dażgur li le! (Luqa 15:11-​13) Bħal dak il-​missier, Alla ma jwaqqafx lill-​bnedmin meta jagħżlu li jirribellaw u jagħmlu dak li hu ħażin. Allura meta tiġri xi ħaġa ħażina, għandna niftakru li ma kienx Alla li kkaġunaha. Ma jkunx sewwa li nwaħħlu f’Alla.

9 Hemm raġuni tajba ħafna għala Alla għadu ma waqqafx l-​affarijiet ħżiena milli jiġru. F’Kapitlu 11, int se titgħallem x’tgħid il-​Bibbja dwar dan. Imma tistaʼ sserraħ moħħok li Alla jħobbna u li l-​problemi tagħna qatt mhuma t-​tort tiegħu. Infatti, hu l-​uniku Wieħed li jistaʼ jsolvihom.—Isaija 33:2.

10. Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla se jirranġa l-​ħsara kollha li saret min-​nies ħżiena?

10 Alla hu qaddis. (Isaija 6:3) Kulma jagħmel hu pur, nadif, u tajjeb. Allura nistgħu nafdaw fih. Il-​bnedmin mhumiex hekk. Huma kultant jagħmlu dak li hu ħażin. U anki l-​iktar mexxej onest m’għandux il-​qawwa biex jirranġa l-​ħsara kollha li jagħmlu n-​nies ħżiena. Ħadd m’għandu qawwa daqs Alla. Hu jistaʼ jirranġa l-​ħsara kollha li saret min-​nies ħżiena, u hekk se jagħmel. Hu se jneħħi l-​ħażen kollu għal dejjem.—Aqra Salm 37:9-​11.

ALLA KIF IĦOSSU META N-​NIES IBATU?

11. Alla kif iħossu dwar it-​tbatija tiegħek?

11 Alla kif iħossu meta jara x’qed jiġri fid-​dinja u minn xiex inti għaddej? Il-​Bibbja tgħallem li Alla “jħobb il-​ġustizzja.” (Salm 37:28) Allura hu jimpurtah ħafna minn dak li hu sewwa u dak li hu ħażin. Hu jobgħod jara n-​nies ibatu. Il-​Bibbja tgħid li “ħassu mweġġaʼ f’qalbu” meta ra d-​dinja mimlija ħażen fil-​passat. (Ġenesi 6:5, 6) Alla ma nbidilx. (Malakija 3:6) Il-​Bibbja tgħid li Alla verament jimpurtah minnek.—Aqra l-​1 Pietru 5:7.

Il-Bibbja tgħallem li Ġeħova hu l-Ħallieq kollu mħabba tal-univers

12, 13. (a) Għala nħobbu lil oħrajn u jimpurtana minnhom, u kif inħossuna dwar it-​tbatija fid-​dinja? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla se jneħħi t-​tbatija u l-​inġustizzja kollha?

12 Il-​Bibbja tgħid ukoll li Alla ħalaqna fix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26) Dan ifisser li Alla ħalaqna bl-​istess kwalitajiet tajbin li għandu hu. Allura jekk int jiddispjaċik meta tara nies innoċenti jbatu, Alla żgur li jħossu saħansitra agħar meta jara dan! Kif nafuh dan?

13 Il-​Bibbja tgħallimna li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Kull ħaġa li jagħmel Alla jagħmilha bl-​imħabba. Allura aħna nħobbu għax Alla jħobb. Aħseb ftit dwar dan: Li kieku int kellek il-​qawwa biex tneħħi t-​tbatija u l-​inġustizzja kollha li hawn fid-​dinja, kont tagħmel dan? Dażgur li hekk kont tagħmel, għax tħobb lin-​nies. Xi ngħidu għal Alla? Hu għandu l-​qawwa biex jagħmel dan, u peress li jħobbna, se jneħħi t-​tbatija u l-​inġustizzja kollha. Int tistaʼ tkun ċert li kull waħda mill-​wegħdi t’Alla msemmijin fil-​bidu taʼ dan il-​ktieb se titwettaq! Imma biex ikollok fiduċja f’dawn il-​wegħdi, għandek bżonn issir taf iktar dwar Alla.

ALLA JRIDEK ISSIR TAFU

Jekk trid tkun ħabib taʼ xi ħadd, trid tgħidlu x’jismek. Alla jgħidilna x’jismu fil-Bibbja

14. X’jismu Alla, u kif nafu li għandna nużaw dan l-​isem?

14 Jekk trid issir ħabib taʼ xi ħadd, ġeneralment x’inhi l-​ewwel ħaġa li tgħidlu? Ismek. Alla għandu isem? Ħafna reliġjonijiet jgħidu li jismu Alla jew Mulej, imma dawn mhumiex ismijiet. Huma biss titli, bħal “sultan” jew “president.” Alla qalilna li jismu Ġeħova. Salm 83:18 jgħid: “Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.” Il-​kittieba tal-​Bibbja użaw l-​isem t’Alla eluf taʼ drabi. Ġeħova jridek tkun taf ismu u tużah. Hu jgħidlek ismu biex int tkun tistaʼ ssir ħabib tiegħu.

15. Xi jfisser l-​isem Ġeħova?

15 Isem Alla, Ġeħova, għandu tifsir profond. Ifisser li Alla jistaʼ jwettaq kull wegħda li jagħmel u li jistaʼ jilħaq l-​iskop tiegħu. Xejn ma jistaʼ jwaqqfu. Ġeħova biss jistaʼ jkollu dan l-​isem. *

16, 17. Xi jfisser (a) “Dak li Jistaʼ Kollox”? (b) “Sultan tal-​eternità”? (ċ) “Ħallieq”?

16 Kif qrajna qabel, Salm 83:18 jgħid hekk dwar Ġeħova: “Int waħdek l-​Iktar Għoli.” Ukoll, Rivelazzjoni 15:3 jgħid: “Kbar u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, li Tistaʼ Kollox. Ġusti u veri triqatek, Sultan taʼ l-​eternità.” Xi jfisser it-​titlu “Dak li Jistaʼ Kollox”? Ifisser li Ġeħova hu iktar qawwi minn kull persuna oħra fl-​univers. U t-​titlu “Sultan tal-​eternità” jfisser li hu minn dejjem eżista. Salm 90:2 jispjega li hu minn dejjem għal dejjem. Mhijiex din xi ħaġa tal-​għaġeb!

17 Ġeħova biss hu l-​Ħallieq. Rivelazzjoni 4:11 jgħid: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” Iva, l-​anġli fis-​smewwiet, il-​kwiekeb fis-​sema, il-​frott fis-​siġar, u l-​ħut fil-​baħar—Ġeħova ħalaq kull ħaġa li tistaʼ taħseb fiha!

TISTAʼ INT ISSIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA?

18. (a) Xi wħud għala għandhom mnejn jaħsbu li qatt ma jistgħu jkunu ħbieb taʼ Ġeħova? (b) Il-​Bibbja x’tgħid dwar dan?

18 Meta xi wħud jaqraw dwar il-​kwalitajiet impressjonanti taʼ Ġeħova, huma jibdew jibżgħu u jaħsbu, ‘Alla tant hu qawwi, tant hu importanti, u tant hu ’l bogħod, għal xiex għandu jimpurtah minni?’ Imma Alla hekk iridna naħsbu? Lanqas xejn. Ġeħova jrid ikun qrib tagħna. Il-​Bibbja tgħid li Alla “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Alla jridek tersaq qrib lejh, u hu jwiegħed li ‘se jersaq qrib lejk.’—Ġakbu 4:8.

19. (a) Kif tistaʼ ssir ħabib t’Alla? (b) Liema mill-​kwalitajiet taʼ Ġeħova jogħġbuk l-​iktar?

19 Kif tistaʼ ssir ħabib t’Alla? Ġesù qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Kompli tgħallem, u se ssir taf lil Ġeħova u lil Ġesù. U mbagħad jistaʼ jkollok il-​ħajja taʼ dejjem. Pereżempju, diġà sirna nafu li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:16) Imma għandu wkoll ħafna kwalitajiet sbieħ oħra. Il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova hu “ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità.” (Eżodu 34:6) Ġeħova hu ‘tajjeb u lest li jaħfer.’ (Salm 86:5) Alla hu paċenzjuż u leali. (2 Pietru 3:9; Rivelazzjoni 15:4) Int se titgħallem ħafna iktar dwar il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu hekk kif taqra dwaru fil-​Bibbja.

20-22. (a) Kif nistgħu nħossuna qrib t’Alla jekk ma nistgħux narawh? (b) X’għandek tagħmel jekk oħrajn ikunu jriduk tieqaf tistudja l-​Bibbja?

20 Kif tistaʼ tħossok qrib t’Alla jekk ma tistax tarah? (Ġwanni 1:18; 4:24; 1 Timotju 1:17) Meta taqra dwar Ġeħova fil-​Bibbja, issir tafu bħala Persuna reali. (Salm 27:4; Rumani 1:20) Hekk kif titgħallem iktar dwar Ġeħova, se ssir tħobbu dejjem iktar u se tħossok eqreb tiegħu.

Missier iħobb lil uliedu, imma Missierna tas-sema jħobbna saħansitra iktar

21 Int se tifhem li Ġeħova hu Missierna. (Mattew 6:9) Hu tana l-​ħajja, u wkoll irid li jkollna l-​aqwa ħajja possibbli. Missier li jħobb hekk ikun irid għal uliedu. (Salm 36:9) Iva, il-​Bibbja tgħallem li int tistaʼ ssir ħabib taʼ Ġeħova. (Ġakbu 2:23) Immaġina ftit. Ġeħova, il-​Ħallieq tal-​univers, irid li int tkun il-​ħabib tiegħu!

22 Xi nies għandhom mnejn ikunu jriduk tieqaf tistudja l-​Bibbja. Huma forsi jibżgħu li se tbiddel ir-​reliġjon tiegħek. Imma tħalli lil ħadd iwaqqfek milli ssir ħabib taʼ Ġeħova. Hu l-​aqwa Ħabib li qatt jistaʼ jkollok.

23, 24. (a) Għala għandek tibqaʼ tistaqsi mistoqsijiet? (b) X’se niddiskutu fil-​kapitlu li jmiss?

23 Hekk kif tistudja l-​Bibbja, se jkun hemm affarijiet li ma tifhimhomx. Tiddejjaqx tistaqsi mistoqsijiet jew titlob l-​għajnuna. Ġesù qal li għandna nkunu umli, bħal tfal żgħar. (Mattew 18:2-​4) U t-​tfal jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Alla jridek issib it-​tweġibiet. Allura studja l-​Bibbja bir-​reqqa ħalli tagħmel ċert li dak li titgħallem hu l-​verità.—Aqra Atti 17:11.

24 L-​aqwa mod kif titgħallem dwar Ġeħova hu billi tistudja l-​Bibbja. Fil-​kapitlu li jmiss, se nsiru nafu għala l-​Bibbja hi differenti minn kull ktieb ieħor.

^ par. 15 Jekk il-​Bibbja tiegħek ma fihiex l-​isem Ġeħova jew jekk tixtieq iktar informazzjoni dwar xi jfisser l-​isem t’Alla u kif għandu jiġi pronunzjat, jekk jogħġbok ara n-​​Nota fl-​Aħħar numru 1.