Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TLIETA

X’inhu l-iskop t’Alla għall-bnedmin?

X’inhu l-iskop t’Alla għall-bnedmin?

1. X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin?

ALLA għandu skop meraviljuż għall-​bnedmin. Hu ħalaq lill-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva, biex jgħixu fi ġnien mill-​isbaħ. L-​iskop tiegħu għalihom kien li jkollhom it-​tfal, li jagħmlu d-​dinja kollha ġenna, u li jieħdu ħsieb l-​annimali.—Ġenesi 1:28; 2:8, 9, 15; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 6.

2. (a) Kif nafu li Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu? (b) Alla liema tip taʼ nies irid li jgħixu hawn, u għal kemm żmien?

2 Taħseb li xi darba se ngħixu f’ġenna tal-​art? Ġeħova jgħidilna: “Jien għedtu dan; jien inġiegħlu jseħħ.” (Isaija 46:9-​11; 55:11) Iva, xejn mhu se jwaqqfu milli jwettaq l-​iskop tiegħu. Ġeħova jgħid li hu ħalaq l-​art għal skop. “Ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn.” (Isaija 45:18) Hu jrid li n-​nies jgħixu madwar id-​dinja kollha. Alla liema tip taʼ nies irid li jgħixu hawn, u għal kemm żmien? Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġusti [jew, l-​ubbidjenti] se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”Salm 37:29; Rivelazzjoni 21:3, 4.

3. Peress li l-​bnedmin jimirdu u jmutu, x’għandek mnejn tistaqsi?

3 Imma llum in-​nies jimirdu u jmutu. F’ħafna postijiet, in-​nies jiġġieldu u joqtlu lil xulxin. Żgur li dan ma kienx l-​iskop t’Alla. Allura x’ġara, u għala? Il-​Bibbja biss tistaʼ tagħtina spjegazzjoni.

GĦADU T’ALLA

4, 5. (a) Min kellem lil Eva permezz taʼ serp fil-​ġnien tal-​Għeden? (b) Bniedem li hu onest kif jistaʼ jsir ħalliel?

4 Il-​Bibbja tgħidilna li Alla għandu għadu li “hu msejjaħ Xitan u Satana.” Satana uża serp biex ikellem lil Eva fil-​ġnien tal-​Għeden. (Rivelazzjoni 12:9; Ġenesi 3:1) Hu ġabha tidher li s-​serp kien qed jitkellem.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 7.

5 Allura, kien Alla li ħalaq lil Satana x-​Xitan? Le! Anġlu li kien fis-​sema meta Alla ħejja l-​art għal Adam u Eva nbidel u sar ix-​Xitan. (Ġob 38:4, 7) Dan kif kien possibbli? Aħseb ftit, bniedem onest kif jinbidel u jsir ħalliel? Hu ma twilidx ħalliel. Imma hu jkun irid xi ħaġa li mhix tiegħu. Hu jibqaʼ jhewden dwarha, u x-​xewqa ħażina tiegħu tikber. Imbagħad, meta tiġih l-​opportunità, hu jisraq il-​ħaġa li jixtieq. B’hekk ikun sar ħalliel.—Aqra Ġakbu 1:13-​15; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 8.

6. Wieħed anġlu kif sar għadu t’Alla?

6 Dan l-​anġlu hekk ġralu. Wara li Ġeħova ħalaq lil Adam u Eva, hu qalilhom biex ikollhom it-​tfal u ‘jimlew l-​art.’ (Ġenesi 1:27, 28) Dan l-​anġlu għandu mnejn ħaseb, ‘Dawk in-​nies kollha jistgħu jqimu lili minflok lil Ġeħova!’ Iktar ma ħaseb dwarha, iktar xtaq dak li kien taʼ Ġeħova. Dan l-​anġlu ried li n-​nies iqimu lilu. Allura gideb lil Eva u qarraq biha. (Aqra Ġenesi 3:1-​5.) Billi għamel hekk, hu sar Satana x-​Xitan, għadu t’Alla.

7. (a) Għala mietu Adam u Eva? (b) Għala nixjieħu u mmutu?

7 Adam u Eva kienu diżubbidjenti lejn Alla u kielu l-​frott. (Ġenesi 2:17; 3:6) Huma dinbu kontra Ġeħova, u maż-​żmien mietu, sewwasew bħalma Ġeħova kien qal li se jiġrilhom. (Ġenesi 3:17-​19) It-​tfal t’Adam u Eva kienu midinbin, u allura mietu. (Aqra Rumani 5:12.) Biex nifhmu aħjar għala t-​tfal t’Adam u Eva wkoll kienu midinbin, aħseb dwar dan l-​eżempju. Immaġina li taħmi kejk f’landa li fiha daqqa. Il-​kejk se jkollu l-​istess daqqa li għandha l-​landa. Meta Adam m’obdiex lil Alla, Adam sar midneb. Minħabba li aħna wlied Adam, ilkoll kemm aħna midinbin, jew għandna l-​istess “daqqa” li kellu hu. U peress li kollha kemm aħna midinbin, nixjieħu u mmutu.—Rumani 3:23; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 9.

8, 9. (a) Satana x’riedhom jemmnu lil Adam u Eva? (b) Ġeħova għala ma qatilx lir-​ribelli dak il-​ħin stess?

8 Satana beda ribelljoni kontra Ġeħova meta influwenza lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Alla. Hu ried li Adam u Eva jemmnu li Ġeħova hu giddieb, mexxej ħażin li ma riedx l-​aħjar għalihom. Satana kien qed jgħid li l-​bnedmin m’għandhomx bżonn lil Alla biex jgħidilhom x’għandhom jagħmlu u li Adam u Eva jmisshom jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u ħażin. Allura Ġeħova x’kien se jagħmel? Hu setaʼ qatel lir-​ribelli u temm ir-​ribelljoni. Imma kien dan se juri li Satana hu giddieb? Le, lanqas xejn.

9 B’hekk, Ġeħova ma qatilx lir-​ribelli dak il-​ħin stess. Minflok, hu ta lill-​bnedmin biżżejjed żmien biex imexxu lilhom infushom. Dan kien se juri b’mod ċar li Satana hu giddieb u li Ġeħova jaf x’inhu l-​aħjar għall-​bnedmin. Se nitgħallmu iktar dwar dan f’Kapitlu 11. Imma int x’taħseb dwar id-​deċiżjoni t’Adam u Eva? Kellhom raġun jemmnu lil Satana u ma jobdux lil Alla? Ġeħova kien ta lil Adam u Eva kulma kellhom. Hu tahom ħajja perfetta, post mill-​isbaħ fejn jgħixu, u xogħol li kienu jieħdu pjaċir jagħmluh. Imma Satana qatt ma kien għamlilhom xi ħaġa taʼ ġid. Li kieku int kont hemmhekk, x’kont tagħmel?

10. Liema għażla importanti għandu kull wieħed minna?

10 Illum, kull wieħed minna għandu għażla simili x’jagħmel, u l-​ħajja tagħna tiddependi minn din l-​għażla. Aħna nistgħu nagħżlu li nobdu lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħna u ngħinu biex nagħtu prova li Satana hu giddieb. Jew inkella nistgħu nagħżlu lil Satana bħala l-​mexxej tagħna. (Salm 73:28; aqra Proverbji 27:11.) F’din id-​dinja, ftit huma n-​nies li jobdu lil Alla. Infatti, hu mhuwiex il-​ħakkiem tad-​dinja. Imma jekk Alla mhuwiex il-​ħakkiem, min hu?

MIN QED JAĦKEM ID-​DINJA?

Jekk is-saltniet kollha tad-dinja ma kinux taʼ Satana, setaʼ hu joffrihom lil Ġesù?

11, 12. (a) X’nitgħallmu mill-​offerta li Satana għamel lil Ġesù? (b) Liema skritturi juru li Satana qed jaħkem id-​dinja?

11 Ġesù kien jaf min verament qed jaħkem id-​dinja. Darba minnhom, Satana “wrieh is-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom.” Imbagħad Satana wiegħed lil Ġesù: “Dawn l-​affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet [jew, tmil] fl-​art u tagħmilli att taʼ qima.” (Mattew 4:8, 9; Luqa 4:5, 6) Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk dawn is-​saltniet ma kinux taʼ Satana, setaʼ joffrihom lil Ġesù?’ Le. Il-​gvernijiet kollha huma taʼ Satana.

12 Għandek mnejn tistaqsi: ‘Kif jistaʼ jkun li Satana hu l-​ħakkiem tad-​dinja? Mhuwiex Ġeħova l-​Alla li Jistaʼ Kollox li ħalaq l-​univers?’ (Rivelazzjoni 4:11) Iva, hekk hu, imma Ġesù b’mod ċar sejjaħ lil Satana “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” (Ġwanni 12:31; 14:30; 16:11) L-​appostlu Pawlu sejjaħ lil Satana x-​Xitan “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (2 Korintin 4:3, 4) U l-​appostlu Ġwanni kiteb li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

ID-​DINJA TAʼ SATANA KIF SE TINQERED?

13. Għala għandna bżonn dinja ġdida?

13 Din id-​dinja qed issir iktar u iktar perikoluża. Naraw gwerer, korruzzjoni, ipokrisija, u vjolenza kullimkien. Jipprovaw kemm jipprovaw, il-​bnedmin ma jistgħux jeħilsu minn dawn il-​problemi kollha. Imma Alla dalwaqt se jeqred din id-​dinja mill-​agħar fil-​gwerra tiegħu t’Armageddon, u minflokha se jġib dinja ġdida taʼ ġustizzja.—Rivelazzjoni 16:14-​16; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 10.

14. (a) Alla lil min għażel biex ikun is-​Sultan tas-​Saltna Tiegħu? (b) Il-​Bibbja x’bassret dwar Ġesù?

14 Ġeħova għażel lil Ġesù Kristu biex ikun is-​Sultan tal-​gvern, jew is-​Saltna, Tiegħu fis-​sema. Eluf taʼ snin ilu, il-​Bibbja bassret li Ġesù kien se jsaltan bħala “Prinċep tal-​Paċi” u li l-​gvern tiegħu qatt ma kien se jispiċċa. (Isaija 9:6, 7) Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għal dan il-​gvern meta qal: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) F’Kapitlu 8, se nitgħallmu kif is-​Saltna t’Alla se tieħu post il-​gvernijiet tad-​dinja. (Aqra Danjel 2:44.) Imbagħad is-​Saltna t’Alla se tagħmel l-​art ġenna mill-​isbaħ.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 11.

DINJA ĠDIDA FIL-​QRIB!

15. X’inhi l-​“art ġdida”?

15 Il-​Bibbja twiegħed: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew” u “f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13; Isaija 65:17) Kultant meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​“art,” tkun qed tirreferi għan-​nies li jgħixu fuq l-​art. (Ġenesi 11:1) Allura l-​“art ġdida” taʼ ġustizzja tirreferi għan-​nies kollha li jobdu lil Alla u li huma mberkin minnu.

16. Liema għotja meraviljuża se jagħti Alla lil dawk li jgħixu fid-​dinja l-​ġdida tiegħu, u xi rridu nagħmlu biex nirċievu din l-​għotja?

16 Ġesù wiegħed li dawk li se jgħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla se jirċievu “ħajja taʼ dejjem.” (Marku 10:30) Xi rridu nagħmlu biex nirċievu din l-​għotja? Jekk jogħġbok aqra Ġwanni 3:16 u 17:3 biex issib ir-​risposta. Issa ejja naraw x’tgħid il-​Bibbja dwar kif se tkun il-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art.

17, 18. Kif nafu li se jkun hemm il-​paċi kullimkien fuq l-​art u li se nħossuna fis-​sigurtà?

17 Il-​ħażen, il-​gwerer, il-​kriminalità, u l-​vjolenza se jkunu spiċċaw. Mhux se jkun għad hawn nies ħżiena fuq l-​art. (Salm 37:10, 11) Alla se “jwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.” (Salm 46:9; Isaija 2:4) Id-​dinja se tkun mimlija nies li jħobbu lil Alla u li jobduh. Se jkun hemm il-​paċi għal dejjem.—Salm 72:7.

18 Il-​poplu taʼ Ġeħova se jħossu fis-​sigurtà. Fi żmien il-​Bibbja, meta l-​Iżraelin kienu jobdu lil Alla, ma kellhomx għalfejn jibżgħu għax hu kien jipproteġihom. (Levitiku 25:18, 19) Fil-​Ġenna tal-​art aħna ma se nibżgħu minn xejn u ħadd. Dejjem se nħossuna fis-​sigurtà!—Aqra Isaija 32:18; Mikea 4:4.

19. Kif nistgħu nkunu ċerti li se jkun hemm abbundanza taʼ ikel fid-​dinja l-​ġdida t’Alla?

19 Se jkun hemm abbundanza taʼ ikel. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.” (Salm 72:16) Ġeħova, “Alla tagħna, se jberikna,” u “l-​art infisha se tagħti l-​prodott tagħha.”—Salm 67:6.

20. Kif nafu li d-​dinja se ssir ġenna tal-​art?

20 Id-​dinja kollha se ssir ġenna tal-​art. In-​nies se jkollhom djar u ġonna mill-​isbaħ. (Aqra Isaija 65:21-​24; Rivelazzjoni 11:18.) Id-​dinja kollha se tkun sabiħa daqs kemm kien il-​ġnien tal-​Għeden. Ġeħova dejjem se jagħtina kulma neħtieġu. Dwaru l-​Bibbja tgħid: “Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.”—Salm 145:16.

21. Kif nafu li l-​bnedmin u l-​annimali se jgħixu flimkien fil-​paċi?

21 Il-​bnedmin u l-​annimali se jgħixu flimkien fil-​paċi. L-​annimali mhux se jibqgħu jagħmlu l-​ħsara lill-​bnedmin. Tfal ċkejknin se jħossuhom fis-​sigurtà, anki m’annimali li llum huma perikolużi.—Aqra Isaija 11:6-​9; 65:25.

22. Ġesù x’se jagħmel għal dawk li huma morda?

22 Ħadd mhu se jkun marid. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu fejjaq lil ħafna nies. (Mattew 9:35; Marku 1:40-​42; Ġwanni 5:5-​9) Imma bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, Ġesù se jfejjaq lil kulħadd. Ħadd qatt mhu se jgħid: “Jien marid.”—Isaija 33:24; 35:5, 6.

23. Alla x’se jagħmel għal dawk li mietu?

23 Dawk li mietu se jerġgħu jgħixu. Alla jwiegħed li se jirxoxta lil miljuni taʼ nies li mietu. “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”—Aqra Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.

24. Int kif tħossok dwar li tgħix f’Ġenna fuq l-​art?

24 Ilkoll kemm aħna għandna għażla. Nistgħu nagħżlu li nitgħallmu dwar Ġeħova u naqduh, jew inkella nistgħu nagħmlu dak li rridu aħna. Jekk nagħżlu li naqdu lil Ġeħova, jistaʼ jkollna futur mill-​isbaħ. Meta raġel talab lil Ġesù biex jiftakar fih wara li jmut, Ġesù wiegħdu: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Ejja nitgħallmu iktar dwar Ġesù Kristu u kif se jwettaq il-​wegħdi mill-​isbaħ t’Alla.