KAPITLU 25
Dawk li Jagħmlu Affarijiet Ħżiena Jistgħu Jinbidlu?
MA JKUNX sabiħ li kieku kulħadd jagħmel it-tajjeb?— Imma ħadd ma jagħmel affarijiet tajbin dejjem. Taf għala lkoll kemm aħna nagħmlu affarijiet ħżiena xi kultant, anki meta nkunu rridu nagħmlu t-tajjeb?— Għax ilkoll kemm aħna nitwieldu bid-dnub. Imma xi nies jagħmlu ħafna affarijiet ħżiena ferm. Huma jobogħdu lil nies oħra u jweġġgħuhom apposta. Taħseb li dawn jistgħu jinbidlu u jitgħallmu jkunu tajbin?—
Ħares lejn ir-raġel li qiegħed għassa mal-ħwejjeġ taʼ dawk li qed jitfgħu l-ġebel lil Stiefnu. Dan jismu Sawlu bl-Ebrajk, imma bir-Ruman jismu Pawlu. Hu ferħan li Stiefnu, li hu dixxiplu taʼ l-Għalliem il-Kbir, qed jiġi maqtul. Ejja naraw għala Sawlu jagħmel affarijiet tant ħżiena.
Sawlu jagħmel parti minn grupp reliġjuż taʼ nies Lhud imsejħin Fariżej. Il-Fariżej għandhom il-Kelma t’Alla, imma iktar jagħtu kas it-tagħlim taʼ xi wħud mill-mexxejja reliġjużi tagħhom. Minħabba f’hekk Sawlu jagħmel affarijiet ħżiena.
Meta Stiefnu jiġi arrestat f’Ġerusalemm, Sawlu jinsab hemm. Stiefnu jittieħed il-qorti, u xi ftit mill-imħallfin huma Fariżej. Għalkemm in-nies jgħidu affarijiet koroh fuq Stiefnu, hu ma jibżax. Hu jagħmel il-kuraġġ biex jitkellem u jagħti xiehda tajba lill-imħallfin dwar Alla Ġeħova u dwar Ġesù.
Imma dawk l-imħallfin ma jiħdux pjaċir b’dak li jisimgħu. Diġà jafu ħafna dwar Ġesù. Fil-fatt, ftit taż-żmien qabel, huma
ordnaw li Ġesù jiġi maqtul! Imma mbagħad, Ġeħova ħa lil Ġesù lura fis-sema. Issa, minflok ma jbiddlu l-opinjoni tagħhom, l-imħallfin jiġġieldu kontra d-dixxipli taʼ Ġesù.L-imħallfin jaqbdu lil Stiefnu u joħorġuh barra l-belt. Bid-daqqiet li jagħtuh, huma jwaddbuh maʼ l-art u mbagħad jitfgħulu l-ġebel. U, bħalma tistaʼ tara fl-istampa, Sawlu qiegħed hemm jara kollox. Hu jaħseb li qed jagħmlu tajjeb li joqtlu lil Stiefnu.
Taf għala Sawlu ħaseb hekk?— Sawlu kien ilu ħajtu kollha Fariżew, u kien jemmen li t-tagħlim tal-Fariżej huwa tajjeb. Hu kien jimxi fuq l-eżempju tagħhom u jagħmel bħalhom.—Atti 7:54-60.
Wara li joqtlu lil Stiefnu, Sawlu x’jagħmel?— Hu jipprova jeħles mill-bqija tad-dixxipli taʼ Ġesù! Hu jibqaʼ dieħel fid-djar tagħhom u jkaxkar ’il barra kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa. Imbagħad jitfagħhom fil-ħabs. Ħafna mid-dixxipli jkollhom jitilqu minn Ġerusalemm, imma ma jiqfux jippridkaw dwar Ġesù.—Atti 8:1-4.
Minħabba f’hekk, Sawlu jibda jobgħodhom iktar lid-dixxipli taʼ Ġesù. Għalhekk, imur għand il-Qassis il-Kbir Kajfa u jġib permess biex jarresta lill-Kristjani fil-belt taʼ Damasku. Sawlu jrid iġibhom f’Ġerusalemm bħala priġunieri biex jieħdu kastig. Imma hu u sejjer Damasku tiġri xi ħaġa taʼ l-għaġeb.
Dawl jiddi mis-sema, u leħen jgħidlu: “Sawlu, Sawlu, għala qed tippersegwitani?” Dan Ġesù li qed jitkellem mis-sema! Id-dawl tant hu qawwi li Sawlu ma jibqax jara, u n-nies li hemm maʼ Sawlu jkollhom iwassluh sa Damasku.
Tlett ijiem wara, Ġesù jidher f’viżjoni lil wieħed mid-dixxipli f’Damasku li jismu Ananija. Ġesù jgħid lil Ananija biex imur jara lil Sawlu, jerġaʼ jġibu jara, u jkellmu. Meta Ananija jkellmu, Sawlu jaċċetta l-verità dwar Ġesù u jerġaʼ jibda jara. Ħajtu tinbidel kollha, u jsir qaddej leali t’Alla.—Atti 9:1-22.
Tistaʼ tifhem issa għala Sawlu kien jagħmel affarijiet ħżiena?— Għax hu kien tgħallem affarijiet ħżiena. Kien jagħmel bħan-nies li ma kinux leali lejn Alla. U kien parti minn grupp taʼ nies li iktar kienu jemmnu f’dak li jaħsbu n-nies milli fil-Kelma t’Alla. Sawlu għala jbiddel ħajtu u jibda jagħmel it-tajjeb, avolja Fariżej oħra jkomplu jiġġieldu kontra Alla?— Għax Sawlu mhux veru jobgħod il-verità. Għalhekk, meta xi ħadd jurih dak li hu tajjeb, hu jkun lest li jobdi.
Taf min sar Sawlu iktar tard?— Iva, hu sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, appostlu taʼ Ġesù. U ftakar, Pawlu kiteb iktar kotba tal-Bibbja minn kwalunkwe persuna oħra.
Hemm ħafna nies bħal Sawlu li jistgħu jinbidlu. Imma dan m’huwiex faċli għax hemm xi ħadd li jaħdem iebes ħafna biex iġiegħel lin-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Taf min hu Atti 26:17, 18.
dan?— Ġesù tkellem dwaru meta deher lil Sawlu fit-triq lejn Damasku. Hemmhekk Ġesù kellem lil Sawlu mis-sema u qallu: ‘Qed nibagħtek biex tiftaħ għajnejn in-nies, biex iddawwarhom mid-dlam għad-dawl u mill-awtorità taʼ Satana lejn Alla.’—Iva, Satana x-Xitan hu dak li qed jipprova jġiegħel lil kulħadd biex jagħmel affarijiet ħżiena. Int ġieli ssibha diffiċli biex tagħmel it-tajjeb?— Kulħadd isibha diffiċli għax Satana jipprova jfixkilna. Imma hemm raġuni oħra għala mhux dejjem faċli li nagħmlu t-tajjeb. Taf għala?— Għax aħna nitwieldu bid-dnub.
Minħabba dan id-dnub, ħafna drabi iktar insibuha faċli nagħmlu l-ħażin milli nagħmlu t-tajjeb. Allura, xi rridu nagħmlu?— Iva, irridu nagħmlu sforz kbir biex nagħmlu t-tajjeb. Meta nagħmlu hekk, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġesù, li jħobbna, se jgħinna.
Meta Ġesù kien fuq l-art, hu sar iħobb lil nies li kienu għamlu affarijiet ħżiena imma li mbagħad inbidlu. Kien jaf kemm kien diffiċli biex jagħmlu din il-bidla. Per eżempju, kien hemm nisa li kellhom relazzjonijiet sesswali
maʼ ħafna rġiel. Dan żgur li kien ħażin. Lil dawn in-nisa l-Bibbja ssejħilhom żienja, jew prostituti.Darba kien hemm mara bħal dawn li semgħet b’Ġesù, u marret fejn kien jinsab hu fid-dar taʼ wieħed Fariżew. Hi tefgħet iż-żejt fuq saqajn Ġesù u xxottat id-dmugħ tagħha minn fuq saqajh b’xagħarha. Kien iddispjaċieha ħafna għad-dnubiet tagħha, u għalhekk Ġesù ħafrilha. Imma l-Fariżej ħassew li ma kellux jaħfrilha.—Luqa 7:36-50.
Taf x’qal Ġesù lil xi wħud mill-Fariżej?— Qalilhom: “Il-prostituti sejrin qabilkom fis-saltna t’Alla.” (Mattew 21:31) Ġesù qal dan għax il-prostituti kienu jemmnu fih, u ma baqgħux jagħmlu affarijiet ħżiena. Imma l-Fariżej komplew jagħmlu affarijiet ħżiena lid-dixxipli taʼ Ġesù.
Mela meta l-Bibbja turi li dak li qed nagħmlu hu ħażin, irridu nkunu lesti li ninbidlu. U meta nitgħallmu xi jridna nagħmlu Ġeħova, irid ikollna xewqa kbira li nagħmlu hekk. Imbagħad Ġeħova se jieħu pjaċir bina u se jagħtina ħajja taʼ dejjem.
Biex jgħinuna ma nagħmlux il-ħażin, ejja naqraw flimkien Salm 119:9-11; Proverbji 3:5-7; u 12:15.