KAPITLU 33
Ġesù Jistaʼ Jipproteġina
META Ġesù kiber ftit u sar jaf li meta kien żgħir kien ġie protett, taħseb li talab lil Ġeħova u qallu grazzi?— X’taħseb li qalilhom iktar tard Ġesù lil Marija u Ġużeppi meta sar jaf li kienu salvawlu ħajtu billi ħaduh l-Eġittu?—
Naturalment Ġesù m’għadux tarbija. Lanqas biss għadu jgħix fuq l-art bħalma kien jgħix darba. Imma nnotajt li issa xi nies qishom jaħsbu f’Ġesù biss bħala tarbija f’maxtura?— Dan isir fil-Milied meta f’ħafna postijiet tara stampi taʼ Ġesù bħala tarbija.
Avolja Ġesù m’għadux jgħix fuq l-art, temmen li huwa ħaj?— Iva, ġie mqajjem mill-mewt, u issa huwa Sultan b’saħħtu fis-sema. X’taħseb li jistaʼ jagħmel biex jipproteġi lil dawk li jaqduh?— Per eżempju, meta Ġesù kien fuq l-art, hu wera kif setaʼ jipproteġi lil dawk li kienu jħobbuh. Ejja naraw kif darba waħda għamel dan meta kien fuq dgħajsa mad-dixxipli tiegħu.
Il-ħin hu tard wara nofsinhar. Ġesù
ilu ġurnata sħiħa jgħallem ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Il-Baħar tal-Galilija huwa għadira kbira twila madwar 20 kilometru u wiesgħa 12-il kilometru. Issa Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ejja naqsmu għan-naħa l-oħra taʼ l-għadira.” Allura telgħu f’dgħajsa u bdew jaqsmu għan-naħa l-oħra. Ġesù għajjien ħafna, u għalhekk imur fuq in-naħa taʼ wara tad-dgħajsa u jimtedd fuq imħadda. Ma jdumx ma jorqod fil-fond.Id-dixxipli jibqgħu mqajmin biex imexxu d-dgħajsa. Għall-ewwel kollox ikun sejjer tajjeb, imma f’daqqa waħda jqum riħ qawwi. Jibda jonfoħ iktar u iktar bil-qawwi, u l-mewġ jibda jżid. Il-mewġ jibda dieħel fid-dgħajsa, u din tibda timtela bl-ilma.
Id-dixxipli jibżgħu li se jegħrqu. Imma Ġesù ma jibżax. Għadu rieqed fin-naħa taʼ wara tad-dgħajsa. Fl-aħħar, id-dixxipli jqajmuh u jgħidulu: ‘Għalliem, Għalliem, salvana; se mmutu f’dan il-maltemp.’ X’ħin jismaʼ dan, Ġesù jqum u jkellem lir-riħ u lill-mewġ. “Iskot! Oqgħod kwiet!” jgħid hu.
Luqa 8:22-25; Marku 4:35-41.
Ir-riħ jieqaf mill-ewwel, u l-baħar jikkalma. Id-dixxipli jibqgħu mbellhin. Qatt ma raw ħaġa bħal din. Jibdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, għax jordna saħansitra lill-irjieħ u l-ilma, u dawn jobduh?”—Taf min hu Ġesù?— Taf minfejn iġibha l-qawwa kbira li għandu?— Id-dixxipli mhux suppost beżgħu meta Ġesù kien hemm magħhom, għax Ġesù ma kienx bniedem bħall-oħrajn. Hu setaʼ jagħmel affarijiet taʼ l-għaġeb li ħadd ieħor ma setaʼ jagħmel. Ħa ngħidlek x’għamel darb’oħra meta l-baħar kien imqalleb.
Kienet ġurnata oħra iktar tard fil-għaxija. Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu fuq dgħajsa u jmorru qablu n-naħa l-oħra tal-baħar. Imbagħad Ġesù jitlaʼ fuq il-muntanja waħdu. Dan huwa post fil-kwiet fejn jistaʼ jitlob lil Missieru, Alla Ġeħova.
Id-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jibdew jaqsmu l-baħar. Imma malajr jibda jonfoħ ir-riħ, u jkompli jżid iktar u iktar. Issa daħal il-lejl. Id-dixxipli jniżżlu l-qlugħ u jibdew jaqdfu. Imma ma tantx qed jimxu għax ir-riħ qawwi qed jonfoħ kontrihom. Id-dgħajsa tielgħa u nieżla mal-mewġ għoli, u l-ilma dieħel fiha. Id-dixxipli jagħmlu kulma jistgħu biex ifittxu jaslu x-xatt, imma ma jistgħux.
Ġesù għadu waħdu fuq il-muntanja. Ilu hemm ħafna. Imma issa jara d-dixxipli tiegħu fil-periklu minħabba l-mewġ għoli. Allura jinżel minn fuq il-muntanja sa xatt il-baħar. Ġesù jrid jgħin lid-dixxipli tiegħu, u għalhekk jibda miexi lejhom fuq il-baħar imqalleb!
X’jiġri kieku kellek tipprova timxi fuq il-baħar?— Kont tibqaʼ nieżel, u tistaʼ tegħreq. Imma Ġesù differenti. Għandu qawwa speċjali. Ġesù jdum miexi sakemm jasal ħdejn id-dgħajsa. Allura meta d-dixxipli jaraw lil Ġesù riesaq lejhom fuq il-baħar, ix-xemx tkun kważi telgħet. Imma lanqas iridu jemmnu dak li qed jaraw. Huma mwerwrin u jibdew jgħajtu bil-biżaʼ. Imbagħad Ġesù jkellimhom: “Agħmlu kuraġġ, hu jien; tibżgħux.”
Malli Ġesù jitlaʼ fid-dgħajsa, il-maltemp jieqaf. Id-dixxipli jerġgħu jibqgħu mbellhin. Jinżlu quddiem Ġesù u jgħidu: “Int tassew l-Iben t’Alla.”—Mattew 14:22-33; Ġwanni 6:16-21.
Ma kienx ikun sabiħ li kieku kont tgħix dakinhar u tara lil Ġesù jagħmel affarijiet bħal dawn?— Taf għala Ġesù għamel dawn il-mirakli?— Għamilhom għax kien iħobb lid-dixxipli tiegħu u ried jgħinhom. Imma għamilhom ukoll biex juri l-qawwa kbira li kellu u li kien se juża fil-futur bħala l-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla.
Anki llum, Ġesù ħafna drabi juża l-qawwa tiegħu biex Atti 12:2; Rivelazzjoni 1:9.
jipproteġi lid-dixxipli tiegħu. Hu jipproteġihom minn dak li jagħmel Satana biex jipprova jwaqqafhom milli jgħidu lill-oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Imma Ġesù ma jużax il-qawwa tiegħu biex jipproteġi lid-dixxipli tiegħu milli jimirdu jew biex ifejjaqhom meta jkunu morda. Anki l-appostli taʼ Ġesù, kollha mietu maż-żmien. Ġakbu ħu Ġwanni nqatel, u Ġwanni stess intefaʼ l-ħabs.—Illum l-istess. In-nies, sew jekk jaqdu lil Ġeħova u sew jekk le, kollha jistgħu jimirdu u jmutu. Imma dalwaqt, meta Ġesù jaħkem fuq l-art bħala Sultan tal-gvern t’Alla, l-affarijiet se jinbidlu. Dakinhar ħadd ma se jkollu għalfejn jibżaʼ, għax Ġesù se juża l-qawwa tiegħu biex ibierek lil dawk kollha li jobduh.—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW).
Versi oħra li juru l-qawwa kbira li għandu Ġesù, dak li Alla jagħmlu Ħakkiem fis-Saltna t’Alla, huma Danjel 7:13, 14; Mattew 28:18; u Efesin 1:20-22.