Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

Ġesù Jgħallimna Nitolbu

Ġesù Jgħallimna Nitolbu

INT titkellem m’Alla Ġeħova?— Hu jridek titkellem miegħu. Meta titkellem m’Alla, dan jissejjaħ talb. Ġesù kien jitkellem spiss maʼ Missieru fis-​sema. Xi kultant, kien iħobb joqgħod waħdu meta jitkellem m’Alla. Darba minnhom, il-​Bibbja tgħid: “Telaʼ waħdu fuq il-​muntanja biex jitlob. Għalkemm kien sar ħafna ħin, kien hemmhekk waħdu.”​—Mattew 14:23.

Fejn tistaʼ tmur biex titkellem waħdek maʼ Ġeħova?— Forsi tistaʼ titkellem waħdek maʼ Ġeħova fil-​għaxija, qabel ma tidħol fis-​sodda biex torqod. Ġesù qal: “Meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-​bieb, u itlob lil Missierek.” (Mattew 6:6) Titlob int lil Ġeħova kull fil-​għaxija qabel ma torqod?— Hekk għandek tagħmel.

Ġesù talab meta kien waħdu . . . u meta kien m’oħrajn

Ġesù talab ukoll meta kien hemm nies oħra miegħu. Meta miet il-​ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù talab m’oħrajn fil-​post fejn kien indifen Lazzru. (Ġwanni 11:​41, 42) U Ġesù kien jitlob ukoll meta kellu laqgħat mad-​dixxipli tiegħu. Int tmur f’laqgħat fejn isir it-​talb?— Hemmhekk, is-​soltu jitlob xi ħadd kbir fl-​età. Ismaʼ sew x’jgħid għax dan ikun qiegħed jitlob lil Alla għalik. Imbagħad tkun tistaʼ tgħid “Amen” għat-​talba. Taf xi jfisser li tgħid “Amen” meta tispiċċa talba?— Ifisser li int ħadt pjaċir bit-​talba. Ifisser li taqbel magħha u li tixtieq li din tkun it-​talba tiegħek ukoll.

Għala għandek tismaʼ sew it-​talb li jsir fil-​laqgħat?

Ġesù talab ukoll waqt il-​ħin taʼ l-​ikel. Hu rringrazzja lil Ġeħova għall-​ikel tiegħu. Int dejjem titlob qabel ma tiekol?— Huwa tajjeb li aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova għall-​ikel qabel ma nibdew nieklu. Xi ħadd ieħor jistaʼ jgħid it-​talba meta tieklu flimkien. Imma x’tagħmel jekk tiekol waħdek? Jew x’jiġri jekk tiekol maʼ nies li ma jgħidux grazzi lil Ġeħova?— Imbagħad int trid tgħid talba għalik waħdek.

Hemm għalfejn li dejjem titlob tgħajjat? Jew Ġeħova jistaʼ jisimgħek jekk tgħid it-​talba f’qalbek?— It-​tweġiba nistgħu nsiru nafuha billi naraw xi ġralu Neħemija. Dan kien iqim lil Ġeħova u kien jaħdem fil-​palazz tas-​Sultan Persjan Artasersi. Darba waħda Neħemija kien imdejjaq ħafna għax sar jaf li s-​swar taʼ Ġerusalemm, il-​belt kapitali tal-​poplu tiegħu, kienu għadhom imħarbtin.

Meta tistaʼ tgħid talba f’qalbek, bħalma għamel Neħemija?

Meta s-​sultan staqsa lil Neħemija għala kien imdejjaq, Neħemija l-​ewwel qal talba f’qalbu. Imbagħad Neħemija qal lis-​sultan għala kien imdejjaq u staqsieh jekk setax imur Ġerusalemm biex jerġaʼ jibni s-​swar. X’ġara?—

Iva, Alla wieġeb it-​talba taʼ Neħemija. Is-​sultan qallu li setaʼ jmur! Is-​sultan saħansitra ta lil Neħemija ħafna siġar biex jużahom ħalli jibni s-​swar. Mela Alla veru jistaʼ jwieġeb it-​talb tagħna, anki meta nitolbu f’qalbna.​—Neħemija 1:​2, 3; 2:​4-8.

Issa aħseb ftit dwar dan. Għandek tbaxxi rasek meta titlob? Għandek tinżel għarkopptejk? X’taħseb?— Xi kultant Ġesù kien jinżel għarkopptejh biex jitlob. Drabi oħra kien jibqaʼ bil-​wieqfa. U ġieli kien jgħolli rasu ‘l fuq lejn is-​sema hu u jitlob, l-​istess bħal meta talab għal Lazzru.

Allura, dan x’jurina?— Iva, dan jurina li kif toqgħod meta titlob m’hijiex l-​iktar ħaġa importanti. Xi kultant ikun tajjeb li tbaxxi rasek u tagħlaq għajnejk. Forsi drabi oħra tkun tixtieq tinżel għarkopptejk, kif għamel Ġesù. Imma ftakar, aħna nistgħu nitolbu lil Alla x’ħin irridu matul il-​jum jew bil-​lejl, u hu jismagħna. L-​iktar ħaġa importanti dwar it-​talb hi li aħna verament nemmnu li Ġeħova qiegħed jismaʼ. Temmen int li Ġeħova jismaʼ t-​talb tiegħek?—

Dwar xiex tistaʼ tkellem lil Alla meta titlob?

X’għandna ngħidu fit-​talb tagħna lil Ġeħova?— Għidli ftit: Meta titlob, fuqiex titkellem m’Alla?— Ġeħova jagħtina tant affarijet tajbin, u jkun tajjeb li ngħidulu grazzi, hux veru?— Nistgħu ngħidulu grazzi għall-​ikel li nieklu. Imma ġieli għedtlu grazzi talli tana s-​sema blu, is-​siġar ħodor, u l-​fjuri sbieħ?— Dawn l-​affarijiet hu wkoll għamilhom.

Darba d-​dixxipli taʼ Ġesù staqsewh biex jgħallimhom kif jitolbu. L-​Għalliem il-​Kbir hekk għamel, u wriehom x’kienu l-​iktar affarijiet importanti li kellhom jitolbu għalihom. Taf x’inhuma dawn l-​affarijiet?— Ġib il-​Bibbja tiegħek, u iftaħha f’Mattew kapitlu 6. Fil-​versi 9 sa 13, insibu t-​talba li ħafna nies isejħulha l-​Missierna. Ejja naqrawha flimkien.

Hawnhekk nitgħallmu li Ġesù għallimna nitolbu dwar l-​isem t’Alla. Hu qal biex nitolbu li l-​isem t’Alla jitqaddes. X’inhu l-​isem t’Alla?— Iva, dan hu Ġeħova, u aħna għandna nħobbuh dan l-​isem.

It-tieni, Ġesù għallimna nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla. Din is-​Saltna hija importanti għax se ġġib il-​paċi fuq l-​art u tagħmilha ġenna.

It-tielet, l-​Għalliem il-​Kbir qal biex nitolbu li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art bħalma ssir fis-​sema. Jekk nitolbu għal dan, allura aħna rridu nagħmlu dak li jrid Alla.

Imbagħad, Ġesù għallimna nitolbu għall-​ikel li għandna bżonn kuljum. Hu qal ukoll li għandna ngħidu lil Alla li aħna jiddispjaċina meta nkunu għamilna affarijiet li huma ħżiena. U għandna nitolbu lil Alla biex jaħfrilna. Imma qabel ma jagħmel hekk, aħna rridu naħfru lil ħaddieħor jekk għamlilna xi ħaġa ħażina. Int issibha faċli biex taħfer?—

Fl-aħħar, Ġesù qal li għandna nitolbu biex Alla Ġeħova jipproteġina mill-​wieħed ħażin, Satana x-​Xitan. Mela dawn kollha huma affarijiet tajbin għalxiex nitolbu lil Alla.

Aħna għandna nemmnu li Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna. Minbarra li nitolbuh biex jgħinna, għandna nkomplu nirringrazzjawh. Hu jieħu pjaċir meta fit-​talb tagħna ngħidu dak li veru nħossu u meta nitolbuh għal affarijiet tajbin. U hu se jagħtina dawn l-​affarijiet. Temmen li dan hu veru?—

Iktar pariri tajbin dwar it-​talb jinsabu f’Rumani 12:12; 1 Pietru 3:12; u l-​1 Ġwanni 5:14.