Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 40

Kif Tferraħ lil Alla

Kif Tferraħ lil Alla

X’NISTGĦU nagħmlu biex inferrħu lil Alla? Nistgħu nagħtuh xi ħaġa?— Ġeħova jgħid: “Tiegħi huma l-​bhejjem tax-​xagħri.” Hu jgħid ukoll: “Tiegħi l-​fidda u tiegħi d-​deheb.” (Salm 24:1; 50:10; Ħaggaj 2:8) Però, hemm xi ħaġa li nistgħu nagħtuh lil Alla. X’inhi?—

Ġeħova jħallina nagħżlu jekk aħniex se naqduh jew le. Hu ma jisforzaniex biex nagħmlu dak li jrid hu. Ejja nipprovaw nifhmu għala Alla ħalaqna b’tali mod li nistgħu nagħżlu jekk aħniex se naqduh jew le.

Naħseb taf x’inhu robot. Huwa magna li jagħmilha xi ħadd biex tagħmel dak li jridha hu. Allura r-​robot ma jistax jagħżel. Ġeħova setaʼ għamilna kollha bħal robot. Setaʼ ħalaqna b’tali mod li nagħmlu biss dak li jrid hu. Imma Alla m’għamilx hekk. Taf għala?— Xi ġugarelli huma robots. Meta tagħfas buttuna, jagħmlu eżatt dak li riedhom jagħmlu min għamilhom. Qatt rajt ġugarell bħal dan?— Ħafna drabi n-​nies wara ftit jiddejqu jilagħbu b’ġugarell li jagħmel biss dak li ġie mfassal, jew programmat, biex jagħmel. Alla ma jridniex nobduh biss għax aħna robots programmati biex naqduh. Ġeħova jridna naqduh għax inħobbuh u għax irridu nobduh.

Alla għala ma ħalaqniex bħal dan ir-​robot?

Kif taħseb li jħossu Missierna tas-​sema meta nobduh għax irridu?— Ara, għidli ftit, dak li tagħmel kif jeffettwa lill-​ġenituri tiegħek?— Il-​Bibbja tgħid li iben għaref “iferraħ lil missieru” imma iben iblah “inikket ’l ommu.” (Proverbji 10:1) Innotajt li meta tagħmel dak li jgħidulek ommok u missierek, dawn jifirħu?— Imma kif iħossuhom meta ma tobdihomx?—

Kif tistaʼ tferraħ lil Ġeħova u lill-​ġenituri wkoll?

Issa ejja naħsbu dwar Missierna tas-​sema, Ġeħova. Hu jgħidilna kif nistgħu nferrħuh. Għax ma ġġibx il-​Bibbja tiegħek u tiftaħha fi Proverbji 27:11. Hemmhekk Alla jkellimna u jgħidilna: “Kun għaref, ibni [jew, nistgħu ngħidu wkoll, binti], u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Korsiv tagħna.) Taf x’jiġifieri li tgħajjar lil xi ħadd?— Persuna tistaʼ tgħajrek billi tidħaq bik. Forsi tgħidlek li int ma tistax tagħmel dak li għedt li tistaʼ tagħmel. Satana kif jgħajjar lil Ġeħova?— Ejja naraw.

Ftakar, f’Kapitlu 8 taʼ dan il-​ktieb tgħallimna li Satana jrid ikun l-​Aqwa u jrid lil kulħadd jobdih. Satana jgħid li n-​nies iqimu lil Ġeħova għax Ġeħova se jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem jekk jobdu. Wara li Satana wassal lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Ġeħova, Satana sfida lil Alla. Hu qal lil Alla: ‘In-​nies jaqduk biss għax tagħtihom l-​affarijiet. Agħtini ċans, u tara kif jien kapaċi ma nħalli lil ħadd jaqdik, ikun min ikun.’

Wara li Adam u Eva dinbu, Satana kif sfida lil Ġeħova?

Issa veru li dan il-​kliem ma jinstabx fil-​Bibbja bl-​eżatt. Imma meta naqraw dwar ir-​raġel Ġob, jidher ċar li Satana qal xi ħaġa hekk lil Alla. Kemm Satana u kemm Ġeħova kien jimportahom ħafna jekk Ġob kienx se jibqaʼ leali lejn Alla jew le. Ejja niftħu l-​Bibbji tagħna f’Ġob kapitli 1 u 2 biex naraw x’ġara.

Innota li f’Ġob kapitlu 1 Satana jinsab fis-​sema meta l-​anġli jmorru jaraw lil Ġeħova. Allura Ġeħova jistaqsi lil Satana: “Mnejn int ġej?” Satana jgħid li kien ġej minn dawra mad-​dinja. Għalhekk Ġeħova jistaqsi: ‘Rajtu lil Ġob, li dejjem jaqdini u ma jagħmel xejn ħażin?’—Ġob 1:​6-8.

Satana mill-​ewwel jibda jaqlaʼ l-​iskużi. ‘Ġob jaqdik biss għax m’għandux inkwiet. Jekk ma tibqax tipproteġih u tbierku se jisħtek f’wiċċek.’ Allura Ġeħova jwieġbu: ‘Kollox sew, Satana, tistaʼ tagħmillu li trid, imma lil Ġob innifsu tweġġgħux.’—Ġob 1:​9-12.

X’jagħmel Satana?— Iġiegħel lin-​nies jisirqu l-​gniedes u l-​ħmir taʼ Ġob u joqtlu lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Imbagħad ifaqqgħu s-​sajjetti u joqtlu lin-​nagħaġ u lill-​qaddejja li jieħdu ħsiebhom. Iktar tard, jiġu xi nies li jisirqu l-​iġmla u joqtlu lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Fl-​aħħar, Satana jqajjem riefnu li jkisser id-​dar fejn ikun hemm l-​għaxart itfal taʼ Ġob u jmutu kollha. Minkejja dan kollu, Ġob xorta jaqdi lil Ġeħova.​—Ġob 1:​13-22.

Meta Ġeħova jerġaʼ jara lil Satana, Ġeħova jiġbidlu l-​attenzjoni li Ġob għadu leali. Satana jaqlaʼ l-​iskużi, u jgħid: ‘Jekk tħallini nweġġgħu f’ġismu se jisħtek f’wiċċek.’ Mela Ġeħova jħalli lil Satana jweġġaʼ lil Ġob f’ġismu imma javżah biex ma joqtolx lil Ġob.

Ġob xi ssaporta, u dan għala ferraħ lil Alla?

Satana jġib marda fuq Ġob u maʼ ġismu kollu jitilgħulu ħafna ponot kbar li juġgħuh. Dawn tant jintnu li ħadd ma jkun irid joqgħod ħdejh. Anki l-​mara taʼ Ġob tgħidlu: “Isħet ’l Alla u mut!” Dawk li taparsi huma ħbieb taʼ Ġob jiġu jarawh u jġagħluh iħossu agħar. Dawn jgħidulu li bilfors li għamel affarijiet ħżiena ħafna biex għandu dan l-​inkwiet kollu. Avolja Satana jġib dan l-​inkwiet u l-​uġigħ kollu fuq Ġob, Ġob jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova fedelment.​—Ġob 2:​1-13; 7:5; 19:​13-20.

Kif taħseb li ħassu Ġeħova meta Ġob baqaʼ leali?— Ħassu ferħan għax Ġeħova setaʼ jgħid lil Satana: ‘Ħares lejn Ġob! Hu jaqdini għax irid hu.’ Int se tkun bħal Ġob? Se jkun jistaʼ Ġeħova jipponta lejk u jużak bħala eżempju biex juri li Satana hu giddieb?— Fil-​fatt, huwa privileġġ li nistgħu nipprovdu tweġiba għal dak li qal Satana, jiġifieri li hu kapaċi ma jħalli lil ħadd, ikun min ikun, jaqdi lil Ġeħova. Għal Ġesù dan żgur li kien privileġġ.

L-Għalliem il-​Kbir qatt ma ħalla lil Satana jġagħlu jagħmel xi ħaġa ħażina. Aħseb ftit kemm ferraħ lil Missieru bl-​eżempju tiegħu! Ġeħova setaʼ jipponta lejn Ġesù u jagħti risposta lil Satana: ‘Ħares lejn Ibni! Hu żamm leali lejja f’kollox għax iħobbni!’ Aħseb ukoll x’ferħ ħass Ġesù talli ferraħ qalb Missieru. Minħabba dak il-​ferħ, Ġesù ssaporta wkoll il-​mewt fuq zokk tat-​tortura.​—Ebrej 12:2.

Tixtieq tkun bħall-​Għalliem il-​Kbir tagħna u tferraħ lil Ġeħova?— Mela kompli tgħallem dwar xi jridek tagħmel Ġeħova, u ferrħu billi tagħmlu!

Aqra dwar x’għamel Ġesù biex iferraħ lil Alla u xi rridu nagħmlu aħna wkoll, fi Proverbji 23:​22-25; Ġwanni 5:​30; 6:​38; 8:​28; u t-​2 Ġwanni 4.