Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 9

Ma Rridux Inċedu għat-Tentazzjonijiet

Ma Rridux Inċedu għat-Tentazzjonijiet

QATT kien hemm xi ħadd li riedek tagħmel xi ħaġa ħażina?— Qagħad jisfidak biex tagħmilha? Jew qagħad jgħidlek li din il-​ħaġa tieħu pjaċir tagħmilha u li mhux veru jkun ħażin jekk tagħmilha?— Meta xi ħadd jagħmlilna hekk, ikun qiegħed jipprova jittantana.

X’għandna nagħmlu meta niġu ttantati? Għandna nċedu u nagħmlu l-​ħażin?— Alla Ġeħova ma jiħux pjaċir b’dan. Imma taf min jieħu pjaċir?— Iva, Satana x-​Xitan.

Satana hu l-​għadu t’Alla, u Satana hu l-​għadu tagħna. Aħna ma nistgħux narawh għax hu spirtu. Imma hu jistaʼ jara lilna. Darba waħda x-​Xitan tkellem maʼ Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, u pprova jittantah. Ejja naraw x’għamel Ġesù. Imbagħad inkunu nafu xi rridu nagħmlu aħna meta niġu ttantati.

Ġesù x’setaʼ beda jiftakar meta tgħammed?

Ġesù dejjem ried jagħmel dak li jgħidlu Alla. Hu wera dan lil kulħadd billi tgħammed fix-​Xmara Ġordan. Kien eżatt wara l-​magħmudija taʼ Ġesù li Satana pprova jittantah. Il-​Bibbja tgħid li “s-​smewwiet infetħu” għal Ġesù. (Mattew 3:16) Dan jistaʼ jfisser li issa Ġesù beda jiftakar fil-​ħajja kollha tiegħu taʼ qabel, meta kien jgħix m’Alla.

Wara l-​magħmudija tiegħu Ġesù mar f’deżert biex joqgħod jaħseb fuq l-​affarijiet li kien beda jiftakar. Kien ilu erbgħin jum u erbgħin lejl fid-​deżert. Ġesù ma kiel xejn matul dan iż-​żmien kollu, u għalhekk issa kien bil-​ġuħ ħafna. Kien f’dan il-​ħin li Satana pprova jittanta lil Ġesù.

Ix-​Xitan kif uża l-​ġebel biex jittanta lil Ġesù?

Ix-Xitan qal: “Jekk int bin Alla, għid lil dan il-​ġebel isir ħobż.” Min jaf kemm kien ikun tajjeb ftit ħobż! Imma setaʼ Ġesù jbiddel il-​ġebel f’ħobż?— Iva, setaʼ jagħmel hekk. Għala? Għax Ġesù, l-​Iben t’Alla, kellu qawwa speċjali.

Int kont tbiddel ġebla f’ħobża li kieku x-​Xitan qallek tagħmel hekk?— Ġesù kien bil-​ġuħ. Allura ma setax jagħmel hekk din id-​darba biss?— Ġesù kien jaf li kien ħażin li juża l-​qawwa tiegħu b’dan il-​mod. Ġeħova kien tah din il-​qawwa biex in-​nies isiru jħobbu lil Alla, u mhux biex jużaha għalih.

Allura, minflok, Ġesù qal lil Satana x’hemm miktub fil-​Bibbja: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” Ġesù kien jaf li huwa ħafna iktar importanti li jagħmel dak li jogħġob lil Ġeħova milli jkollu l-​ikel x’jiekol.

Imma x-​Xitan reġaʼ pprova. Hu ħa lil Ġesù f’Ġerusalemm u qallu joqgħod bil-​wieqfa fuq parti tat-​tempju li kienet fl-​għoli. Imbagħad Satana qal: ‘Jekk int bin Alla, aqbeż għal isfel minn hawn. Għax hu miktub li l-​anġli t’Alla ma jħallukx tweġġaʼ.’

Satana għala qal hekk?— Hu qal hekk biex jittanta lil Ġesù ħalli jagħmel xi ħaġa stupida. Imma għal darb’oħra, Ġesù ma semax minn Satana. Hu qal lil Satana: “Hu miktub, ‘Iġġarrabx lil Ġeħova Alla tiegħek.’” Ġesù kien jaf li hu ħażin li jġarrab jew jittestja lil Ġeħova billi jirriskja ħajtu.

Xorta waħda, Satana ma qatax qalbu. Wara dan, hu ħa lil Ġesù fuq muntanja għolja ħafna. Hemmhekk hu wrieh is-​saltniet, jew il-​gvernijiet, kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom. Imbagħad Satana qal lil Ġesù: ‘Dawn l-​affarijiet kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet fl-​art u tagħmilli att taʼ qima.’

Aħseb ftit dwar x’offrielu x-​Xitan. Veru li dawn is-​saltniet, jew gvernijiet tal-​bnedmin, kienu kollha taʼ Satana?— Ġesù ma qalx li ma kinux taʼ Satana. Kieku ma kinux taʼ Satana, Ġesù kien jgħid li ma kinux. Iva, Satana hu verament il-​ħakkiem tal-​ġnus kollha tad-​dinja. Il-​Bibbja saħansitra ssejjaħlu “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.”​—Ġwanni 12:31.

Satana għala setaʼ joffri lil Ġesù dawn is-​saltniet kollha?

X’kont tagħmel int li kieku x-​Xitan wiegħdek li jagħtik xi ħaġa jekk tqim lilu?—Ġesù kien jaf li jagħmel ħażin jekk iqim lix-​Xitan, ikun xi jkun ir-​rigal li jaqlaʼ. Għalhekk Ġesù qal: ‘Mur ‘l hemm, Satana! Għax il-​Bibbja tgħid li lil Ġeħova Alla tiegħek trid tqim u lilu biss trid taqdi.’—Mattew 4:​1-10; Luqa 4:​1-13.

X’se tagħmel jekk tiġi ttantat?

Aħna wkoll ikollna tentazzjonijiet. Taf x’inhuma xi ftit minnhom?— Ħa nagħtik eżempju. Il-​mamà tiegħek tagħmel torta tal-​ħelu jew kejk tajjeb bħala deżerta. Forsi hi tgħidlek biex ma tikolx minnu sakemm isir ħin l-​ikel. Imma int għandek ħafna ġuħ, u għalhekk tħossok ittantat biex tieħu minnu. Se tobdiha lil ommok?— Satana jrid li int ma tobdihiex.

Ftakar f’Ġesù. Hu wkoll kellu ħafna ġuħ. Imma hu kien jaf li huwa iktar importanti li togħġob lil Alla milli tiekol. Meta tagħmel dak li tgħidlek ommok, se turi li int bħal Ġesù.

Jistaʼ jkun li xi tfal oħra jgħidulek biex tiblaʼ xi pilloli. Forsi jgħidulek li tgħidx kemm se tħossok tajjeb bihom. Imma dawn il-​pilloli jistgħu jkunu drogi. Bihom tistaʼ timrad ħafna u tistaʼ anki tmut. Jew xi ħadd jistaʼ jagħtik sigarett, li wkoll fih id-​drogi, u jisfidak biex tpejjep. X’se tagħmel?—

Ftakar f’Ġesù. Satana pprova jġiegħel lil Ġesù jirriskja ħajtu billi qallu biex jaqbeż minn fuq it-​tempju. Imma Ġesù ma riedx jagħmel hekk. X’se tagħmel jekk xi ħadd jisfidak biex tagħmel xi ħaġa perikoluża?— Ġesù ma semax minn Satana. U lanqas int m’għandek tismaʼ minn xi ħadd li jipprova jġagħlek tagħmel affarijiet ħżiena.

Għala huwa ħażin li tuża xbihat fil-​qima?

Xi darba, xi ħadd jistaʼ jgħidlek biex tagħmel att taʼ qima quddiem xbieha, xi ħaġa li l-​Bibbja tgħid li ma rridux nagħmlu. (Eżodu 20:​4, 5) Dan jistaʼ jkun parti minn xi ċerimonja fl-​iskola. Forsi jgħidulek li jkeċċuk mill-​iskola jekk ma tagħmilx hekk. X’se tagħmel?—

Huwa faċli li nagħmlu dak li hu tajjeb meta kulħadd ikun qed jagħmel hekk. Imma jistaʼ jkun diffiċli ħafna li nagħmlu dak li hu tajjeb meta nies oħra jipprovaw iġagħluna nagħmlu dak li hu ħażin. Forsi jgħidulna li dak li qed jagħmlu m’huwiex daqshekk ħażin. Imma l-​mistoqsija importanti hi, Alla x’jgħid dwar din il-​ħaġa? Hu jaf l-​iktar.

Mela jgħidu x’jgħidu nies oħra, aħna qatt m’għandna nagħmlu affarijiet li Alla jgħid li huma ħżiena. B’dan il-​mod dejjem se nagħmlu lil Alla ferħan, u qatt m’aħna se nogħġbu lix-​Xitan.

Nistgħu nsibu iktar informazzjoni dwar kif ma nċedux għat-​tentazzjonijiet biex nagħmlu l-​ħażin f’Salm 1:​1, 2; Proverbji 1:​10, 11; Mattew 26:41; u t-​2 Timotju 2:22.