Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 43

Min Huma Ħutna?

Min Huma Ħutna?

DARBA fost l-​oħrajn l-​Għalliem il-​Kbir staqsa mistoqsija mhux tas-​soltu. Din kienet: “Min hi ommi, u min huma ħuti?” (Mattew 12:48) Taf twieġeb din il-​mistoqsija?— X’aktarx li taf li omm Ġesù kien jisimha Marija. Imma taf x’kien jisimhom ħutu s-​subien?— Kellu wkoll ħutu bniet Ġesù?—

Il-Bibbja tgħid li ħut Ġesù, is-​subien, kien jisimhom “Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda.” U Ġesù kellu ħutu bniet li kienu jgħixu fiż-​żmien meta kien jippriedka. Peress li Ġesù twieled l-​ewwel, dawn kollha kienu iżgħar minnu.​—Mattew 13:​55, 56; Luqa 1:​34, 35.

Kienu ħut Ġesù dixxipli tiegħu wkoll?— Il-​Bibbja tgħid li għall-​ewwel “ma kinux qed jeżerċitaw il-​fidi fih.” (Ġwanni 7:5) Imma iktar tard, Ġakbu u Ġuda saru d-​dixxipli tiegħu, u kitbu wkoll xi kotba tal-​Bibbja. Taf liema kotba kitbu?— Iva, Ġakbu u Ġuda.

Għalkemm il-​Bibbja ma ssemmix x’kien jisimhom ħutu lbniet, nafu li minn taʼ l-​inqas Ġesù kellu tnejn. Imma jistaʼ jkun li kellu iktar. Dawn l-​aħwa bniet saru dixxipli tiegħu?— Il-​Bibbja ma tgħidx, allura ma nafux. Imma taf għala Ġesù staqsa l-​mistoqsija, “Min hi ommi, u min huma ħuti?”— Ejja ħa naraw.

Waqt li Ġesù kien qed jgħallem lid-​dixxipli tiegħu, xi ħadd waqqfu u qallu: “Ommok u ħutek qegħdin barra u jridu jkellmuk.” Allura Ġesù ħa l-​opportunità biex jgħallem lezzjoni importanti billi staqsa dik il-​mistoqsija mhux tas-​soltu: “Min hi ommi, u min huma ħuti?” B’idu ipponta lejn id-​dixxipli tiegħu u wieġeb: “Ara! Ommi u ħuti!”

Imbagħad Ġesù spjega x’ried ifisser, u qal: “Kulmin jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​sema, dan hu ħija, u oħti, u ommi.” (Mattew 12:​47-50) Dan juri kemm Ġesù kien iħobb lid-​dixxipli tiegħu. Kien qed jgħallimna li d-​dixxipli tiegħu kienu bħal aħwa u ommijiet taʼ veru għalih.

Ġesù min spjega li kienu ħutu?

Dak iż-​żmien ħut Ġesù stess​—Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda​—ma kinux jemmnu li Ġesù kien l-​Iben t’Alla. Bilfors li m’emmnux dak li l-​anġlu Gabrijel kien qal lil ommhom. (Luqa 1:​30-33) Allura forsi kienu kattivi maʼ Ġesù. Xi ħadd li jkun hekk ma jkunx ħu jew oħt taʼ veru. Taf lil xi ħadd li kien kattiv maʼ ħuh jew oħtu?—

Il-Bibbja titkellem dwar Għesaw u Ġakobb u kif Għesaw tant irrabja li qal: “Noqtol ’il Ġakobb, ħija.” Ommhom, Rebekka, tant beżgħet li qalet lil Ġakobb biex jaħrab ħalli Għesaw ma joqtlux. (Ġenesi 27:​41-46) Imma ħafna snin wara Għesaw inbidel, u laqaʼ u għannaq lil Ġakobb.​—Ġenesi 33:4.

Maż-żmien, Ġakobb kellu 12-il tifel. Imma t-​tfal il-​kbar taʼ Ġakobb ma kinux iħobbu lil ħuhom iżgħar minnhom, Ġużeppi. Kienu jgħiru għalih għax missierhom kien jippreferi lilu. Allura bigħuh lil xi nies li kienu jixtru u jbigħu l-​ilsira. Dawn kienu sejrin l-​Eġittu. Imbagħad l-​aħwa qalu lil missierhom li Ġużeppi ġie maqtul minn annimal salvaġġ. (Ġenesi 37:​23-36) Kemm kienet ħaġa ħażina din hux?—

Iktar tard ħut Ġużeppi ddispjaċiehom għal dak li għamlu. Allura Ġużeppi ħafrilhom. Qed tifhem kif Ġużeppi kien bħal Ġesù?— L-​appostli stess taʼ Ġesù ħarbu meta kien fl-​inkwiet, u Pietru qal ukoll li ma kienx jafu. Imma, bħal Ġużeppi, Ġesù ħafrilhom ilkoll.

X’għandna nitgħallmu minn dak li għamel Kajjin lil Abel?

Imbagħad hemm iż-​żewġ aħwa Kajjin u Abel. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minnhom ukoll. Alla ra li Kajjin f’qalbu mhux veru kien iħobb lil ħuh. Allura Alla qal lil Kajjin li kellu jibdel l-​imġiba tiegħu. Kieku Kajjin tassew kien iħobb lil Alla, kien jagħti kas dak li qallu. Imma ma kienx iħobbu lil Alla. Darba waħda Kajjin qal lil Abel: “Ħa mmorru fir-​rabaʼ.” Abel mar maʼ Kajjin. Waqt li kienu fl-​għalqa waħedhom, Kajjin tant ta daqqa kbira lil ħuh li qatlu.​—Ġenesi 4:​2-8.

Il-Bibbja tgħidilna li hemm xi ħaġa speċjali li rridu nitgħallmu minn dan. Taf x’inhi?— ‘Dan hu l-​messaġġ li smajtu sa mill-​bidu, li għandna nħobbu lil xulxin; mhux bħal Kajjin, li ġie mill-​Ħażin.’ Allura l-​aħwa għandu jkollhom imħabba għal xulxin. M’għandhomx ikunu bħal Kajjin.​—1 Ġwanni 3:​11, 12.

Għala jkun ħażin li nkunu bħal Kajjin?— Għax il-​Bibbja tgħid li hu ‘ġie mill-​Ħażin,’ Satana x-​Xitan. Peress li Kajjin għamel bħax-​Xitan, ix-​Xitan kien qisu missieru.

Qed tara għala hu importanti li tħobb lil ħutek?— Jekk ma tħobbhomx, it-​tfal taʼ min tkun qed tixbah?— Lit-​tfal tax-​Xitan. Int ma tixtieqx tkun hekk, hux?— Allura kif tistaʼ turi li trid tkun wieħed mit-​tfal t’Alla?— Billi verament tħobb lil ħutek.

Imma x’inhi l-​imħabba?— L-​imħabba hija xi ħaġa li nħossu fil-​fond taʼ qalbna u li biha nkunu rridu nagħmlu affarijiet sbieħ għal oħrajn. Aħna nuru li nħobbu lil oħrajn meta nħossu affarijiet sbieħ dwarhom u meta nagħmlu affarijiet sbieħ għalihom. U min huma ħutna li għandna nħobbu?— Ftakar, Ġesù għallem li dawn huma n-​nies li jifformaw il-​familja Kristjana kbira.

Kif tistaʼ turi li tħobb lil ħuk?

Kemm hu importanti li nħobbu lil dawn l-​aħwa Kristjani?— Il-​Bibbja tgħid: “Min ma jħobbx lil ħuh [jew lil oħtu], li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 4:​20) Mela ma nistgħux inħobbu lil ftit uħud biss fil-​familja Kristjana. Irridu nħobbuhom kollha. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Int lill-​aħwa kollha tħobb?— Tinsiex, jekk ma tħobbhomx kollha, ma jistax ikun li veru tħobb lil Alla.

Kif nistgħu nuru li veru nħobbu lil ħutna?— Sewwa, jekk inħobbuhom, m’aħniex se noqogħdu ’l bogħod minnhom għax ma nkunux irridu nkellmuhom. Se nkunu ħbieb tagħhom kollha. Dejjem se nkunu qalbna tajba magħhom u nkunu lesti li nagħtuhom mill-​affarijiet li jkollna. U jekk qatt xi darba jkollhom l-​inkwiet, se ngħinuhom għax aħna veru familja kbira.

Meta veru nħobbu lil ħutna kollha, xi nkunu qed nuru?— Nuru li aħna dixxipli taʼ Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir. U mhux hekk nixtiequ nkunu?—

Il-​Bibbja titkellem ukoll dwar li nuru mħabba lejn ħutna f’Galatin 6:​10 u l-​1 Ġwanni 4:8, 21. Għax ma tiftaħx il-​Bibbja tiegħek stess u taqra dawn il-​versi?