Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 37

Niftakru f’Ġeħova u f’Ibnu

Niftakru f’Ġeħova u f’Ibnu

IMMAĠINA li xi ħadd jagħtik rigal sabiħ. Kif tħossok?— Tgħid grazzi biss u mbagħad lil min tahulek tinsieh għalkollox? Jew se tiftakar kemm lilu u kemm ir-​rigal li tak?—

Alla Ġeħova tana rigal sabiħ ferm. Hu bagħat lil Ibnu fuq l-​art biex imut għalina. Taf għala Ġesù kellu jmut għalina?— Din hi xi ħaġa importanti ferm li rridu nifhmuha.

Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 23, Adam dineb meta m’obdiex il-​liġi perfetta t’Alla. U aħna ħadna d-​dnub minn Adam, li hu l-​missier tagħna lkoll. Allura x’taħseb li għandna bżonn?— Għandna bżonn, biex ngħidu hekk, missier ġdid, missier li għex ħajja perfetta fuq l-​art. Min taħseb li jistaʼ jkun dan il-​missier għalina?— Dan jistaʼ jkun Ġesù.

Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art sabiex ikun jistaʼ jsir bħal missier għalina flok Adam. Il-​Bibbja tgħid: “‘L-​ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.’ L-​aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-​ħajja.” Min kien l-​ewwel Adam?— Iva, il-​persuna li Alla ħalaq mit-​trab taʼ l-​art. Min hu t-​tieni Adam?— Ġesù. Il-​Bibbja dan turih meta tgħid: “L-​ewwel bniedem [Adam] ġej mill-​art u magħmul mit-​trab; it-​tieni bniedem [Ġesù] ġej mis-​sema.”1 Korintin 15:​45, 47; Ġenesi 2:7.

Peress li Alla qabad il-​ħajja taʼ Ġesù mis-​sema u poġġieha ġol-​mara Marija, Ġesù ma ħax id-​dnub minn Adam. Minħabba f’hekk Ġesù kien bniedem perfett. (Luqa 1:​30-35) U minħabba f’hekk ukoll wieħed anġlu qal lir-​rgħajja meta twieled Ġesù: “Illum . . . twildilkom Salvatur.” (Luqa 2:11) Imma biex ikun is-​Salvatur tagħna, Ġesù tarbija x’kellu bżonn jagħmel l-​ewwel?— Kellu jikber u jsir raġel, bħal Adam. Imbagħad Ġesù setaʼ jsir ‘it-​tieni Adam.’

Ġesù, is-​Salvatur tagħna, se jsir ukoll għalina “Missier għal dejjem.” Hekk tgħid li hu l-​Bibbja. (Isaija 9:​5, 6 [9:​6, 7, NW]) Iva, Ġesù perfett jistaʼ jsir missierna flok Adam, li sar imperfett meta għamel id-​dnub. B’dan il-​mod aħna nistgħu nagħżlu li jkollna ‘t-​tieni Adam’ bħala missierna. Ovvjament, Ġesù stess huwa Bin Alla Ġeħova.

Adam u Ġesù b’liema mod kienu bħal xulxin, u għala kien importanti ħafna li jkunu hekk?

Billi nitgħallmu dwar Ġesù, nistgħu naċċettawh bħala s-​Salvatur tagħna. Tiftakar minn xiex irid isalvana?— Iva, mid-​dnub u l-​mewt li ħadna minn Adam. Ġesù ssagrifika, jew ta, għalina l-​ħajja perfetta tiegħu bħala bniedem adult, u din il-​ħaġa tissejjaħ il-​fidwa. Ġeħova pprovda l-​fidwa sabiex dnubietna jkunu jistgħu jinħafrulna.—Mattew 20:28; Rumani 5:8; 6:​23.

Żgur li ma rridux ninsew x’għamlu għalina Alla u Ibnu, hux hekk?— Ġesù wera lid-​dixxipli tiegħu xi ħaġa speċjali li tistaʼ tgħinna niftakru dak li għamel. Ejja nitkellmu ftit dwarha.

Immaġinak taparsi qiegħed fil-​kamra taʼ fuq f’dar ġo Ġerusalemm. Bħalissa bil-​lejl. Ġesù u l-​appostli tiegħu qegħdin madwar mejda. Fuq il-​mejda, hemm xi ħaruf mixwi, ftit ħobż ċatt, u nbid aħmar. Qed jieklu ikla speċjali. Taf għala?—

Din l-​ikla kellha tfakkarhom f’dak li għamel Ġeħova mijiet taʼ snin qabel meta n-​nies tiegħu, l-​Iżraelin, kienu lsiera fl-​Eġittu. Dak iż-​żmien Ġeħova qal lin-​nies tiegħu: ‘Oqtlu ħaruf għal kull familja, u qiegħdu d-​demm tiegħu fuq il-​ġnub tal-​bibien tad-​djar tagħkom.’ Imbagħad qal: ‘Idħlu fid-​dar tagħkom u kulu l-​ħaruf.’

Id-​demm tal-​ħaruf kif ipproteġa lin-​nies taʼ Iżrael?

L-Iżraelin hekk għamlu. U dak il-​lejl stess, l-​anġlu t’Alla għadda mill-​pajjiż taʼ l-​Eġittu. Kważi fid-​djar kollha, l-​anġlu qatel l-​ewwel imwieled taʼ kull familja. Imma fejn l-​anġlu ra d-​demm tal-​ħaruf mal-​ġnub tal-​bibien, hu qabeż dik id-​dar. F’dawk id-​djar li qabeż l-​anġlu ma mitux tfal. Il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu, beżaʼ b’dak li għamel l-​anġlu taʼ Ġeħova. Allura l-​Fargħun qal lill-​Iżraelin: ‘Tistgħu tmorru. Oħorġu ’l barra mill-​Eġittu!’ Fil-​pront, huma tefgħu xi affarijiet fuq l-​iġmla u l-​ħmir li kellhom u telqu.

Ġeħova ma riedx li n-​nies tiegħu jinsew kif hu kien ħelishom. Allura qal: ‘Darba fis-​sena tridu tieklu ikla bħall-​ikla li kiltu llejla.’ Din l-​ikla speċjali tissejjaħ il-​Qbiż. Taf għala?— Għax dak il-​lejl l-​anġlu t’Alla qabeż jew “baqaʼ għaddej” minn fuq id-​djar li kienu mċappsin bid-​demm.​—Eżodu 12:​1-13, 24-27, 31.

Ġesù u l-​appostli tiegħu qed jaħsbu dwar dan meta jieklu l-​ikla tal-​Qbiż. Wara, Ġesù jagħmel xi ħaġa importanti ħafna. Imma qabel ma jagħmel hekk, jgħid lil Ġuda, l-​appostlu mhux leali, biex jitlaq. Imbagħad Ġesù jaqbad waħda mill-​biċċiet tal-​ħobż li baqaʼ, jitlob dwarha, jaqsamha, u jgħaddiha lid-​dixxipli tiegħu. “Ħudu, kulu,” jgħid hu. Imbagħad jgħidilhom: ‘Dan il-​ħobż ifisser ġismi li jien se nagħtih meta mmut għalikom.’

Imbagħad Ġesù jaqbad tazza nbid aħmar. Wara li jgħid grazzi f’talba oħra, hu jgħaddi l-​inbid u jgħid: “Ixorbu minnu, intom ilkoll.” U jgħidilhom: ‘Dan l-​inbid ifisser id-​demm tiegħi. Dalwaqt jien se nferraʼ d-​demm tiegħi biex neħliskom minn dnubietkom. Ibqgħu agħmlu dan biex tiftakruni.’—Mattew 26:​26-28; 1 Korintin 11:​23-26.

Id-​demm taʼ Ġesù, li Ġesù xebbah mal-​inbid, x’jistaʼ jagħmel għalina?

Innotajt li Ġesù qal lid-​dixxipli biex ikomplu jagħmlu dan ħalli jiftakru fih?— Ma kellhomx ikomplu jagħmlu l-​ikla tal-​Qbiż. Imma flokha, darba fis-​sena kellhom jagħmlu din l-​ikla speċjali biex jiftakru f’Ġesù u l-​mewt tiegħu. Din l-​ikla jgħidulha l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej. Illum ħafna drabi ngħidulha t-​Tifkira. Għala?— Għax tfakkarna f’dak li Ġesù u Missieru, Alla Ġeħova, għamlu għalina.

Il-ħobż għandu jġagħalna naħsbu fil-​ġisem taʼ Ġesù. Hu kien lest li jagħti dak il-​ġisem sabiex aħna jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem. U l-​inbid aħmar?— Dan għandu jfakkarna f’kemm jiswa d-​demm taʼ Ġesù. Huwa iktar prezzjuż mid-​demm tal-​ħaruf tal-​Qbiż fl-​Eġittu. Taf għala?— Għax il-​Bibbja tgħid li d-​demm taʼ Ġesù jistaʼ jġib il-​maħfra taʼ dnubietna. U meta d-​dnubiet kollha tagħna jitneħħew, m’aħniex se nimirdu, nixjieħu, u mmutu iżjed. Meta mmorru għat-​Tifkira, dwar dan għandna naħsbu.

Għandu kulħadd jiekol il-​ħobż u jixrob l-​inbid fit-​Tifkira?— Ġesù qal lil dawk li għandhom jieklu u jixorbu: ‘Intom se jkollkom sehem fis-​saltna tiegħi u se toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet fis-​sema miegħi.’ (Luqa 22:​19, 20, 30) Dan kien ifisser li kellhom imorru fis-​sema biex ikunu slaten maʼ Ġesù. Allura dawk biss li għandhom it-​tama li jaħkmu maʼ Ġesù fis-​sema għandhom jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid.

Imma anki dawk li ma jiklux il-​ħobż jew jixorbu l-​inbid għandhom imorru għat-​Tifkira. Taf għala?— Għax Ġesù ta ħajtu għalina wkoll. Billi mmorru għat-​Tifkira, inkunu qed nuru li ma nsejniex. Aħna għadna niftakru fir-​rigal sabiħ ferm li tana Alla.

Fost l-​iskritturi li juru kemm hi importanti l-​fidwa taʼ Ġesù hemm l-​1 Korintin 5:7; Efesin 1:7; l-​1 Timotju 2:​5, 6; u l-​1 Pietru 1:​18, 19.