Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Jeħtieġu t-Tfal Mingħand il-Ġenituri

X’Jeħtieġu t-Tfal Mingħand il-Ġenituri

DAWK kollha li jsiru ġenituri jieħdu sehem fi ġrajja li l-​ebda bniedem ma jistaʼ jifhimha għalkollox. Kull ġenitur jagħti xi ħaġa minn ġismu. Bħala riżultat, ġewwa l-​omm tiżviluppa persuna ħajja u fformata kompletament. Mela mhux taʼ b’xejn li, meta titwieled tarbija, in-​nies jitkellmu dwar din il-​ġrajja bħala “l-​miraklu tat-​twelid.”

M’għandniex xi ngħidu, it-​twelid tat-​tfal huwa biss il-​bidu tar-​responsabbiltà li għandhom il-​ġenituri. Għall-​ewwel, it-​trabi jiddependu kważi għalkollox minn ħaddieħor, imma huma u jikbru, ikollhom bżonn affarijiet oħra minbarra attenzjoni fiżika. Għandhom bżonn l-​għajnuna biex jiżviluppaw b’mod mentali, emozzjonali, morali, u spiritwali.

Biex jiżviluppaw tajjeb, it-​tfal għandhom bżonn b’mod speċjali l-​imħabba tal-​ġenituri. Għalkemm huwa importanti li l-​ġenituri jgħidulhom bil-​kliem illi jħobbuhom, huma jridu juru dan bil-​fatti. Iva, it-​tfal għandhom bżonn eżempju tajjeb mingħand il-​ġenituri tagħhom. Jeħtieġu gwida morali, prinċipji fuqiex jgħixu. U dawn l-​affarijiet jeħtiġuhom minn ċkunithom. Jistgħu jiġru, u fil-​fatt jiġru, affarijiet taʼ qsim il-​qalb meta t-​tfal jingħataw l-​għajnuna meta jkun tard wisq.

L-aqwa prinċipji li wieħed jistaʼ qatt isib huma dawk li jinsabu fil-​Bibbja. It-​tagħlim ibbażat mill-​Bibbja fih vantaġġi uniċi. Bis-​saħħa taʼ tagħlim bħal dan, it-​tfal jibdew jirrealizzaw li dak li qed jintqalilhom m’huwiex x’qed jgħid sempliċi bniedem, imma huwa dak li qed jgħid il-​Ħallieq tagħhom, Missierhom tas-​sema. B’hekk il-​pariri li jingħataw ikollhom dik l-​awtorità unika.

Il-Bibbja tħeġġeġ lill-​ġenituri biex jistinkaw ħalli jdaħħlu prinċipji tajbin f’moħħ uliedhom. Madankollu, iktar ma t-​tfal jikbru, il-​ġenituri spiss isibuha diffiċli biex jitkellmu magħhom dwar l-​iktar affarijiet importanti. Dan il-​ktieb, Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, inkiteb bl-​iskop li ma jħallix tiżviluppa sitwazzjoni bħal din. Dan se jipprovdi materjal spiritwali biex il-​ġenituri u wliedhom jaqrawh flimkien. Imma iktar minn hekk, dan għandu jqanqal lit-​tfal żgħar biex jitkellmu maʼ dawk li jaqrawlhom dan il-​ktieb.

F’dan il-​ktieb se tinnota li t-​tfal huma mħeġġin jipparteċipaw. Fil-​kapitli nsibu ħafna mistoqsijiet addattati. X’ħin tasal għalihom se tara sinjal warajhom (—). Dan qiegħed biex ifakkrek tieqaf ftit u tħeġġeġ lit-​tfal jesprimu ruħhom. It-​tfal jieħdu pjaċir jipparteċipaw. Jekk ma jipparteċipawx, malajr jitilfu l-​interess.

Madankollu, l-​iktar ħaġa importanti hi li dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuk tiskopri x’għandhom f’moħħhom it-​tfal. Veru, it-​tfal jistgħu joħorġu bi tweġibiet żbaljati. Imma s-​sentenzi taʼ wara kull mistoqsija huma mfasslin biex jgħinu lit-​tfal jidraw jaħsbu u jirraġunaw b’mod tajjeb.

Aspett speċjali tal-​ktieb huwa l-​230 stampa u fuqhom li fih. Il-​biċċa l-​kbira minnhom fihom mistoqsija li tħeġġeġ lit-​tfal jesprimu ruħhom, skond ma jaraw u jkunu qraw. Allura ifli dawn l-​istampi mat-​tfal. Dawn jistgħu jkunu t’għajnuna kbira biex tenfasizza l-​affarijiet importanti li tkun trid tgħallimhom.

Meta t-​tfal jitgħallmu jaqraw, ħeġġiġhom jaqrawlek il-​ktieb kif ukoll jaqrawh waħedhom. Iktar ma jaqrawh, iktar se jdaħħlu f’moħħhom u f’qalbhom il-​pariri tajbin li fih. Imma biex issaħħaħ ir-​rabta t’affezzjoni u taʼ rispett bejnek u bejn uliedek, żgur li għandkom taqrawh flimkien, u tagħmlu hekk regolarment.

Illum it-​tfal faċilment jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn jidħol sess illeċitu, spiritiżmu, u prattiċi baxxi oħra li sa ftit snin ilu kważi ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li t-​tfal se jiltaqgħu magħhom. Għalhekk jeħtieġu l-​protezzjoni, u dan il-​ktieb jgħinek tipprovdiha bil-​ġieħ iżda mingħajr ma joqgħod idur mal-​lewża. Madankollu, it-​tfal jeħtieġu b’mod speċjali li jiġu murijin x’jgħid is-​Sors taʼ kull għerf, Missierna tas-​sema, Alla Ġeħova. Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, dejjem wera lin-​nies x’jgħid dan is-​Sors. Aħna nittamaw bis-​sinċerità kollha li dan il-​ktieb jgħin lilek u lill-​familja tiegħek tfasslu ħajjitkom b’mod li jogħġob lil Ġeħova, sabiex tirċievu barkiet għall-​eternità.