Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

MISTOQSIJA 2

Għala ninkwieta dwar kif nidher?

Għala ninkwieta dwar kif nidher?

GĦALA HU IMPORTANTI

Xi affarijiet huma iktar importanti minn dak li tara fil-​mera.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-​xena: Meta Julia tħares lejn il-​mera, hi tara lilha nfisha ħoxna. “Hemm bżonn li nonqos,” tgħid bejnha u bejn ruħha—minkejja li l-​ġenituri tagħha u sħabha jgħidulha li hi “niexfa għuda.”

Dan l-​aħħar, Julia bdiet taħseb dwar li tmur fl-​estrem biex tonqos biss ftit żgħira oħra. Kulma trid tagħmel hu li ma tiekol xejn għal ftit ġranet . . .

Jekk ġieli ħassejtek bħalma ħassitha Julia, int kieku x’tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

Il-​mod kif tħares lejk innifsek jistaʼ jkun bħal meta tħares lejn mera li turi kollox mgħawweġ

Ma fiha xejn ħażin li jkun jimpurtak dwar kif tidher. Infatti l-​Bibbja titkellem b’mod pożittiv fuq l-​apparenza fiżika taʼ diversi rġiel u nisa, inkluż Sara, Rakele, Abigajl, Ġużeppi, u David. Il-​Bibbja tgħid li mara jisimha Abisag kienet “sabiħa ferm.”—1 Slaten 1:4.

Madankollu, ħafna żgħażagħ huma ffissati dwar kif jidhru. Dan jistaʼ jwassal għal problemi serji. Aħseb dwar dan:

  • Fi stħarriġ wieħed, 58 fil-​mija tat-​tfajliet qalu li kellhom piż żejjed, meta fil-​fatt kien hemm biss 17 fil-​mija li kellhom piż żejjed.

  • Fi studju ieħor, 45 fil-​mija li fil-​fatt kienu jiżnu inqas milli suppost ħasbu li kienu ħoxnin wisq!

  • Hekk kif ipprovaw jonqsu, xi żgħażagħ spiċċaw vittma tal-​anoreksja—marda qerrieda konnessa mal-​ikel li twassal lil dak li jkun biex joqtol lilu nnifsu bil-ġuħ.

Jekk għandek xi sintomu tal-​anoreksja jew taʼ xi marda oħra konnessa mal-​ikel, fittex l-​għajnuna. Ibda billi tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew m’adult ieħor li tafda. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

L-​AQWA TITJIB LI TISTAʼ TAGĦMEL!

Fir-​realtà, hu dak li persuna tkun minn ġewwa li jagħmilha attraenti jew le. Aħseb dwar Absalom, bin is-​Sultan David. Il-​Bibbja tgħid:

“Ma kienx hemm raġel ieħor daqstant sabiħ u taʼ min ifaħħru. . . . Ma kien hemm ebda difett fih.”—2 Samwel 14:25.

Madankollu, dan iż-​żagħżugħ kien kburi, jippretendiha, u qarrieq! Għaldaqstant, il-​Bibbja ma tantx tagħti stampa tajba tiegħu; tiddeskrivih bħala raġel li kien żleali b’mod sfaċċat u li kellu mibegħda qattiela.

Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tagħtina dawn il-​pariri:

“Ilbsu l-​personalità l-​ġdida.”—Kolossin 3:10.

“Tħallux it-​tiżjin tagħkom ikun dak minn barra . . . , imma ħa jkun dak tal-​persuna minn ġewwa, fil-​qalb.”—1 Pietru 3:3, 4.

Filwaqt li m’hemm xejn ħażin imbilli tkun tixtieq tidher tajjeb, ħafna iktar importanti mid-​dehra tiegħek hi l-​personalità tiegħek. Fl-​aħħar mill-​aħħar, kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom se jagħmluk tidher isbaħ f’għajnejn ħaddieħor milli jkollok ġisem immuskolat jew figura sabiħa. “L-​ewwel ma tiekol l-​għajn hi s-​sbuħija,” tgħid żagħżugħa jisimha Phylicia, “imma l-​persuna li int minn ġewwa u l-​kwalitajiet mill-​aħjar tiegħek huma l-​affarijiet li ħaddieħor se jiftakar l-​iktar dwarek.”

ĦARSA LEJN KIF TIDHER

Tkun spiss imdejjaq bil-​mod kif tidher?

Ġieli għaddielek minn moħħok li tagħmel xi operazzjoni jew dieta estrema biex tirranġa xi difett fiżiku?

Kieku tistaʼ tbiddel xi ħaġa mid-​dehra tiegħek, xi tkun? (Agħżel kulma tbiddel.)

  • TUL

  • PIŻ

  • XAGĦAR

  • FIGURA

  • WIĊĊ

  • IL-​KULUR TAL-​ĠILDA

Jekk wiġibt iva għall-​ewwel żewġ mistoqsijiet u jekk għażilt tlieta jew iktar fit-​tielet mistoqsija, ikkunsidra dan: Wisq probabbli oħrajn ma jarawkx b’mod negattiv daqskemm int tara lilek innifsek. Hu faċli li tmur fl-​estrem u tinkwieta żżejjed dwar kif tidher.—1 Samwel 16:7.