MISTOQSIJA 9
Għandi nemmen fl-evoluzzjoni?
INT KIEKU X’TAGĦMEL?
Immaġina din ix-xena: Alex iħossu mħawwad. Minn dejjem emmen f’Alla u fil-ħolqien. Imma llum l-għalliem tiegħu tal-bijoloġija insista b’mod sod li l-evoluzzjoni hi fatt u li hi bbażata fuq riċerka xjentifika taʼ min joqgħod fuqha. Alex ma jridx jidher li hu xi wieħed taʼ wara l-muntanji. Hu jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Wara kollox, jekk ix-xjentisti sabu li l-evoluzzjoni hi vera, jien min jien biex immerihom?ʼ
Li kieku kont Alex, kont int taċċetta l-evoluzzjoni sempliċement għax il-kotba jgħidu li hi fatt?
IEQAF U AĦSEB!
Persuni miż-żewġ naħat tal-kwistjoni spiss ma joqogħdux jaħsbuha biex jgħidu dak li jemmnu mingħajr ma verament ikunu jafu għala jemmnu hekk.
-
Xi wħud jemmnu fil-ħolqien sempliċement għax hekk ġew mgħallmin il-knisja.
-
Xi wħud jemmnu fl-evoluzzjoni sempliċement għax hekk ġew mgħallmin l-iskola.
SITT MISTOQSIJIET LI GĦANDEK TAĦSEB FUQHOM
Il-Bibbja tgħid: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebrej 3:4) Huwa raġunevoli li temmen dan?
DAK LI JGĦIDU XI WĦUD: Dak kollu li hemm fl-univers beda jeżisti minħabba l-big bang (splużjoni enormi għal għarrieda).
1. Min jew xi kkaġuna l-big bang?
2. X’jagħmel l-iktar sens—li kollox ġie mix-xejn jew li kollox ġie minn xi ħadd?
DAK LI JGĦIDU XI WĦUD: Il-bnedmin ġew mill-annimali.
3. Jekk il-bnedmin ġew mill-annimali—pereżempju, mix-xadini—mela l-bnedmin għala huma ħafna iktar intelliġenti mix-xadini?
4. Għala saħansitra l-iktar ħlejjaq “sempliċi” huma tant kumplessi?
DAK LI JGĦIDU XI WĦUD: Hemm provi li l-evoluzzjoni hi fatt.
5. Il-persuna li qed tgħid hekk eżaminat l-evidenza hi stess?
6. Kemm hemm nies li jemmnu fl-evoluzzjoni sempliċement għax intqalilhom li n-nies intelliġenti kollha jemmnu fiha?
“Li kieku kont miexi ġo foresta u tara dar mill-isbaħ, se jgħaddilek minn moħħok li s-siġar inzertaw waqgħu b’tali mod li għamlu din id-dar? U żgur li le! Għax ma jagħmilx sens. Allura għala għandna nemmnu li dak kollu li hemm fl-univers beda jeżisti b’kumbinazzjoni?”—Julia.
“Immaġina li xi ħadd qallek li kien hemm splużjoni fi stamperija u li l-linka ttajret mal-ħitan u mas-soqfa u fformat dizzjunarju kbir u komplikat. Kieku int temmnu?”—Gwen.
GĦALA GĦANDEK TEMMEN F’ALLA?
Il-Bibbja tinkuraġġik biex tuża moħħok, ‘il-qawwa tar-raġuni tiegħek.’ (Rumani 12:1) Dan ifisser li t-twemmin tiegħek f’Alla m’għandux ikun ibbażat sempliċement fuq
-
L-EMOZZJONI (Sempliċement inħoss li bilfors li hemm xi qawwa iktar għolja)
-
L-INFLUWENZA T’OĦRAJN (Jien ngħix f’komunità reliġjuża)
-
IL-PRESSJONI (Il-ġenituri tiegħi rabbewni nemmen f’Alla —ma kellix għażla)
Minflok, għandu jkollok raġunijiet validi għat-twemmin tiegħek.
“Meta nkun waqt il-lezzjoni u nismaʼ l-għalliema tispjega kif jaħdem ġisimna, inkompli nikkonvinċi ruħi li Alla jeżisti. Kull parti tal-ġisem għandha x-xogħol tagħha, sal-iċken dettall, u dawn ix-xogħlijiet spiss isiru mingħajr ma lanqas nindunaw. Il-ġisem uman verament iġiblek għajnejk wara widnejk!”—Teresa.
“Meta nara xi skajskrejper, vapur, jew karozza, nistaqsi lili nnifsi, ‘Dan xogħol min hu?’ Pereżempju, hemm bżonn nies intelliġenti biex jagħmlu karozza għax hemm ħafna biċċiet żgħar li jridu jaħdmu b’mod preċiż biex il-karozza taħdem. U jekk il-karozzi jeħtieġu jiġu disinjati minn xi ħadd, mela l-istess aħna l-bnedmin.”—Richard.
“Iktar ma studjajt ix-xjenza, iktar stajt nara kemm l-evoluzzjoni mhix kredibbli. . . . Għalija, jirrikjedi iktar ‘fidi’ biex wieħed jemmen fl-evoluzzjoni milli biex jemmen f’Ħallieq.”—Anthony.
AĦSEB DWAR DAN
Minkejja għaxriet taʼ snin taʼ riċerka, ix-xjentisti għad iridu jsibu spjegazzjoni dwar l-evoluzzjoni li kollha jaqblu fuqha. Jekk ix-xjentisti ma jaqblux fuq l-evoluzzjoni—u huma suppost l-esperti—tkun qed tiżbalja jekk ikollok dubji dwar din it-teorija?