GĦIX BĦALA KRISTJAN
Mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk—Kif?
Immaġina li qed tgħix fil-Galilija fi żmien Ġesù. Int mort Ġerusalemm biex tiċċelebra l-Festa tal-Għerejjex. Il-belt hi mimlija b’nies li jridu jaqdu lil Alla u li ġew mill-bogħod ħafna. Trid toffri sagrifiċċju lil Ġeħova. Allura, b’mogħża miegħek tibda l-vjaġġ biex tmur fit-tempju. Biex tasal, ikollok tgħaddi mill-isqaqien tal-belt li huma mimlijin bin-nies. Meta tasal, it-tempju jkun ippakkjat b’nies oħra li wkoll jixtiequ joffru sagrifiċċju. Fl-aħħar, ikun imiss lilek biex tagħti l-mogħża lill-qassisin. F’dak il-mument, tiftakar li ħuk, li min jaf fejn qiegħed fil-folla jew fil-belt, għandu xi ħaġa kontrik. Ġesù jispjega x’għandek tagħmel. (Aqra Mattew 5:24.) Int u l-ħu li qed iħossu offiż, kif għandkom tfittxu l-paċi skont kif qal Ġesù? Fiż-żewġ listi t’hawn taħt, agħmel marka ħdejn it-tweġiba t-tajba.
INT GĦANDEK . . .
-
titkellem maʼ ħuk biss jekk taħseb li għandu għal xiex iħossu offiż
-
tipprova tikkoreġi l-ħsieb taʼ ħuk jekk taħseb li qed ikun sensittiv iżżejjed jew li għandu biċċa mit-tort
-
tismaʼ bil-paċenzja kollha hekk kif ħuk jesprimi lilu nnifsu, u anki jekk ma tifhimx għalkollox dak li qed jgħid, skuża ruħek b’mod sinċier għall-fatt li qed iħossu mweġġaʼ jew għall-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħek li ma kinux intenzjonati
ĦUK GĦANDU . . .
-
ifittex l-appoġġ t’oħrajn fil-kongregazzjoni billi jgħidilhom kif int inqastu
-
iċanfrek, jeżamina kull dettall tal-akkuża, u jitolbok biex tammetti l-ħtija
-
jirrikonoxxi l-umiltà u l-kuraġġ li kellek bżonn biex tavviċinah u għandu jaħfirlek mill-qalb
Għalkemm fil-qima tagħna m’għadniex nissagrifikaw l-annimali, Ġesù x’kien qed jgħallem dwar ir-rabta li hemm bejn li jkollok il-paċi maʼ ħuk u l-qima li jaċċetta Alla?