Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦIX BĦALA KRISTJAN

Kif ikollok iktar imħabba għal Alla u għall-proxxmu

Kif ikollok iktar imħabba għal Alla u għall-proxxmu

Għalkemm il-​Kristjani m’għadhomx taħt il-​Liġi Mosajka, l-​akbar żewġ kmandamenti tagħha—li nħobbu lil Alla u lill-​proxxmu tagħna—xorta juru fi ftit kliem dak li Ġeħova jeħtieġ minna. (Mt 22:37-39) Din l-​imħabba ma tintiritx. Irridu naħdmu għaliha. Kif? Mod importanti kif nagħmlu dan hu billi naqraw il-​Bibbja kuljum. Meta nikkunsidraw aspetti differenti tal-​personalità t’Alla kif jidhru fl-​Iskrittura, aħna naraw “is-​sbuħija taʼ Ġeħova.” (Sa 27:4) Minħabba f’hekk, l-​imħabba tagħna għalih tikber u l-​mod kif naħsbu jsir iktar bħal tiegħu. Dan se jqanqalna biex nobdu l-​kmandamenti t’Alla, inkluż il-​kmand li nuru mħabba li tkun lesta li tagħmel sagrifiċċji għal oħrajn. (Ġw 13:34, 35; 1Ġw 5:3) Hawnhekk se ssib tliet suġġerimenti kif tagħmel il-​qari tal-​Bibbja iktar pjaċevoli:

  • Uża l-​immaġinazzjoni u s-​sensi tiegħek. Immaġinak qiegħed hemm. Kieku x’tara, x’tismaʼ, u xi xxomm? Kif setgħu ħassewhom dawk involuti?

  • Uża metodi differenti. Hawnhekk għandek xi għażliet: Aqra b’leħen għoli jew segwi waqt li tismaʼ r-​rekording bl-​awdjo. Aqra dwar persunaġġ Bibliku jew suġġett partikulari minflok ma taqra l-​kapitli wara xulxin. Pereżempju, uża r-4 jew is-16-il taqsima taʼ Gwida għall-​Istudju tal-​Kelma t’Alla biex taqra dwar Ġesù. Aqra l-​kapitlu kollu minn fejn tkun meħuda l-​iskrittura tal-​jum. Aqra l-​kotba tal-​Bibbja bl-​ordni li nkitbu.

  • Aqra biex tifhem. Li taqra almenu kapitlu wieħed kuljum b’mod li jinftiehem u timmedita fuqu jkun ħafna aħjar milli taqra diversi kapitli sempliċement biex tgħid qrajthom. Ikkunsidra ċ-​ċirkustanzi. Analizza d-​dettalji. Uża l-​mapep u r-​referenzi marġinali. Fittex imqar punt wieħed li ma tkunx fhimt. Jekk ikun possibbli, qattaʼ l-​istess ammont taʼ ħin timmedita daqskemm tkun użajt biex qrajt.