GĦIX BĦALA KRISTJAN
Kunu Fiduċjużi li Se Nsalvaw Meta Din is-Sistema Tispiċċa
Dalwaqt, il-paċenzja li qed jieħu Ġeħova b’din id-dinja se tispiċċa. Ir-reliġjon falza se tinqered, grupp taʼ nazzjonijiet li jingħaqdu flimkien se jattakkaw lill-poplu t’Alla, u Ġeħova se jeqred lill-ħżiena f’Armageddon. Il-Kristjani jħarsu ’l quddiem għal dawn il-ġrajjiet eċitanti.
Bla dubju, aħna ma nafux id-dettalji kollha dwar it-tribulazzjoni l-kbira. Pereżempju, ma nafux eżatt meta se tibda. Ma nafux x’raġunijiet se jagħtu l-qawwiet politiċi biex jiġġustifikaw l-attakk tagħhom fuq ir-reliġjon. Ma nafux kemm se jdum l-attakk tan-nazzjonijiet fuq il-poplu t’Alla jew x’se jinkludi. Ukoll, ma nafux il-mezz preċiż li Ġeħova se juża biex jeqred lill-ħżiena f’Armageddon.
Madankollu, l-Iskrittura tagħtina l-informazzjoni kollha li għandna bżonn biex niffaċċjaw il-futur b’fiduċja u b’kuraġġ. Pereżempju, aħna nafu li qed ngħixu fl-aħħar tal-“aħħar jiem.” (2Ti 3:1) Aħna nafu li l-attakk fuq ir-reliġjon se ʼjitqassarʼ biex ir-reliġjon vera ma tinqeridx. (Mt 24:22) Aħna nafu li Ġeħova se jsalva lill-poplu tiegħu. (2Pt 2:9) U nafu li l-Wieħed li Ġeħova għażel biex jeqred lill-ħżiena u jsalva lill-folla l-kbira minn Armageddon hu ġust u b’saħħtu.—Ri 19:11, 15, 16.
Il-ġrajjiet futuri żgur li se jġiegħlu lin-nies “iħosshom ħażin bil-biżaʼ.” Però, billi naqraw u nimmeditaw fuq atti taʼ salvazzjoni li għamel Ġeħova fil-passat u fuq dak li rrivela dwar il-futur, aħna nistgħu ‘nqumu dritti u ngħollu rasna ’l fuq,’ fiduċjużi li s-salvazzjoni tagħna hi qrib.—Lq 21:26, 28.