SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI
Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja tmermir
IT-THEDDIDA: Il-papiru u l-parċmina kienu l-ewwel żewġ materjali użati biex fuqhom inkitbet u ġiet ikkopjata l-Bibbja. * (2 Timotju 4:13) Dawn il-materjali kif poġġew f’periklu l-eżistenza tal-Bibbja?
Il-papiru faċilment jitqattaʼ, jitlef il-kulur, u jiddgħajjef. “Folja tistaʼ eventwalment titmermer u tiġi fi ftit fibri u qabda trab,” jgħidu żewġ studjużi tal-antikità Eġizzjana, Richard Parkinson u Stephen Quirke. “Meta jkun maħżun, romblu jistaʼ jrabbi l-moffa jew jitmermer bl-umdità u jistaʼ jittiekel minn annimali u insetti gerriema, partikularment min-nemel abjad, meta jitpoġġa taħt l-art.” Xi papiri, wara li ġew skoperti, ġew esposti għal dawl qawwi jew umdità, u dan żied id-deterjorazzjoni tagħhom.
Il-parċmina sservi iktar mill-papiru, imma anke din tistaʼ titfarrak jekk ma tiġix trattata tajjeb jew tiġi esposta għal temperaturi estremi, umdità, jew dawl. * Il-parċmina hija wkoll fil-mira tal-insetti. B’hekk, rigward dokumenti antiki, il-ktieb Everyday Writing in the Graeco-Roman East jgħid: “Li jibqgħu jeżistu hija l-eċċezzjoni minflok ir-regola.” Kieku l-Bibbja tmermret b’dan il-mod, il-messaġġ tagħha kien jispiċċa magħha.
KIF IL-BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: Il-liġi Lhudija obbligat lil kull sultan biex “jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-liġi għalih innifsu,” l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. (Dewteronomju 17:18) Iktar minn hekk, kopisti professjonali tant ipproduċew manuskritti li sal-ewwel seklu wara Kristu (WK), l-Iskrittura setgħet tinstab fis-sinagogi fl-Iżrael kollu u saħansitra fil-Maċedonja mbiegħda! (Luqa 4:16, 17; Atti 17:11) Xi manuskritti antiki ħafna kif baqgħu jeżistu sal-lum?
“Il-Lhud kienu magħrufin għal li jpoġġu l-iskrolli bil-kitba tal-Iskrittura f’reċipjenti jew ġarar sabiex jippreservawhom,” jgħid studjuż tat-Testment il-Ġdid, Philip W. Comfort. Milli jidher, il-Kristjani komplew b’din it-tradizzjoni. B’hekk, xi manuskritti bikrin tal-Bibbja nstabu f’ġarar tal-fuħħar, kif ukoll fi kmamar żgħar mudlama u għerien u f’reġjuni eċċezzjonalment nexfin.
IR-RIŻULTAT: Eluf taʼ partijiet minn manuskritti Bibliċi—uħud minnhom għandhom iktar minn 2,000 sena—għadhom jeżistu sal-lum. L-ebda kitba oħra tal-qedem m’għandha daqstant manuskritti minn daqshekk żmien ilu.
^ par. 3 Il-papiru hu materjal li ssir kitba fuqu, magħmul minn pjanta bl-istess isem li tikber fl-ilma jew ħdejh. Il-parċmina hi magħmula mill-ġlud tal-annimali.
^ par. 5 Pereżempju, il-kopja ffirmata uffiċjali tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti kienet miktuba fuq il-parċmina. Issa, inqas minn 250 sena wara,tant iċċarat li bilkemm setgħet tinqara.