IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
Waqajt ħafna drabi qabel ma rnexxieli
-
SENA TAT-TWELID: 1953
-
POST TAT-TWELID: L-AWSTRALJA
-
PASSAT: BIL-VIZZJU TAL-PORNOGRAFIJA
IL-PASSAT TIEGĦI:
Missieri emigra lejn l-Awstralja mill-Ġermanja fl-1949. Hu mar ifittex xogħol fl-industriji tal-minjieri u tal-enerġija elettrika u ssetilja fl-inħawi taʼ Victoria. Hemmhekk hu żżewweġ lil ommi, u jien twelidt fl-1953.
Ftit snin biss wara, ommi bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, u għalhekk it-tagħlim tal-Bibbja fforma parti mill-ewwel memorji taʼ ħajti. Madankollu, missieri ma kien tolleranti lejn ebda reliġjon. Hu sar vjolenti u tal-biżaʼ u ommi kienet imwerwra minnu. Hi baqgħet tistudja bil-moħbi u saret tħobb it-tagħlim tal-Bibbja. Meta missieri kien joħroġ, hi kienet taqsam dak li tgħallmet miegħi u m’oħti. Hi qaltilna dwar ġenna tal-art fil-futur u kif nistgħu nkunu ferħanin jekk insegwu l-livelli taʼ kondotta li hemm fil-Bibbja.—Salm 37:10, 29; Isaija 48:17.
Meta kelli 18-il sena, ħassejt li bilfors kelli nitlaq mid-dar minħabba l-vjolenza taʼ missieri. Għalkemm emmint dak li għallmitni ommi mill-Bibbja, ma apprezzajtx il-valur tagħha. Allura ma għextx skont il-livelli tagħha. Bdejt naħdem bħala elektrixin fil-minjieri tal-faħam. Meta kelli 20 sena, iżżewwiġt. L-ewwel tifla li kellna twieldet tliet snin wara, u rġajt ikkunsidrajt dak li kien importanti f’ħajti. Kont naf li l-Bibbja setgħet tgħin lill-familja tagħna, u għalhekk bdejt nistudja l-Bibbja maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma marti kienet ħafna kontra x-Xhieda. Meta mort waħda mil-laqgħat tagħhom, hi tatni ultimatum—jew nieqaf nistudja l-Bibbja jew inħalli l-familja. Peress li ħassejt li ma stajt nagħmel xejn, ċedejt għat-talbiet tagħha u ma bqajtx fil-kuntatt max-Xhieda. Iktar tard iddispjaċieni li nqast li napplika dak li kont naf li kien sew.
Darba minnhom, sħabi tax-xogħol ħajruni għall-pornografija. Kienet taffaxxinani u tqażżiżni fl-istess ħin, u ħallietni maħkum bil-ħtija. Bdejt niftakar dak li tgħallimt mill-Bibbja, u verament emmint li Alla kien se jikkastigani. Imma iktar ma ġejt espost għal stampi oxxeni, iktar l-attitudni tiegħi lejn il-pornografija nbidlet. Maż-żmien, saret vizzju.
Matul l-għoxrin sena taʼ wara, tbegħedt iktar u iktar mit-tagħlim li pprovat tagħtini ommi. L-imġiba tiegħi rriflettiet
dak li kont indaħħal ġo moħħi. Diskorsi kien baxx u kien jogħġobni ċajt maħmuġ. Żviluppajt ħarsa mgħawġa lejn is-sess. Għalkemm kont għadni ngħix maʼ marti, kont involut maʼ nisa oħra. Darba waħda ħarist lejn il-mera u għedt, “Nistmerrek.” Ir-rispett li kelli lejja nnifsi nbidel f’mibegħda lejja nnifsi.Iż-żwieġ tiegħi spiċċa, u ħajti kienet diżastru. Imbagħad, jien tlabt lil Ġeħova bil-qalb kollha. Erġajt bdejt nistudja l-Bibbja, għalkemm kienu għaddew għoxrin sena. Sa dak iż-żmien missieri laħaq miet, u ommi tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Kien hemm baħar jaqsam bejn il-mod taʼ ħajja li kelli u l-livelli għoljin tal-Bibbja. Imma din id-darba kont determinat li nikseb il-paċi tal-moħħ li twiegħed il-Bibbja. Iddeċidejt li naqtaʼ l-kliem ħażin u nikkalma t-tempra tiegħi. Iddeċidejt ukoll li ma nibqax ngħix ħajja immorali, nieqaf mil-logħob tal-ażżard, naqtaʼ x-xorb żejjed, u ma nibqax nisraq mingħand l-imgħallem tiegħi.
Sħabi tax-xogħol ma setgħux jifhmu għaliex ridt nagħmel bidliet daqshekk drastiċi. Għal tliet snin, huma l-ħin kollu qagħdu jipprovokawni biex nerġaʼ naqaʼ għal li kont. Jekk kont niżbalja f’xi ħaġa żgħira, bħal pereżempju nirrabja jew ngħid kelma ħażina, kienu jifirħu u jgħajtu: “Aħa! Hemm hu l-Joe li nafu aħna.” Kemm weġġagħni dan il-kliem! Spiss ħassejtni fallut.
Il-post fejn kont naħdem kien invażat bil-pornografija, kemm elettronika u kemm printjata. Sħabi tax-xogħol kontinwament kienu jibagħtuli stampi oxxeni bil-kompjuters tagħhom, bħalma għamilt jien qabel. Ipprovajt negħleb il-vizzju, imma dehru determinati li jfixkluni f’kull pass li nagħmel. Għedt b’dan kollu lill-persuna li kont nistudja l-Bibbja miegħu biex jappoġġjani u jinkuraġġini. Hu kien joqgħod jismagħni bil-paċenzja jien u niftaħ qalbi miegħu. Waqt li uża versi speċifiċi mill-Bibbja, hu wrieni kif niffaċċja l-vizzju tiegħi, u inkuraġġieni nfittex l-għajnuna taʼ Ġeħova permezz taʼ talb persistenti.—Salm 119:37.
Jum minnhom, laqqajt lil sħabi tax-xogħol. Meta nġbarna flimkien, għedtilhom jagħtu birra lil żewġt irġiel minnhom. Dawn kienu jgħidu huma stess li kienu alkoħoliċi. Sħabi pprotestaw u qalu: “Ma tistax tagħmel hekk! Dawn l-irġiel qed jitħabtu maʼ vizzju!” Jien wiġibt: “Iva, anki jien.” Minn dakinhar ʼil quddiem dawk l-irġiel fehmu xi ġlieda kelli kontra l-vizzju tal-pornografija u ma baqgħux jagħmluli pressjoni biex nerġaʼ ngħix bħal qabel.
Maż-żmien, u b’ħafna għajnuna mingħand Ġeħova, irbaħt il-vizzju tal-pornografija. Fl-1999, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ferħan li ngħatajt ċans ieħor biex ngħix ħajja ferħana u deċenti.
Issa nifhem għala Ġeħova jobgħod l-affarijiet li kont ilni nħobb. Bħala Missier kollu mħabba, hu ried jipproteġini mill-ħsara li tikkawża l-pornografija. Kemm hu veru l-kliem taʼ Proverbji 3:5, 6! Din is-silta tgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” Il-livelli tal-Bibbja ma kinux biss taʼ protezzjoni, imma fl-aħħar mill-aħħar kienu garanzija taʼ suċċess.—Salm 1:1-3.
KIF IBBENEFIKAJT:
Fil-passat, ħassejtni diżgustat bija nnifsi, imma issa għandi rispett lejja nnifsi u paċi ġewwinija. Ngħix ħajja nadifa u nħoss li Ġeħova ħafirli u appoġġjani. Fl-2000 iżżewwiġt lil Karolin, oħt Kristjana sabiħa li tħobb lil Ġeħova daqsi. Darna hi kenn taʼ paċi. Inħossuna verament privileġġjati li nagħmlu parti minn fratellanza Kristjana nadifa u kollha mħabba mifruxa madwar id-dinja.