Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | JISTAʼ JKOLLOK IL-PAĊI FIL-FAMILJA

Kif twaqqaf il-ġlied fil-familja

Kif twaqqaf il-ġlied fil-familja

XI NGĦIDU jekk il-familja tiegħek tidher qisha qiegħda f’ċiklu kontinwu taʼ ġlied? Forsi t-tilwim sar iktar spiss u iżjed intens. Forsi lanqas biss taf kif beda n-nuqqas taʼ qbil. Madankollu, tħobbu lil xulxin u ma tridux tweġġgħu lil xulxin.

Hu importanti tiftakar li differenzi fl-opinjonijiet mhux bilfors ifissru li l-ħajja tal-familja tiegħek qed titkisser. Kif tittratta n-nuqqas taʼ qbil, u mhux in-nuqqas taʼ qbil innifsu, jiddetermina kemm se jkun paċifiku jew ostili l-ambjent fid-dar tiegħek. Ikkunsidra xi passi li jistgħu jgħinu biex jiġi eliminat il-ġlied.

1. IEQAF IRRITALJA.

Biex targumenta, bilfors li jrid ikun hemm mill-inqas tnejn min-nies, imma meta persuna waħda tibda tismaʼ minflok titkellem, argument jaħraq jistaʼ jibda jibred. Għalhekk, iġġieled it-tendenza li tirritalja meta tiġi pprovokat. Żomm ir-rispett tiegħek lejk innifsek u d-dinjità tiegħek billi tikkontrolla lilek innifsek. Ftakar, il-paċi fil-familja hi iżjed importanti milli jintrebħu l-argumenti.

“Fejn m’hemmx ħatab in-nar jintefa, u fejn m’hemmx min jimmalafama l-ġlied jieqaf.”Proverbji 26:20.

2. AĊĊETTA S-SENTIMENTI TAL-FAMILJARI TIEGĦEK.

Li tismaʼ b’attenzjoni u b’empatija mingħajr ma tinterrompi jew mingħajr ma tkun preġudikat jgħin ħafna biex tittaffa r-rabja u jerġaʼ jkun hemm il-paċi. Minflok ma taħseb ħażin f’dak li jkun, aċċetta s-sentimenti tiegħu. Tirraġunax li xi ħaġa li setgħet ġrat minħabba l-imperfezzjoni saret b’intenzjoni ħażina. Kliem li jweġġaʼ jistaʼ jirriżulta minn nuqqas taʼ ħsieb jew qalb muġugħa, mhux neċessarjament minn spirtu kattiv jew vendikattiv.

“Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul.”Kolossin 3:12.

3. AGĦTI ĊANS BIEX TIKKALMA.

Jekk l-emozzjonijiet tiegħek jinbidlu f’daqqa, jistaʼ jkun għaqli li tiskuża ruħek bil-pulit u warrab biex tikkalma. Forsi tistaʼ tmur f’kamra oħra jew tmur mixja sakemm tkun erġajt ikkontrollajt l-emozzjonijiet tiegħek. Dan ma jfissirx li tkun qed tittratieni, li ma tkunx qed tikkoopera, jew li tkun qed tipprova tiżloq mis-sitwazzjoni, lanqas ma jfisser li tkun qed tirrifjuta li titkellem. Pjuttost, dan hu forsi ħin tajjeb biex titlob lil Alla għall-paċenzja, id-dehen, u l-fehma.

“Qabel ma tfaqqaʼ t-tilwima, warrab.”Proverbji 17:14.

4. QIS SEW X’HEMM BŻONN JINGĦAD U KIF GĦANDU JINGĦAD.

Ma ttejjibx is-sitwazzjoni jekk tiffoka l-isforzi tiegħek fuq li tipprova ssib risposta li tweġġaʼ lill-persuna l-oħra. Minflok, ipprova għid xi ħaġa li tistaʼ tgħin biex ittaffi s-sentimenti mweġġgħin tal-maħbub jew maħbuba tiegħek. U iktar milli tiddetta kif taħseb li għandu jħossu hu jew hi, bl-umiltà staqsi biex jiġu ċċarati l-affarijiet u esprimi ringrazzjament għal kwalunkwe għajnuna jew dehen li tirċievi.

“Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-għorrief hu fejqan.”Proverbji 12:18.

5. ŻOMM LEĦNEK BAXX U TON LI JURI LI INT LEST IŻŻOMM IL-PAĊI.

In-nuqqas taʼ paċenzja taʼ membru wieħed tal-familja jistaʼ faċilment jirrabja lil ieħor. Iġġieled it-tendenza li tuża s-sarkażmu jew li tinsulta jew li tgħolli leħnek, tħossok kemm tħossok offiż. Evita li tuża akkużi li jweġġgħu, bħal “Int ma jimpurtakx minni” jew “Int qatt ma tismaʼ.” Pjuttost, b’manjiera kalma, għid lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ kif l-aġir tiegħu jew tagħha effettwa lilek (“Inħossni mweġġaʼ meta int . . . ”). Imbottar, daqqiet taʼ ħarta, daqqiet taʼ sieq, jew kwalunkwe forma oħra taʼ vjolenza qatt mhi aċċettabbli. L-istess japplika għat-tgħajjir, kummenti bla rispett, jew theddid.

“Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.”Efesin 4:31.

6. KUN PRONT ITLOB MAĦFRA U SPJEGA X’SE TAGĦMEL BIEX TIRRANĠA S-SITWAZZJONI.

Tħallix emozzjonijiet negattivi jġegħluk titlef il-mira ewlenija tiegħek—li tagħmel paċi. Ftakar, jekk tiġġieled maʼ xi ħadd, it-tnejn li intom titilfu. Jekk tagħmel paċi, it-tnejn li intom tirbħu. Mela kun responsabbli għal dak li tgħid fit-tilwima. Anki jekk int konvint li m’għamilt xejn ħażin, xorta tistaʼ titlob maħfra talli irritajt ruħek, talli wiġibt kif wiġibt, jew talli bla ħsieb ġegħelt lill-persuna l-oħra tieħu għaliha. Li jkollkom il-paċi bejnietkom hu ħafna iżjed importanti milli tgħaddi tiegħek u li tirbaħ. U jekk xi ħadd jitlob maħfra mingħandek, kun pront biex taħfer.

“Ħa niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi u l-affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”Rumani 14:19.

Meta l-argument ikun għadda, x’tistaʼ tagħmel biex tħabrek għall-paċi fil-familja? Dan hu s-suġġett tal-artiklu li jmiss.