Ħarsa Lejn id-Dinja
Ħarsa Lejn id-Dinja
Il-Britanniċi u r-Rikreazzjoni
Fl-1999, għall-ewwel darba, persuna medja fil-Britannja nefqet iktar flus fuq affarijiet u servizzi relatati mar-rikreazzjoni milli fuq “l-ikel, id-dar jew kwalunkwe ħaġa oħra li titħallas mill-paga taʼ kull ġimgħa tal-familja,” tirrapporta l-gazzetta Times taʼ Londra. Fl-1968, 9 fil-mija biss mill-infiq totali tal-familja kien imur għar-rikreazzjoni, meta mqabbel maʼ 17 fil-mija llum il-ġurnata. Martin Hayward, konsulent għall-konsumatur, jgħid: “Minħabba li lkoll kemm aħna issa sirna sinjuri ħafna iktar milli konna, ngħidu aħna, 30 sena ilu, ħafna xiri relatat mar-rikreazzjoni li xi darba setaʼ kien jitqies bħala lussu issa jitqies minn ħafna nies bħala bżonn bażiku. Il-biċċa l-kbira tan-nies issa jħarsu lejn vaganza bħala ‘bżonn’ u mhux bħala ‘xewqa.’ Xi nies saħansitra jħossu li tliet vaganzi fis-sena huma bżonn bażiku.” Il-familji issa qed jonfqu erbaʼ darbiet iktar milli kienu jonfqu fl-1968 fuq apparat tal-vidjo u awdjo, televixins, u kompjuters. Fil-fatt, familja minn kull 10 għandha l-Internet, u familja minn kull tlieta għandha kompjuter.
Il-Films Versus il-Knisja
“Għall-adolexxenti, films bħalma huma Terminator 2, Titanic u Star Wars joffru esperjenzi reliġjużi profondi iktar milli joffru knejjes tradizzjonali,” tirrapporta l-gazzetta taʼ Londra, The Independent. Dr. Lynn Clark, miċ-ċentru taʼ riċerka dwar il-mezzi tax-xandir, fl-Università taʼ Colorado, staqsiet lil 200 żagħżugħ u żagħżugħa liema film jixbah l-iktar lit-twemmin reliġjuż tagħhom. Ħafna minnhom semmew il-film Terminator 2, li juri battalja bejn it-tajjeb u l-ħażin, bl-attur prinċipali li jivvjaġġa lura fiż-żmien biex isalva tifel li hu bħal Messija. Waqt konferenza f’Edinburgh, l-Iskozja, Dr. Clark ikkonkludiet: “Iż-żgħażagħ issa qed iduru għal Darth Vader u s-serje X Files bħala sorsi biex jgħinuhom isibu tarf taʼ mistoqsijiet dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja. Is-serje X Files tolqothom għax din teżamina l-idea globali taʼ xi qawwa mhix magħrufa li qed tikkontrolla l-univers. Tqajjem il-kwistjoni dwar l-eżistenza t’affarijiet li x-xjenza ma tistax tispjegahom. Din hija mistoqsija reliġjuża, imma mistoqsija li r-reliġjon ma tistax issib tarfha.”
Il-Qoton Jikber fuq in-Nagħaġ?
Skond stħarriġ reċenti li ġie inkarigat mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ, “50 fil-mija tat-tfal taʼ l-UE [Unjoni Ewropea] ma jafux minfejn jiġi z-zokkor, tliet kwarti minnhom . . . ma jafux minfejn jiġi l-qoton, u iktar minn kwart jemmnu li dan jikber fuq in-nagħaġ.” Flimkien maʼ dan, 25 fil-mija taʼ tfal li għandhom disaʼ u għaxar snin fil-Britannja u fl-Olanda jemmnu li l-larinġ u ż-żebbuġ jikbru f’pajjiżhom. Il-post fejn it-tfal jaraw l-iktar prodotti agrikoli m’huwiex ir-razzett, imma s-supermarkit, u l-biċċa l-kbira taʼ l-affarijiet dwar l-agrikultura jitgħallmuhom fl-iskola. Dawn jistgħu jkunu xi ftit mir-raġunijiet għala llum ħafna tfal Ewropej m’għadhomx jitħajru jsiru bdiewa meta jikbru. “Bħala medja,” jgħid il-kunsill, “10 fil-mija biss tat-tfal taʼ l-UE ‘jixtiequ ħafna’ li jsiru bdiewa fil-futur.”
It-Tipjip Iqassar il-Ħajja
“Kull sigarett li jpejjep bniedem inaqqaslu 11-il minuta minn ħajtu,” jirrapporta l-bullettin University of California Berkeley Wellness Letter. Skond riċerkaturi fl-Università taʼ Bristol, l-Ingilterra, dan ifisser li jekk bniedem ipejjep pakkett sigaretti, ħajtu tonqoslu b’ġurnata u nofs, u jekk f’sena jpejjep pakkett kuljum, ħajtu tonqoslu bi kważi xahrejn. Ix-xjenzati waslu għal dawn il-kalkoli wara li qabblu t-tul mistenni taʼ ħajjet l-irġiel li jpejpu maʼ dak taʼ rġiel li ma jpejpux. Ir-riċerkaturi kkummentaw: “Dan juri l-prezz għoli li jġorr miegħu t-tipjip b’tali mod li jifhmu kulħadd.”
Nies li Jieklu Żżejjed Daqskemm Hawn Nies li Ma Jiklux Biżżejjed
“L-għadd taʼ nies fid-dinja li għandhom piż żejjed qed iħabbatha maʼ l-għadd taʼ nies li huma bil-ġuħ u li ma jiklux biżżejjed,” tinnota The New York Times, fil-kummenti dwar studju mill-Istitut Worldwatch. Maʼ l-1.2 elf miljun ruħ jinsabu bil-ġuħ u ma jiklux biżżejjed, u issa hawn daqstant nies, jekk mhux iktar, li qed jieklu żżejjed. Mad-dinja kollha iktar nies minn qatt qabel jinsabu malnutriti, u l-għadd taʼ dawk li ma jiklux biżżejjed u taʼ dawk li jieklu żżejjed qiegħed jiżdied fis-soċjetajiet kollha. Lester R. Brown, il-president taʼ Worldwatch, tkellem dwar iż-żjieda fin-nies b’piż żejjed u qal: “Aħna ħloqna mod taʼ ħajja fejn il-livell t’attività fiżika tagħna tant niżel li l-ammont taʼ kaloriji li nieħdu huwa ħafna iktar mill-ammont taʼ kaloriji li naħarqu, u dawn il-kaloriji żejda jirriżultaw f’xaħam.” Hu kompla jgħid li s-sena l-oħra, fl-Istati Uniti saru 400,000 operazzjoni biex jitneħħa x-xaħam żejjed u wera kif dan juri li m’għadx baqaʼ bilanċ.
L-Amerikani Huma l-Iktar Nies li Jrabbu Annimali d-Dar
Mill-500 miljun annimal miżmum fid-dar madwar id-dinja kollha, madwar 40 fil-mija minnhom jinsabu fl-Istati Uniti. Ir-rivista National Geographic tirrapporta: “Kważi 60 fil-mija tad-djar fil-pajjiż jinkludu mill-inqas
annimal wieħed minn 70 miljun qattus, 56 miljun kelb, 40 miljun għasfur, 100 miljun ħuta, 13-il miljun ħamster u mammiferi żgħar oħrajn, u 8 miljun rettil.” Il-Britannja tiġi t-tieni mill-pajjiżi li jrabbu l-annimali d-dar. F’dan il-każ, il-biċċa l-kbira taʼ l-annimali huma klieb u qtates. Madankollu, ir-rivista tkompli tgħid li fi Franza, l-għadd taʼ ħut li jinżamm fid-dar huwa taʼ 21 miljun, iktar mill-klieb u l-qtates miġburin flimkien.Il-Qorti Suprema fil-Ġappun Taqtaʼ Sentenza Favur Xhud
Il-Qorti Suprema fil-Ġappun waslet għal deċiżjoni li “kirurgi kisru d-dritt taʼ waħda mara li tieħu deċiżjoni persunali meta tawha trasfużjoni tad-demm waqt operazzjoni, u b’hekk kisru l-wegħda li ma kinux se jagħmlu dan anki jekk kien ifisser li hi se tmut,” tgħid il-gazzetta Daily Yomiuri. “Kienet l-ewwel darba li l-Qorti Suprema ddeċidiet li d-dritt taʼ pazjent li jieħu deċiżjonijiet rigward il-kura tiegħu huwa dritt uman.” Misae Takeda, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, ngħatat it-trasfużjoni fl-1992, waqt li kienet għadha taħt il-loppju wara li saritilha operazzjoni biex jitneħħa tumur qerriedi fil-fwied. L-erbaʼ mħallfin tal-Qorti Suprema ddeċidew unanimament li t-tobba kienu ħatjin peress li naqsu li jispjegawlha li setgħu jagħtuha trasfużjoni tad-demm jekk jinqalaʼ l-bżonn waqt l-operazzjoni. B’hekk huma ċaħduha mid-dritt li tiddeċiedi jekk tridx taċċetta li tagħmel l-operazzjoni jew le. Id-deċiżjoni tal-qorti tad-29 taʼ Frar, 2000, kienet tgħid: “Meta pazjent jirrifjuta li jieħu trasfużjoni minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu, xewqa bħal din trid tiġi rispettata.” Il-qraba taʼ Misae komplew bil-kawża wara li Misae mietet fl-1997.—Għad-dettalji, jekk jogħġbok ara The Watchtower tal-15 taʼ Diċembru, 1998, paġni 26-9.
Benefiċċju Ieħor mill-Ħalib taʼ l-Omm
“Minbarra li jipprovdi lit-tarbija tiegħek b’[sustanzi] protettivi għal kontra d-dijarea, infezzjonijiet fil-widnejn, u allerġiji, il-ħalib tas-sider jistaʼ wkoll jevita l-kanċer,” tgħid ir-rivista Parents. Minn studju li sar miċ-Ċentru għall-Kanċer fl-Università taʼ Minnesota, sabu li trabi li jingħataw il-ħalib taʼ l-omm għandhom inqas ċans li jiżviluppaw il-lewkimja—l-iktar għamla komuni taʼ kanċer fit-tfulija—minn trabi li jingħataw il-ħalib tat-trab. Dawk li ngħataw il-ħalib taʼ l-omm għal mill-inqas xahar urew tnaqqis mir-riskju taʼ 21 fil-mija. Dan it-tnaqqis żdied għal 30 fil-mija fil-każ taʼ trabi li ngħataw il-ħalib tas-sider għal sitt xhur jew iktar.
Oqgħod Attent Kif Taħsel Snienek
Rapport f’The Wall Street Journal jgħid li għandu mnejn li meta naħslu snienna, nagħfsu żżejjed. Kif ikompli juri r-rapport, il-problema hi li meta nogħrku snienna żżejjed noborxuhom, u b’hekk nispiċċaw bi snien sensittivi, mard fil-ħanek, u partijiet mittiekla ħdejn l-għerq tas-sinna. Huwa stmat li minn 10 sa 20 fil-mija tan-nies fl-Istati Uniti “għamlu ħsara lil snienhom jew lill-ħanek minħabba għorik żejjed.” L-iktar uħud f’riskju huma dawk li jaħslu snienhom bil-qawwi u dawk li jużaw braxx tas-snien iebsa. “Huma jispiċċaw jagħmlu iktar deni milli ġid biex mingħalihom jagħmlu biċċa xogħol sew,” jgħid id-dentist Milan SeGall. Xi wħud huma ġenetikament iktar suġġetti għal din il-problema minħabba li jitwieldu b’inqas għadam madwar snienhom. Nies oħrajn li jistaʼ jkollhom din il-problema huma dawk li xi darba ddrittaw jew ċaqilqu snienhom permezz t’apparat apposta u dawk li jgħażżu snienhom jew jagħfsuhom maʼ xulxin. Biex tiġi evitata l-ħsara, l-esperti jirrakkomandaw dan li ġej: Uża braxx tas-snien ratba. L-ewwel ogħrok is-snien taʼ wara, peress li għall-ewwel anki braxx ratba tkun xi ftit iebsa u t-toothpaste ikun jobrox iktar. Aqbad il-braxx bil-mod u bi ftit swabaʼ minflok bil-ponn. Żomm il-braxx f’angolu taʼ 45 grad, u ogħrok bil-mod f’għamla taʼ ċirku ovali minflok ma togħrok bħal serrieq minn naħa għal oħra.
Il-Membri tal-Kleru Jkomplu Jonqsu
In-“nuqqas taʼ membri tal-kleru” nfirex mill-inħawi rurali għal ġol-bliet il-kbar fl-Istati Uniti, tgħid The New York Times. L-artiklu semma l-eżempju taʼ sinagoga li ilha mwaqqfa 110 snin u li ilha iktar minn tliet snin tipprova ssib rabbi imma għadha ma rnexxilhiex. L-artiklu kompla jgħid: “Id-dilemma tat-tempju m’hijiex xi ħaġa rari. M’humiex is-sinagogi biss li qed isibuha iktar diffiċli biex iħaddmu membri tal-kleru, imma hemm ukoll il-knejjes Kattoliċi Rumani u Protestanti.” Il-kappillani tal-parroċċi naqsu bi 12 fil-mija mill-1992 sa l-1997. Kelliemi għall-Knisja Episkopali jsejjaħ is-sitwazzjoni li jinsabu fiha huma bħala gravi, peress li mill-15,000 membru tal-kleru li għandhom, hemm inqas minn 300 li twieldu wara l-1964. Iktar minn 22 fil-mija tal-kongregazzjonijiet tal-Ġudaiżmu Riformat m’għandhomx rabbi full-time. Sa ħames snin ilu, kien hemm iktar rabbini milli sinagogi. Xi membri tal-kleru jsostnu li dan in-nuqqas huwa tort taʼ “ekonomija qawwija” fejn in-nies “jinġibdu lejn oqsma li jrendu iktar flus.” Oħrajn jgħidu li x-xogħol tal-ministeru m’għadux iħajjar nies bħal qabel. Ir-Rabbi Sheldon Zimmerman, president tal-Hebrew Union College, iwissi: “Jekk b’xi mod m’aħniex se nżidu l-għadd taʼ nies li jagħżlu l-professjoni reliġjuża, fl-aħħar mill-aħħar dan se jkun diżastru għar-reliġjonijiet organizzati.”