Borra Storbjuża
Borra Storbjuża
IX-XJENZATI skoprew li meta tinżel il-borra fuq l-ilma, kull farka borra tagħmel ħoss—ħoss li ma jinstemax mill-bnedmin. Dan il-ħoss jilħaq quċċata—bħas-sirena taʼ karozza tal-pompiera li riesqa fil-qrib—u mbagħad jintilef fix-xejn. Dan kollu jseħħ f’madwar 0.0001 taʼ sekonda.
Taqtira tax-xita jew silġa jibqgħu għaddejjin mill-wiċċ taʼ l-ilma, imma farka borra hija eħfef u tibqaʼ tistrieħ fil-wiċċ. Però, din ma ddumx ma tinħall, u tibda sseħħ “it-twerżiqa” li semmejna qabel. Dan ġie notat madwar 15-il sena ilu, imma ħadd ma kompla jinvestiga l-biċċa. Madankollu, fi snin iktar reċenti, bijoloġi fl-Alaska sabu li dan l-istorbju sar taʼ xkiel għalihom x’ħin jiġu biex jużaw is-sonar ħalli jsibu s-salamun waqt il-passa tiegħu. Meta l-ħoss tal-borra nieżla li jkun hemm fl-isfond jaħbi s-sinjali li jkunu ġejjin mill-ħut, il-bijoloġi jkollhom iwaqqfu l-eżerċizzju. X’iwassal għal dan il-fenomenu?
Ir-rivista New Scientist tispjega li x’ħin il-farka tal-borra tgħum f’wiċċ l-ilma, ftit ikun hemm ħsejjes taħt. Imma malli l-borra tibda tinħall, l-ilma jibda tielaʼ ’l fuq permezz taʼ l-azzjoni kapillari, jiġifieri meta likwidu u oġġett solidu jiltaqgħu flimkien. Jistaʼ jkun li f’dak il-ħin xi bżieżaq taʼ l-arja joħorġu mill-borra jew inkella jinqabdu taħt l-ilma li jibda tielaʼ. Kull bużżieqa tivvibra hi u tipprova ssib bilanċ maʼ l-affarijiet taʼ madwarha. X’ħin tagħmel hekk, il-bużżieqa tibgħat mewġ taʼ ħsejjes, bħal daqq taʼ qanpiena, imma b’ton ħafna ogħla minn hekk.
[Sors tal-istampa f’paġna 31]
Snow Crystals/Dover