Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana

Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana

Inżommu l-​Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana

KIF RAKKONTAT MINN MICHAEL DASEVICH

“Fil-​Ġermanja nisparawlhom lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Qed taraha dik l-​ixkubetta?” staqsieni l-​uffiċjal tal-​Gestapo hekk kif ipponta lejn xkubetta li kien hemm fil-​kantuniera. “Nistaʼ ninfdek bil-​bajjunetta u ma nħoss l-​ebda rimors.”

Kelli 15-il sena biss meta ġejt mhedded b’dan il-​mod fiż-​żmien li n-​Nazisti kienu qed jokkupaw il-​pajjiż tiegħi fl-​1942.

TWELIDT f’Novembru taʼ l-​1926 f’raħal żgħir ħdejn Stanislav (issa msejjaħ Ivano-Frankivs’k), li f’dak iż-​żmien kien jagħmel parti mill-​Polonja. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, minn Settembru 1939 sa Mejju 1945, l-​inħawi tagħna kienu l-​ewwel okkupati mill-​Unjoni Sovjetika, imbagħad għal xi żmien mill-​Ġermanja, u fl-​aħħar mis-​Sovjeti għal darb’oħra. Wara l-​gwerra dawn l-​inħawi saru parti mir-​Repubblika Soċjalista Sovjetika Ukranjana, u meta l-​Unjoni Sovjetika ma baqgħetx teżisti fl-​1991, saru parti mill-​Ukraina.

Missieri, li kien Pollakk, u ommi, li kienet Belorussa, kienu membri tal-​Knisja Kattolika Griega. Imma mbagħad, fl-​1939, żewġ nisa tawna l-​ktejjeb Universal War Near. Dawn kienu jagħmlu parti minn kongregazzjoni taʼ 30 Xhud taʼ Jehovah fir-​raħal taʼ Horyhliady fil-​qrib. Il-​ktejjeb li tawna kien jiddeskrivi ġrajjiet li kont qed narahom b’għajnejja stess. Għalhekk, meta l-​ktejjeb qajjem il-​mistoqsija, “X’inhi r-​raġuni vera għala l-​ġnus għandhom din l-​għaġla kollha biex jiggwerraw?” jien qgħadt attent ħafna għall-​ispjegazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li ta.

Il-gwerra ma kinitx l-​unika problema li kienet teżisti fl-​Ukraina. Kien hemm ġuħ kbir. L-​ideat tal-​Prim Ministru Sovjetiku Joseph Stalin wasslu biex ħafna nies ikollhom jiġu deportati bilfors lejn ir-​Russja. It-​tbatija li rajt ġagħlitni neżamina l-​Bibbja bir-​reqqa. Għalhekk tlabt lil wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Horyhliady biex jistudja l-​Bibbja miegħi.

Ir-raħal tagħna taʼ Odajiv jinsab in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Dniester faċċata taʼ Horyhliady, u għal diversi ġranet fil-​ġimgħa, kont naqbad dgħajsa żgħira biex naqsam għan-​naħa l-​oħra tax-​xmara ħalli mmur għall-​istudji tiegħi tal-​Bibbja. F’Awissu taʼ l-​1941, jien u oħti Anna tgħammidna f’dik ix-​xmara flimkien maʼ tnejn oħra.

Interrogati mill-​Gestapo

Il-​Ġermanja ħadet il-​kontroll taʼ l-​inħawi tagħna fl-​1941, u minkejja li dejjem konna mheddin li se niġu kastigati, qatt ma waqafna mill-​ministeru Kristjan tagħna. Is-​sena taʼ wara sirt pijunier, u kont nuża r-​rota. Kien ftit wara li kelli nħabbat wiċċi mal-​Gestapo Ġermaniż kif semmejt fil-​bidu. Li ġara kien dan.

Darba minnhom kont sejjer lura d-​dar mis-​servizz, u għaddejt s’għand tnejn minn sħabi Kristjani, l-​omm u l-​bint. Ir-​raġel tal-​bint kien jopponi ħafna għat-​twemmin tagħna u kellu ġenn sħiħ biex jiskopri minfejn martu kienet iġġib il-​letteratura Biblika. Dakinhar, fuqi mhux biss kelli xi letteratura imma wkoll xi rapporti rigward il-​ministeru taʼ sħabi Kristjani. Ir-​raġel rani ħiereġ mid-​dar.

“Ieqaf!” għajjat b’leħen għoli. Jien ħtaft il-​basket tiegħi u tlaqt niġri.

“Ieqaf! Ja ħalliel!” werżaq hu. Il-​ħaddiema li kien hemm fl-​għalqa ħasbuni li kont sraqt xi ħaġa, u spiċċaw biex waqqfuni. Ir-​raġel ħadni fl-​għassa tal-​pulizija, fejn kien hemm uffiċjal tal-​Gestapo.

Malli ra l-​letteratura li kelli fil-​basket, l-​uffiċjal ħanxar bil-​Ġermaniż: “Rutherford! Rutherford!” Ma kellix bżonn taʼ traduttur biex ninduna għaliex kien irrabjat daqshekk. L-​isem taʼ Joseph F. Rutherford, li kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, kien jidher fil-​paġna li kien fiha isem l-​awturi tal-​kotba pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ir-​raġel imbagħad akkużani li kelli xi relazzjoni maʼ martu. Il-​pulizija u l-​uffiċjal tal-​Gestapo setgħu jaraw li dan kien bla sens, peress li l-​mara kellha żmien biżżejjed biex tkun ommi. Imbagħad bdew ifajruli l-​mistoqsijiet.

Riedu jkunu jafu min kont u minfejn kont ġej, u b’mod speċjali minfejn kont ġibt il-​kotba. Imma ma ridtx ngħidilhom. Tawni xi erbaʼ daqqiet u bdew jiddieħqu bija, u mbagħad qafluni f’kantina. Fit-​tlett ijiem taʼ wara komplew jinterrogawni. Imbagħad ħaduni fl-​uffiċċju taʼ l-​uffiċjal tal-​Gestapo, fejn hu heddidni li kien se jinfidni bil-​bajjunetta. Għal ftit tal-​ħin ma kontx naf jekk kienx se jagħmel dak li kien qed jheddidni bih. Baxxejt rasi, u kien hemm mument taʼ silenzju li ħassejtu twil ħafna. Imbagħad f’daqqa waħda qalli: “Tistaʼ tmur.”

Kif tistgħu taraw, l-​ippridkar f’dak iż-​żmien kien taʼ sfida kbira għalina, imma anki biex nagħmlu l-​laqgħat kien diffiċli. Iċċelebrajna l-​Mafkar taʼ kull sena tal-​mewt taʼ Kristu fid-​19 t’April, 1943, u wżajna żewġ kmamar taʼ dar f’Horyhliady. (Luqa 22:19) Meta konna se nibdew il-​laqgħa tagħna, xi ħadd għajjat li l-​pulizija kienet riesqa lejn id-​dar fejn konna. Xi wħud minna nħbejna fil-​ġnien, imma oħti Anna u tliet nisa oħra niżlu fil-​kantina. Il-​pulizija sabithom u kaxkrithom ’il barra waħda wara l-​oħra biex tinterrogahom. Damu sigħat sħaħ jiġu trattati ħażin, u waħda minnhom weġġgħet gravi.

Bidla fis-​Sitwazzjoni Dinjija

Fis-​sajf taʼ l-​1944, il-​Ġermaniżi rtiraw u s-​Sovjeti ġew lura fl-​inħawi tagħna. Bħala qaddejja taʼ Jehovah, aħna bqajna nżommu maʼ l-​istess prinċipji Bibliċi li konna ngħixu fuqhom taħt in-​Nazisti. Ma ridna li jkollna l-​ebda sehem f’attività militari jew politika. Il-​lealtà tagħna lejn dawn il-​prinċipji Bibliċi ma damitx wisq ma ġiet testjata.—Isaija 2:4; Mattew 26:52; Ġwann 17:14.

Fi ftit jiem, is-​Sovjeti bdew jieħdu liż-​żgħażagħ kollha għas-​servizz militari. Biex tgħaxxaqha, is-​Sovjeti ma kinux l-​uniċi wħud li kienu qed ifittxu n-​nies għal magħhom. Il-​partiġjani Ukranjani fittxew f’dawk l-​inħawi għal irġiel żgħażagħ, u kienu jiħduhom fil-​foresti biex iħarrġuhom bħala ġellieda. B’hekk, bħala Xhieda aħna konna ninsabu f’sitwazzjoni diffiċli fejn ridna nuru n-​newtralità tagħna lil żewġ partiti kontra xulxin—is-​Sovjeti u l-​partiġjani.

Dawn iż-​żewġ gruppi ħabtu għal xulxin eżatt fir-​raħal tagħna, u ħallew żewġ partiġjani maqtulin fit-​triq ħdejn id-​dar tagħna. L-​awtoritajiet Sovjetiċi ġew għandna biex jitkixxfu jekk konniex nafu lill-​mejtin. L-​uffiċjali li ġew iddeċidew li jiħduni magħhom u jdaħħluni fl-​armata tagħhom, li kienet qed tifforma riġment taʼ suldati Pollakki. Peress li kelli demm Pollakk, suppost kelli nidħol fiha.

Jien u erbaʼ Xhieda oħra ma ridniex nidħlu fl-​armata, u għalhekk ħaduna bil-​ferrovija għal Dnipropetrovs’k, belt li kienet madwar 700 kilometru ’l bogħod lejn il-​lvant. Hemmhekk spjegajna li ma stajniex naqdu fil-​militar minħabba l-​konvinzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja. Imbagħad żammewna taħt arrest sakemm kienu qed jitħejjew l-​akkużi kontrina. Meta deherna fil-​qorti, sirna nafu li l-​investigatur taċ-​ċivil kien Lhudi. L-​investigatur semagħha b’attenzjoni d-​difiża tagħna, fejn fiha aħna spjegajna x’konna nemmnu. Semmejna affarijiet li konna nafu li kienu se jinteressawh, inkluż il-​ħakma ħarxa li kienu taħtha l-​Iżraelin u l-​ħelsien tagħhom mill-​Eġittu permezz taʼ Mosè.

Il-qorti ħadet xi xhur biex taqtaʼ s-​sentenza tagħna. Sadattant qegħduna f’ċella li kien fiha 25 ħabsi ieħor. Meta semgħu li aħna ma ridnix nidħlu fl-​armata, huma qalu: “Intom ħutna!” Madankollu, ftit wara skoprejna li ma kinux Xhieda imma Battisti. Huma kienu lesti li jidħlu fl-​armata, imma ġew arrestati meta ma ridux jaqbdu l-​armi.

Darba minnhom f’Mejju taʼ l-​1945, waqt li konna għadna taħt arrest f’Dnipropetrovs’k, qomna f’nofs taʼ lejl minħabba xi sparaturi u għajat li kienu ġejjin mill-​kwartieri tas-​suldati u mit-​toroq fuq barra. Ma konniex nafu jekk kinitx xi ġlieda, xi gwerra, jew inkella xi festa. L-​għada fil-​għodu smajna l-​aħbar mill-​barbier: Il-​gwerra kienet spiċċat! Ftit wara l-​qorti ħabbret is-​sentenzi tagħna. L-​istess sentenza ngħatat kemm lill-​Battisti u kemm lilna—għaxar snin f’kampijiet tal-​priġunieri.

Kamp tal-​Priġunieri fir-​Russja

Il-​ħames Xhieda li konna ntbgħatna f’kamp tal-​priġunieri fir-​Russja. Wara vjaġġ taʼ ġimagħtejn bil-​ferrovija, fl-​aħħar inżilna f’Sukhobezvodnoje, xi 400 kilometru lejn il-​lvant taʼ Moska. Sukhobezvodnoje kien iċ-​ċentru amministrattiv taʼ 32 kamp tax-​xogħol li kienu mxerrdin tul il-​linja tal-​ferrovija. Kull kamp kien fih eluf taʼ priġunieri. Wara sitt xhur f’Sukhobezvodnoje, intbgħatt f’Kamp Nru. 18. Il-​biċċa l-​kbira tal-​priġunieri t’hemmhekk kienu kriminali jew nies li ħaduha kontra xi partit politiku.

L-awtoritajiet qabbduna naqtgħu s-​siġar, li kienet biċċa xogħol vera diffiċli. Xi kultant kien ikollna ngħaddu minn ġol-​borra li kienet tasal sa qaddna, imbagħad naqtgħu s-​siġar b’serrieq taʼ l-​idejn, u wara nkaxkruhom warajna minn ġol-​borra. Darba fil-​ġimgħa, wara l-​kolazzjon tal-​Ħadd, kien ikolli l-​opportunità li niddiskuti xi ħaġa Biblika maʼ l-​erbaʼ Xhieda l-​oħra fil-​kamp. Dawn kienu l-​laqgħat tagħna. Iċċelebrajna wkoll il-​Mafkar, u sena minnhom użajna l-​post fejn konna ninħaslu biex nagħmlu dan. Użajna l-​meraq tat-​tut għax ma kellniex inbid biex nużawh bħala emblema għad-​demm taʼ Ġesù.

Tant kont inħoss li konna maqtugħin għalina li kważi ma kontx niflaħ nissaporti. Kont niftaħ qalbi maʼ Jehovah, li kien isaħħaħni bħalma kien saħħaħ lil Elija meta dan il-​profeta kien iħossu mifni b’sentimenti bħal dawn ukoll. (1 Slaten 19:14, 18) Alla għenni nara li ma konniex waħedna. Hu kien għalija pilastru stabbli u sod f’ħajti, anki f’dawk iċ-​ċirkustanzi diffiċli.

Fil-kampijiet l-​oħrajn ħdejn Sukhobezvodnoje kien hemm xi Xhieda f’kull wieħed minnhom, u stajna nikkuntattjaw lil xulxin minn żmien għal żmien permezz taʼ Xhud li minħabba xogħlu setaʼ jżur il-​kampijiet kollha. Kien iservi taʼ messaġġier għalina, billi kien idaħħal u joħroġ il-​letteratura mill-​kampijiet baxx baxx. Hekk stajna naqsmu flimkien il-​ftit letteratura li kellna. Kemm kien inkuraġġanti għalina dan!

Lura Lejn l-​Ukraina

Permezz t’amnestija mħabbra mill-​Istat, is-​sentenza tiegħi tnaqqset minn għaxar snin għal ħamsa. Għaldaqstant, f’April taʼ l-​1950, jien mort lura lejn il-​kongregazzjoni taʼ pajjiżi f’Horyhliady. Ix-​xogħol tagħna fl-​Ukraina kien għadu projbit, u min kien jieħu sehem fil-​ministeru kien jiffaċċja riskji kbar. Imma l-​barkiet kienu kbar ukoll.

Ftit wara li wasalt, tkellimt maʼ raġel kunjomu Kozak, li kien jgħix f’Zhabokruky, raħal xi 20 kilometru ’l bogħod mid-​dar. Staqsejtu kif kienu sejrin hu u l-​familja tiegħu. Kont naf li l-​ħaddiema fl-​irziezet kienu inkwetati kif se jlaħħqu mal-​ħajja. Allura kont naf li b’din il-​mistoqsija kien se jirnexxili naqbad konversazzjoni. Spjegajtlu li l-​Bibbja bassret li fi żmienna kellu jkun hawn gwerer u nuqqas taʼ ikel. (Mattew 24:3-14) Hu ried ikun jaf iżjed. Għalhekk erġajt mort narah. Ġimgħa wara ġimgħa kont nimxi xi 40 kilometru lejn Zhabokruky u lura biex nistudja l-​Bibbja mal-​familja Kozak. Meta l-​familja Kozak tgħammdet f’Awissu taʼ l-​1950, insejt ir-​riskji li kont ħadt u l-​ħin kollu li kont iddedikajt għalihom.

Lanqas laħqu tgħammdu l-​membri tal-​familja Kozak li ma ttiħdux fl-​eżilju flimkien m’eluf taʼ Xhieda oħra. Is-​suldati armati ġabruhom f’daqqa waħda fil-​bidu t’April taʼ l-​1951 u ħaduhom lejn is-​Siberja, mingħajr ma nfetħitilhom xi kawża l-​qorti. Il-​familja Kozak u ħafna mill-​ħbieb l-​oħra tiegħi kellhom jibdew jgħixu hemmhekk bilfors. *

Mill-​15-il familja li kien hemm f’Horyhliady, 4 biss ġew deportati. Madankollu, f’kongregazzjonijiet oħrajn kien hemm ħafna iktar familji taʼ Xhieda li ġew deportati. Dawn id-​deportazzjonijiet bil-​massa kif kienu organizzati? Fil-​fatt, l-​awtoritajiet kellhom listi sħaħ bl-​ismijiet tax-​Xhieda u b’hekk setgħu jiġimgħu għadd kbir minnhom skond kif jogħġobhom. Milli jidher, il-​lista saret fl-​1950, meta jien kont għadni l-​ħabs fir-​Russja, u għalhekk ismi ma kienx imniżżel. Xahar qabel, f’Marzu taʼ l-​1951, kont iżżewwiġt lil Fenia, qaddejja leali taʼ Jehovah. Il-​membri tal-​familja taʼ Fenia kollha kienu ntbagħtu fl-​eżilju. Imma hi ġralha bħali għax billi kienet miżżewġa lili, kellha l-​istess kunjom tiegħi u għalhekk ma kinitx fil-​lista.

Provi Diffiċli tal-​Fidi

Wara dawn id-​deportazzjonijiet, dawk li kien għad fadal kellhom jorganizzaw ix-​xogħol mill-​ġdid. Talbuni nieħu ħsieb il-​kongregazzjonijiet fir-​reġjun taʼ Ivano-Frankivs’k li kien fil-​qrib. Hawnhekk, saħansitra wara li l-​aħwa ġew deportati kien għad baqaʼ madwar 30 Xhud f’kull waħda mill-​15-il kongregazzjoni. Peress li kont naħdem għal rasi bħala mastrudaxxa, kelli skeda flessibbli. B’hekk, darba fix-​xahar kont niltaqaʼ bil-​moħbi maʼ l-​aħwa rġiel minn kull kongregazzjoni.

Ħafna drabi konna niltaqgħu f’ċimiterju fejn konna nkunu ċerti li ninsabu waħedna. Il-​kwistjoni prinċipali li konna nitħaddtu dwarha kienet kif se nkunu ċerti li l-​kongregazzjonijiet kollha jkollhom xi letteratura Biblika. Minn żmien għal żmien konna nirċievu rivista tat-​Torri taʼ l-​Għassa li tkun għadha kemm ħarġet bil-​Pollakk jew bir-​Rumen u mbagħad nittraduċuha bl-​Ukranjan. Madankollu, l-​awtoritajiet kienu dejjem jiġru warajna, u jipprovaw isibu u jeqirdulna l-​magni qodma li konna nużaw biex nikkopjaw ir-​rivisti.

Imma l-​akbar problema kienet li konna maqtugħin mill-​kumplament taʼ ħutna Kristjani f’pajjiżi oħrajn, inkluż dawk fi Brooklyn, New York, li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fl-​attività Kristjana. Il-​konsegwenza kienet li fil-​kongregazzjonijiet tagħna taʼ spiss kien ikun hemm l-​inkwiet minħabba l-​frid, xi għajdut, u konfoffi minn taħt. Xi Xhieda ħallew l-​organizzazzjoni u għaqqdu gruppi li jopponu. Saħansitra kienu jaqilgħu ħrejjef negattivi dwar dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fi Brooklyn.

B’hekk, ħafna minna sibna li l-​iktar provi ibsin tal-​fidi ma kinux jiġu minn persekuzzjoni minn dawk li jopponuna imma minn inkwiet ġewwa l-​kongregazzjoni. Għalkemm xi wħud għażlu li ma jibqgħux jaqdu magħna, aħna tgħallimna kemm kien vitali li nżommu sod maʼ l-​organizzazzjoni u nistennew lil Jehovah biex jirranġa l-​affarijiet. B’ferħ, il-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda fl-​inħawi tagħna hekk għamlu. Jien ferħan ukoll li ħafna minn dawk li telqu mill-​organizzazzjoni għarfu l-​iżball tagħhom u iktar tard ġew lura biex jaqdu lil Jehovah magħna.

F’dawk iż-​żminijiet diffiċli li konna maqtugħin għalina, aħna bqajna għaddejjin b’ħafna xogħol fil-​ministeru pubbliku u ġejna mberkin ferm. U kemm-il premju kellna! Issa kulmeta mmur għall-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni, jien niftakar fil-​barkiet mingħand Jehovah. Kull wieħed mill-​20 membru jew iktar li hemm fil-​grupp tagħna taʼ l-​istudju tal-​ktieb tgħallem il-​verità permezz taʼ l-​għajnuna mingħand membri tal-​familja tiegħi.

Il-ġenituri tiegħi u oħti Anna mietu lkoll, u baqgħu leali lejn Jehovah. Fenia u jien għadna naqdu lil Jehovah b’mod attiv kemm jistaʼ jkun. Iż-​żmien tar malajr. Matul dawn l-​aħħar 30 sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ukraina esperjenzaw ġrajjiet eċċitanti li ma nistax nispjegahom hawn fi ftit kliem. Imma jien inħossni kuntent meta nħares lura u naħseb dwar is-​snin li qattajt fis-​servizz għal Jehovah, u naf ċert li hu se jibqaʼ jkun pilastru sod li jappoġġani, għax hu stess jgħid: “Jien, il-​Mulej, ma tbiddiltx.”—Malakija 3:6.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 32 Ara l-​artikli “Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista,” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1999, paġni 24-9, u “Exiled in Siberia!,” fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 t’April, 1999, paġni 20-5.

[Kumment f’paġna 21]

Riedu jkunu jafu min kontu minfejn kont ġej, u b’mod speċjali minfejn kont ġibt il-​kotba. Imma ma ridtx ngħidilhom

[Kumment f’paġna 22]

Tant kont inħoss li konna maqtugħin għalina li kważi ma kontx niflaħ nissaporti. Kont niftaħ qalbi maʼ Jehovah, li kien isaħħaħni

[Stampa f’paġna 20]

Jien u Fenia fl-​1952

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ Fenia llum