Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Univers Tagħna Tant taʼ L-Għaġeb—Ġie Dan b’Kumbinazzjoni?

L-Univers Tagħna Tant taʼ L-Għaġeb—Ġie Dan b’Kumbinazzjoni?

L-​Univers Tagħna Tant taʼ L-​Għaġeb—Ġie Dan b’Kumbinazzjoni?

HEMM min jgħid: ‘Iva, l-​univers tagħna ġie b’kumbinazzjoni.’ Oħrajn ma jaqblux, speċjalment jekk ikunu reliġjużi. U hemm oħrajn li m’humiex ċerti. Xi ngħidu għalik?

Temmen x’temmen, bla dubju int taqbel li l-​univers tagħna huwa verament taʼ l-​għaġeb. Ikkunsidra l-​galassji. Ġie stmat li hemm madwar 100 elf miljun galassja fl-​univers li nistgħu naraw. Kull waħda fiha minn inqas minn 1,000,000,000 għal iktar minn 1,000,000,000,000 stilla.

Il-biċċa l-​kbira tal-​galassji jinġabru f’għenieqed, jew gruppi, u kull għanqud ikun fih minn xi tużżana galassji sa eluf taʼ galassji. Per eżempju, il-​galassja taʼ ħdejna, l-​Andromeda, ġiet deskritta bħala t-​tewmija tal-​galassja tagħna, it-​Triq tal-​Ħalib. Dawn iż-​żewġ sistemi kbar taʼ stilel huma marbutin flimkien permezz tal-​gravità. Flimkien maʼ xi galassji oħrajn fil-​viċin, huma jagħmlu parti minn għanqud.

L-univers fih għadd kbir ferm t’għenieqed taʼ galassji. Xi għenieqed minnhom jintrabtu m’għenieqed oħrajn permezz tal-​gravità, u jifformaw għenieqed ġganti. Imma mbagħad minn hemm ’il quddiem il-​gravità ma jibqax ikollha effett minn għanqud ġgant għal għanqud ġgant ieħor. Ix-​xjenzati anzi qed isibu li dawn l-​għenieqed ġganti qed jimxu ’l bogħod minn xulxin. Fi kliem ieħor, l-​univers qed jespandi. Din l-​iskoperta affaxxinanti tissuġġerixxi li kien hemm bidu meta l-​univers kien iżgħar u inqas miftuħ. Taʼ spiss, ħafna jirreferu għat-​twelid taʼ l-​univers bħala l-​big bang.

Xi xjenzati jiddubitaw bis-​serjetà jekk il-​bniedem għadx xi darba jirnexxilu jsib kif beda l-​univers. Oħrajn joħorġu b’ideat kif l-​univers tagħna setaʼ beda jeżisti mingħajr xi ħaġa jew xi ħadd intelliġenti li kkaġuna dan kollu. Ir-​rivista Scientific American, fil-​ħarġa taʼ Jannar 1999, iddiskutiet is-​suġġett “Kif Beda l-​Univers?” Xi wħud mit-​teoriji tax-​xjenzati diġà nstabu li m’humiex sodisfaċenti. Ir-​rivista tgħid: “Sfortunatament, jistaʼ jkun diffiċli ferm . . . għall-​astronomi li jittestjaw kwalunkwe waħda minn dawn l-​ideat.”

Biex wieħed jaċċetta l-​idea li l-​univers ġie b’kumbinazzjoni, irid jemmen f’“inċidenti fortunati” jew “koinċidenzi,” kif isejħulhom ix-​xjenzati. Per eżempju, l-​univers huwa magħmul minn għadd kbir taʼ l-​iktar żewġ atomi sempliċi—l-​idroġenu u l-​ħeljum. Però, il-​ħajja mhux biss għandha bżonn l-​idroġenu, imma wkoll għadd kbir t’atomi iktar komplikati, speċjalment il-​karbonju u l-​ossiġnu. Kien hemm żmien meta x-​xjenzati ma kinux jafu minfejn jiġu dawn l-​atomi prezzjużi.

Huwa b’kumbinazzjoni li l-atomi komplikati, illi huma bżonnjużi għall-​ħajja, isiru ġewwa ċerti stilel ġganti? U huwa biss b’kumbinazzjoni li xi wħud minn dawn l-​istilel ġganti jisplodu bħala supernovas, u b’hekk jobżqu l-​atomi rari u prezzjużi li jkunu maħżunin fihom? Sir Fred Hoyle, li kien involut f’dawn l-​iskoperti, qal li jemmen li kull xjenzat li jeżamina l-​evidenza jasal għall-​konklużjoni li l-​liġijiet tal-​fiżika nukleari ġew disinjati bi skop.

Allura, ejja niflu mill-​qrib il-​materjal li huwa magħmul minnu l-​univers tagħna.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]

IT-​TEORIJA TAʼ L-​INFLAZZJONI

Xi xjenzati jemmnu li ċerti karatteristiċi taʼ l-​univers fiż-​żmien tal-​bidu, bħal ngħidu aħna r-​rata preċiża li kien jespandi biha, jistgħu jiġu spjegati mingħajr il-​bżonn li wieħed jemmen f’xi ħaġa jew xi ħadd intelliġenti li kkaġuna dan kollu. Huma jsaħħu l-​argument tagħhom permezz taʼ teorija, jew teoriji, imsejħa inflazzjoni. Madankollu, din it-​teorija dwar univers li jespandi ma tittrattax is-​suġġett taʼ minfejn oriġina dan l-​univers. Biex wieħed jemmen f’din it-​teorija, irid jemmen li kien hemm xi ħaġa li kienet teżisti qabel u li b’kumbinazzjoni l-​univers twieled minnha.

Skond it-​teorija taʼ l-​inflazzjoni, l-​univers kien iċken minn atomu u f’inqas minn sekonda kiber u sar akbar mill-​galassja tagħna. Jintqal li minn dak il-​mument ’il quddiem, l-​univers kompla jespandi b’rata normali u inqas mgħaġġla. Illum, il-​parti viżibbli taʼ l-​univers hija kunsidrata bħala nitfa minn univers li hu akbar. Dawk li joħorġu bit-​teoriji taʼ l-​inflazzjoni jsostnu li huwa biss b’kumbinazzjoni li l-​univers viżibbli jidher organizzat f’kull direzzjoni. Huma jgħidu li l-​parti akbar taʼ l-​univers, li ma tidhirx, għandha mnejn hi differenti, u mħawda wkoll. L-​astrofiżiku Geoffrey Burbidge jgħid li l-​inflazzjoni ma tistax taraha biex tkun tistaʼ tittestjaha. Issa qed jitfaċċa raġunar ġdid minħabba l-​evidenza li qed tinkixef minn dak li jistaʼ jidher. Fil-​fatt, dan ma jaqbilx mat-​teorija taʼ l-​inflazzjoni. Issa sabu li kieku t-​teorija kienet vera, teorikament din kienet tkun teħtieġ xi forza ġdida li taħdem kontra l-​gravità. Ix-​xjenzat Howard Georgi mill-​Università taʼ Harvard, iddeskriva l-​inflazzjoni bħala “xorta taʼ ħrafa xjentifika meraviljuża, li hija għall-​inqas tajba daqs kwalunkwe ħrafa oħra li qatt smajt dwar il-​ħolqien.”

[Stampa f’paġna 3]

Kważi kull oġġett li jidher f’dan ir-​ritratt meħud mit-​Teleskopju Hubble Space huwa galassja

[Sors]

Paġni 3 u 4 (sfokati): Robert Williams and the Hubble Deep Field Team (STScI) and NASA

[Stampi f’paġna 4]

Il-​liġijiet tal-​fiżika nukleari ġew disinjati bi skop.

—Sir Fred Hoyle, flimkien mas-​supernova 1987A

[Sorsi]

Dr. Christopher Burrows, ESA/STScI and NASA

Ritratt bil-​korteżija taʼ N. C. Wickramasinghe