Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Riċetta Antika tat-​Toothpaste mill-​Eġittu

“L-​iktar riċetta antika li nafu biha tat-​toothpaste, li kienet tintuża iktar minn 1,500 sena qabel ma Colgate beda jirreklama l-​ewwel ditta [tat-toothpaste] fl-​1873, instabet fuq biċċa papiru kollha trab fil-​kantina taʼ mużew fi Vjenna,” jirrapporta l-​Electronic Telegraph. “Miktuba b’linka sewda ċċarata magħmula mill-​ġmied u l-​gomma arabika mħallta bl-​ilma, skrib mill-​Eġittu tal-​qedem iddeskriva bir-​reqqa dak li hu sejjaħlu ‘trab għal snien bojod u perfetti.’ Meta titħallat mal-​bżieq fil-​ħalq, din issir ‘taħlita nadifa għas-​snien.’” Id-​dokument tar-​rabaʼ seklu E.K. għandu lista taʼ ingredjenti bħall-​melħ tal-​blat, in-​nagħniegħ, il-​fjura mnixxfa taʼ l-​iris, u l-​bżar iswed—kollha mitħuna u mħalltin flimkien. L-​iskoperta ġibdet ħafna interess f’kungress tad-​dentisti li sar fi Vjenna. “Ħadd minn dawk kollha li huma fil-​professjoni tad-​dentisti ma kien jaf li kienet teżisti riċetta antika tat-​toothpaste avanzata daqshekk,” qal id-​dentist Heinz Neuman, li pprovaha u li “ħass ħalqu frisk u nadif.” L-​artiklu jistqarr: “Id-​dentisti dan l-​aħħar skoprew il-​benefiċċji taʼ l-​iris, li nstabet effettiva kontra l-​mard fil-​ħanek u li issa reġgħet tinsab fis-​suq.”

Il-​Frott Idum Iktar Tajjeb għall-​Ikel

“Il-​ħażna tiegħek tal-​frott dalwaqt tistaʼ tibda ddum iktar biex teħżien—dan minħabba sustanza li ġiet imħabbra bħala waħda mill-​partijiet taʼ l-​inbid aħmar li tagħti s-​saħħa,” tirrapporta New Scientist. “Jekk tbill it-​tuffieħ f’sustanza taʼ trans-resveratrol, anti-ossidant li jinsab fl-​għeneb, se ttawwal iż-​żmien li jdum tajjeb minn ħmistax għal tliet xhur. Meta l-​għeneb ġie mbill fl-​istess sustanza, ma kellux l-​istess riżultati, imma xorta dam tajjeb ġimgħa iktar mis-​soltu.” Ir-​riċerkaturi sabu li kien hemm bżonn taʼ ammont żgħir biss taʼ l-​anti-ossidant biex ma jitħassrux it-​tessuti u jitneħħew il-​ħmira u l-​moffa kollha li jħassru lil ħafna frott. “Fir-​riċerki li saru wara, it-​tim ipproteġa prodotti oħra, inkluż it-​tadam, l-​avokado u l-​bżar aħdar,” qalet ir-​rivista. “Issa qed ifittxu modi kif jipproduċu t-​trans-resveratrol iktar bl-​irħis.”

Perikli għas-​Saħħa bil-​Logħob Elettroniku

Il-​ġenituri għandhom mnejn ma jirrealizzawx kemm il-​logħob elettroniku hu perikoluż għas-​saħħa taʼ wliedhom, tirrapporta l-​gazzetta El Universal tal-​Belt tal-​Messiku. Skond Antonio González Hermosillo, il-​president tas-​Soċjetà Messikana tal-​Kardjoloġija, sa 40 fil-​mija mit-​tfal li jilagħbu ħafna logħob elettroniku se jiżviluppaw il-​pressjoni għolja fid-​demm. Għala? Għaliex minbarra li huma neqsin mill-​eżerċizzju, it-​tfal jispiċċaw stressati ħafna minħabba li jsibu ruħhom involuti ferm f’sitwazzjonijiet li jidhru perikolużi, bħall-​attakki, il-​ġlied virtwali, u konflitti oħrajn. “L-​ispeċjalista wissa li dan se jżid il-​mard tal-​qalb fil-​Messiku, il-​kaġun primarju taʼ l-​imwiet f’dan il-​pajjiż,” qalet ir-​rivista.

Imweldin Barra miż-​Żwieġ

Fl-​Unjoni Ewropea, “25 fil-​mija tat-​tfal kollha jitwieldu barra miż-​żwieġ,” tirrapporta l-​gazzetta Spanjola La Vanguardia. Hekk kif il-​valuri tradizzjonali jinbidlu u l-​istili taʼ ħajja differenti qed jiżdiedu, “it-​tfal imweldin barra miż-​żwieġ qed jiżdiedu madwar l-​Ewropa kollha.” Skond l-​Uffiċċju taʼ l-​Istatistiċi tal-​Komunitajiet Ewropej, fil-​quċċata tal-​lista hemm l-​Isvezja b’54 fil-​mija, id-​Danimarka b’46 fil-​mija, u Franza b’39 fil-​mija. Il-​Finlandja u l-​Gran Britannja jiġu wara, fejn insibu li fiż-​żewġ pajjiżi 37 fil-​mija mit-​tfal jitwieldu barra miż-​żwieġ. Jidher li hemm l-​istess tendenza fost il-​pajjiżi Mediterranji, fejn xi darba t-​tradizzjonijiet tal-​familja kienu qawwijin. Per eżempju, kalkoli li saru dan l-​aħħar juru li fi Spanja 19 fil-​mija mit-​tfal jitwieldu lil ommijiet li m’humiex miżżewġin, u f’xi reġjuni, bħal Catalonia, il-​kalkolu hu taʼ 22 fil-​mija—żjieda taʼ 100 fil-​mija f’għaxar snin biss.

Nofs l-​Art Hija Xagħri

“Minkejja li għal seklu sħiħ ġarrbet theddid ambjentali li dejjem jiżdied, 46 fil-​mija minn wiċċ l-​Art għadu xagħri li ħafna minnu mhux mimsus,” tirrapporta l-​pubblikazzjoni World Watch. Fi studju li involva 200 xjenzat madwar id-​dinja “instab li [68 miljun kilometru kwadru] minn wiċċ l-​art jaqaʼ fil-​kategorija taʼ ‘xagħri,’ jiġifieri għad fih minn taʼ l-​inqas 70 fil-​mija tal-​veġitazzjoni oriġinali, fih inqas minn [5] minn nies għal kull [kilometru kwadru] ’l barra mill-​inħawi tal-​belt, u m’huwiex inqas minn [10,000 kilometru kwadru].” Is-​37 post fejn hemm ix-​xagħri fihom biss 2.4 fil-​mija tal-​popolazzjoni taʼ l-​art—144 miljun ruħ, mingħajr ma ngħoddu linħawi tal-​bliet—madankollu fihom art daqs l-​akbar sitt pajjiżi tad-​dinja kollha flimkien, jiġifieri, l-​Awstralja, il-​Brażil, iċ-​Ċina, l-​Istati Uniti, il-​Kanada, u r-​Russja. Però, “iktar minn terz tax-​xagħri huwa silġ Antartiku jew it-​tundra taʼ l-​Artiku, u biss 5 mis-​37 post huma postijiet imħarsin mill-​ħsara—jiġifieri kull wieħed minnhom fih iktar minn 1,500 speċi lokali u ammont kbir taʼ bijodiversità,” jgħid l-​artiklu.

Il-​Periklu tal-​Piż Żejjed

“In-​nies li fl-​età t’40 sena jkollhom piż żejjed għandhom iċ-​ċans li jmutu tliet snin qabel dawk li ma jkollhomx, jiġifieri l-​ħxuna taʼ mezz’età hija taʼ ħsara daqs it-​tipjip fejn jidħol it-​tul tal-​ħajja mistenni,” tirrapporta The New York Times. “Dan l-​istudju qed jgħid li jekk bejn il-​35 u l-​45 sena jkollok il-​piż żejjed, anki jekk tonqos iktar tard, xorta jkollok riskju akbar li tmut,” jgħid it-​Tabib Serge Jabbour, direttur taʼ klinika fl-​isptar li tgħin lin-​nies inaqqsu l-​piż. “Dak li rridu ngħidu hu li trid toqgħod attent għall-​piż tiegħek minn kmieni. Jekk iddum biex taġixxi, għandu mnejn il-​ħsara tkun diġà saret.” It-​tnaqqis fil-​piż jistaʼ wkoll inaqqas l-​imwiet minħabba l-​kanċer. Wara studju li dam sejjer 16-il sena fuq 900,000 persuna, is-​Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer ikkonkludiet li “l-​piż żejjed jistaʼ jkun responsabbli għal 14 fil-​mija taʼ l-​imwiet taʼ l-​irġiel u 20 fil-​mija taʼ l-​imwiet tan-​nisa minħabba l-​kanċer,” tgħid it-​Times. L-​istudji assoċjaw il-​piż żejjed maʼ ħafna tipi taʼ kanċer.

Il-​Qawwa taʼ Tbissima

Sa 74 fil-​mija minn dawk li ħadu sehem fi stħarriġ wieġbu li ma jiħdux pjaċir jinnegozjaw maʼ nies imdejqin, u 69 fil-​mija ma jafux jagħmlu ħbieb maʼ wħud bħal dawn.” Hekk tirrapporta r-​rivista Wprost dwar studju li sar mill-​Istitut tas-​Soċjoloġija fl-​Università Jagiellonian fi Kraków, il-​Polonja. Raġuni waħda li ngħatat hi li n-​nies imdejqin spiss jagħtu l-​impressjoni li donnhom qed jaħbu xi ħaġa. In-​nies li jaħdmu mal-​pubbliku ilhom jafu dwar dan, u dan jispjega għala “l-​politikanti, in-​negozjanti, l-​istilel tal-​mużika, il-​preżentaturi tat-​televixin, u n-​nies li jaħdmu fir-​relazzjonijiet pubbliċi, fir-​reklamar, u fil-​bejgħ jitbissmu” daqshekk spiss, tgħid Wprost. Ir-​riċerkaturi sabu wkoll li meta nitbissmu, jitlaʼ iktar demm f’moħħna, u dan itejbilna l-​burdata. Waħda negozjanta qalet: “Jien nipprova nitbissem anki meta ma jkollix aptit. Meta nitbissem, inħossni ninbidel minn ġewwa, u verament nibda nħossni aħjar.”

“Tellieqa” tas-​Sawnd

Kemm jgħajjat l-​isterjo tal-​karozza taʼ wieħed iktar minn dak taʼ ieħor? Din il-​mistoqsija wasslet għal kompetizzjoni internazzjonali ġdida magħrufa bħala tellieqa tad-​dB, jirrapporta n-​National Public Radio, fl-​Istati Uniti. Jiġu organizzati okkażjonijiet biex il-​livell tas-​sawnd taʼ l-​isterjo tal-​karozzi—li jitkejjel bid-​deċibel, jew dB—jiġi ttestjat bi strumenti li jitqiegħdu ġol-​vetturi. Is-​sawnd li jinstemaʼ barra mill-​karozza jkun moħli, allura dawk li jieħdu sehem isaħħu l-​istruttura tal-​karozza tagħhom biex ma jħallux is-​sawnd joħroġ. “Fl-​iktar vetturi li jkunu msaħħin, . . . it-​twieqi jkunu ħoxnin 7 [jew] 10 ċentimetri,” jgħid il-​kompetitur Wayne Harris, “u l-​bibien ikunu rinforzati bil-​konkrit u l-​azzar.” Dawk li jkunu qed jieħdu sehem ma joqogħdux fil-​karozza meta s-​sistema tas-​sawnd tkun mixgħula—u mhux taʼ b’xejn.