Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ikel mill-Ġnien Tiegħek Stess

Ikel mill-Ġnien Tiegħek Stess

Ikel mill-​Ġnien Tiegħek Stess

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIR-​REPUBBLIKA AFRIKANA ĊENTRALI

F’ĦAFNA pajjiżi tħassib wieħed li jkollhom in-​nies kuljum hu kif se jitimgħu lill-​familji tagħhom. Il-​prezz għoli tal-​ħaxix taʼ spiss jagħmel dan taʼ sfida. Madankollu, xi wħud sabu soluzzjoni daqsxejn sempliċi—li jkabbru ftit mill-​ikel li jieklu!

Forsi anki int tixtieq tibda tkabbar ġnien żgħir. Veru, forsi m’hemmx ħafna art madwar id-​dar tiegħek, iżda forsi hemm ftit art li tistaʼ tirranġaha biex tikkultivaha. Aħseb dwar il-​flus kollha li tistaʼ tiffranka billi tipproduċi ikel bnin u tajjeb għas-​saħħa! Ix-​xogħol fil-​ġnien jistaʼ jkun opportunità biex tagħmel dak l-​eżerċizzju fiżiku li għandek bżonn. Il-​ġnien jistaʼ wkoll ikun proġett tal-​familja li wliedek jistgħu jieħdu gost jagħmluh. Tabilħaqq, jistaʼ jkun edukattiv meta tikkultiva xi ħxejjex fil-​ġnien. Tistaʼ titgħallem kwalitajiet bħall-​paċenzja. (Ġakbu 5:7) Barra minn hekk, il-​fatt li tara l-​ħxejjex jikbru jistaʼ jressqek eqreb lejn il-​Ħallieq taʼ l-​affarijiet tajbin kollha.—Salm 104:14.

Madankollu, timmaġinax li se jkollok riżultati malajr jew li mhux se jkollok tagħmel sforz biex tkabbar l-​ikel li tiekol. Madankollu, b’determinazzjoni u daqsxejn tagħrif, tistaʼ tirnexxi!

Familja Tilqaʼ l-​Isfida

Ejja nieħdu per eżempju lil Timothée u Lucie—koppja Kristjana b’żewġt itfal li joqogħdu Bangui, il-​kapitali tar-​Repubblika Afrikana Ċentrali. Huma sabu li billi ħawlu lġnien tagħhom stess kienu qed jiffrankaw il-​flus b’mod prattiku u pjaċevoli.

Meta Lucie kellha 13-il sena, ikkultivat ġnien żgħir ħdejn id-​dar tagħha, u kienet tieħu ħsiebu wara l-​iskola u fi tmiem il-​ġimgħa. Kienet tieħu gost tarah jikber. Madankollu, kien biss wara ħafna snin li ġieha f’moħħha li tkabbar ġnien għall-​familja tagħha. Hi ftehmet biex tuża għalqa fil-​viċin li bażikament kienet qed isservi taʼ miżbla. Lucie rat il-​potenzjal taʼ l-​għalqa. Tul is-​snin it-​tmermir taż-​żibel minflok ma rrovina l-​art, ħoloq ħamrija tajba biex tkabbar l-​ikel. Lucie u Timothée ddeċidew li jbiddlu dik l-​art fi ġnien b’saħħtu.

Il-​Bidu

Madankollu, l-​ewwelnett kellhom jagħmlu ftit riċerka. Tkellmu maʼ oħrajn li kienu jafu xi ħaġa dwar it-​tkabbir tal-​ħaxix u semgħu tajjeb dak li kellhom x’jgħidulhom. Ladarba l-​biċċa art kellha bżonn tissaqqa, tgħallmu wkoll kif iħaffru l-​bjar tagħhom. Kien ukoll t’għajnuna li jaqraw il-​kotba dwar il-​ġardinaġġ.

Tgħallmu dwar kif xi pjanti jġibu ruħhom maʼ pjanti oħra, u tgħallmu li xi pjanti jgħinu lil xulxin biex jikbru b’saħħithom. Madankollu, xi pjanti jtellfu lil xulxin milli jikbru. Xi wħud jgħidu li l-​karrotti u t-​tadam għandhom effett tajjeb fuq xulxin fi ġnien tal-​ħxejjex. Ukoll, jagħmel tajjeb għat-​tnejn meta tiżraʼ l-​karfus u l-​pastard flimkien. U x-​xibt huwa “ħabib” tal-​piżelli, il-​ħjar, il-​ħass, u l-​basal. Madankollu, il-​ħass aħdar u t-​tursin ma jiħdux gost flimkien. Il-​basal jagħmel ħsara lill-​fażola ħadra u lill-​piżelli. Meta l-​pjanti jagħmlu l-​ħsara lil xulxin, jiddgħajfu u jsiru mira faċli għall-​ħlejjaq u insetti li jagħmlu l-​ħsara.

Timothée u Lucie tgħallmu wkoll li ma kienx għaqli li jikkultivaw tip wieħed taʼ ħxejjex fuq biċċa art waħda. Jekk kienet tiġi attakkata mill-​insetti jew xi marda, setgħu jispiċċaw jitilfu kollox. Il-​fatt li żergħu varjetà taʼ pjanti magħżulin tajjeb għenhom biex inaqqsu r-​riskju. Il-​ħxejjex u l-​fjuri żiedu l-​kulur, il-​ħajja, u s-​sbuħija lill-​ġnien tagħhom tal-​ħaxix u ġibdu n-​naħal u l-​insetti l-​oħra li jgħinu l-​ġnien jibqaʼ b’saħħtu.

Din il-​koppja sabet ukoll mezz kif tevita li tuża sprejs velenużi fuq il-​prodotti tagħha. Huma tgħallmu li billi sempliċement jiżirgħu t-​tewm jistgħu jbiegħdu ċerti ħlejjaq li jagħmlu l-​ħsara. *

Kien hemm bżonn ħafna xogħol iebes u paċenzja, imma llum Timothée u Lucie għandhom ġnien mill-​isbaħ. Għandhom il-​kaboċċi, it-​tursin, it-​tadam, il-​karrotti, il-​ħjar, u l-​brunġiel—xi drabi jkollhom iktar milli tistaʼ tiekol il-​familja kollha!

Kabbar il-​Ġnien Tiegħek Stess!

Madankollu, mhux in-​nies taʼ l-​Afrika biss skoprew kemm hu prattiku li tkabbar il-​ġnien tiegħek stess. Per eżempju, fil-​Ġermanja, fl-​inħawi tal-​bliet, hemm iktar minn miljun ġnien maqsum f’partijiet. Dawn il-​ġonna, li xi drabi jissejħu Schrebergaerten (għat-tabib Ġermaniż Daniel Schreber), huma gruppi taʼ biċċiet żgħar taʼ art (bejn 200 u 400 metru kwadru) li jiġu mikrija lil dawk li joqogħdu fil-​bliet. Skond riċerkatur wieħed, dawn il-​ġonna żgħar “jilagħbu parti importanti fil-​produzzjoni taʼ frott u ħaxix frisk.” Il-​ġonna joffru, lill-​ġardinara biċċiet taʼ art qishom “ġenna”—post fejn jaħdmu u jirrilassaw.

Il-Bibbja twiegħed li dalwaqt l-​art kollha se tkun ġnien globali—ġenna ġenwina. (Luqa 23:43) Madankollu, sadanittant, forsi tistaʼ ssib biċċa art u tieħu gost tkabbar l-​ikel mill-​ġnien żgħir tiegħek.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 13 Għal iktar suġġerimenti biex teħles minn ħlejjaq li jagħmlu l-​ħsara fi ġnien mingħajr ma tuża l-​pestiċidi, ara l-​artiklu “Ġardinaġġ b’Mod Organiku,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’April, 2002.

[Stampa f’paġna 16]

Timothée u Lucie jtellgħu l-​ilma għall-​ġnien tagħhom

[Stampa f’paġna 16]

Ġnien maqsum f’partijiet fi Munich, il-​Ġermanja