Kemm Hi Marida l-Pjaneta Tagħna?
Kemm Hi Marida l-Pjaneta Tagħna?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-FILIPPINI
Il-kundizzjoni tal-pazjenta hija kritika. Għandha diversi sintomi. In-nifs tagħha jinten. Għandha ħafna deni, iktar minn qatt qabel. L-isforzi li qed isiru biex inaqqsulha d-deni mhux qed jirnexxu. Sabulha l-velenu fil-likwidi taʼ ġisimha. Meta jikkuraw is-sintomi li għandha f’post wieħed, joħorġu sintomi differenti f’partijiet oħra taʼ ġisimha. Kieku din kienet sempliċi pazjenta ordinarja, it-tobba wisq probabbli jaslu biex jikkonkludu li l-kundizzjoni tal-mard differenti li għandha hija kronika u fatali. Peress li ma jkunux jafu x’jistgħu jagħmlu iktar, huma sempliċement jieħdu passi biex iżommu lill-pazjenta komda kemm jistaʼ jkun sakemm tmut.
MADANKOLLU, din m’hijiex pazjenta umana. Hija d-dar tagħna—l-art. Ix-xena li għadna kif iddeskrivejna tagħti stampa taʼ dak li qed jiġri lill-pjaneta tagħna. L-arja mniġġsa, iż-żjieda fis-sħana globali, l-ilmijiet imniġġsin, u l-iskart tossiku huma ftit mill-mard li għandha l-pjaneta tagħna li hi tassew marida. Bħat-tobba li ssemmew qabel, l-esperti jinsabu f’dilemma dwar x’jistgħu jagħmlu.
Il-mezzi tax-xandir ifakkruna regolarment fl-istat marid li tinsab fih l-art billi jużaw titli u frażijiet bħal: “Sajd bl-isplużjonijiet ibiddel qiegħ il-baħar f’post taʼ massakru.” “Biljun Asjatiku Għandu Mnejn Jinxef Qoxqox sa 24 Sena Oħra.” “Erbgħin miljun tunnellata skart tossiku jiġu negozjati globalment kull sena.” “Kważi żewġ terzi mill-1,800 bir li hemm fil-Ġappun huma mniġġsa bil-veleni.” “It-Toqba taʼ l-Ożonu fuq l-Antartiku Reġgħet Qed Tinkwetana u Hija Akbar.”
Xi wħud jidraw l-aħbarijiet spissi dwar il-perikli li qed jiffaċċja l-ambjent, forsi saħansitra jaħsbu, ‘M’għandix għalfejn ninkwieta la mhux qed jeffettwani.’ Madankollu, kemm jekk nirrealizzaw jew le, il-qerda bl-addoċċ fl-ambjent taʼ l-art teffettwa l-maġġuranza tan-nies. Peress li t-tinġis tal-pjaneta tagħna issa huwa fuq skala daqshekk kbira, wisq probabbli diġà jeffettwa iktar minn aspett wieħed taʼ ħajjitna. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nieħdu interess fis-saħħa u l-preservazzjoni taʼ darna. Fuq kollox, fejn iktar nistgħu ngħixu?
Imma kemm hi mifruxa l-problema? Kemm hi marida l-art? Kif inhuma effettwati l-ħajjiet tan-nies? Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn biss ftit fatturi li jgħinuna nifhmu għala l-art tagħna mhux biss hi daqsxejn ma tiflaħx, imma hija marida serjament.
◼ L-OĊEANI: Hemm bosta nħawi kbar fl-oċean li jsir wisq sajd fihom. Rapport mill-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Ambjent jgħid li “70 fil-mija mill-postijiet fil-baħar fejn jinqabad il-ħut għall-kummerċ tant jiġu sfruttati li r-riproduzzjoni ma tistax tlaħħaq mad-domanda jew bilkemm.” Per eżempju, popolazzjonijiet sħaħ taʼ ċertu ħut bħall-merluzz, tip taʼ bakkaljaw, u l-barbun taʼ l-għajn fit-tramuntana taʼ l-Atlantiku naqsu b’95 fil-mija mill-1989 sa l-1994. Jekk nibqgħu sejrin hekk, x’se jiġrilhom il-miljuni taʼ nies li jiddependu mill-baħar bħala l-akbar sors taʼ ikel tagħhom?
Barra minn hekk, kull sena minn xi 20 miljun sa 40 miljun tunnellata taʼ ħlejjaq tal-baħar jinqabdu u jerġgħu jintefgħu fl-oċean—ġeneralment imweġġgħin jew mejtin. Għala? Għaliex jinqabdu mal-ħut li s-sajjieda jkunu qed jistadu għalih imma ma jkunux iriduh.
◼ IL-FORESTI: It-tqaċċit tal-foresti għandu ħafna aspetti negattivi. In-nuqqas taʼ siġar iwassal biex l-art ma tibqax kapaċi tassorbi biżżejjed dijossidu karboniku, u jingħad li dan hu wieħed mill-fatturi li jwassal għaż-żjieda fis-sħana globali. Ċerti speċi taʼ pjanti, li huma s-sors potenzjali taʼ mediċini li jsalvaw il-ħajjiet, se jisparixxu. Minkejja dan, il-foresti għadhom qed jinqerdu bl-istess rata. Fil-fatt, ir-rata taʼ din il-ħsara żdiedet f’dawn l-aħħar snin. Xi esperti jħossu li jekk nibqgħu sejrin hekk, il-foresti tropikali jistgħu ma jibqgħux jeżistu sa 20 sena oħra.
◼ L-ISKART TOSSIKU: Ir-rimi fl-art u fil-baħar taʼ materjali li huma taʼ ħsara huwa problema serja li tistaʼ ġġib ħsara kbira fuq miljuni taʼ nies. L-iskart radjoattiv, il-metalli tqal li spiss ikunu tossiċi, u oġġetti magħmulin mill-plastik huma fost is-sustanzi li jistgħu jikkaġunaw affarijiet mhux normali fil-ġisem, mard, jew mewt fil-bnedmin u l-annimali.
◼ IL-KIMIĊI: F’dawn l-aħħar mitt sena, bdew jintużaw mal-100,000 kimika ġdida. Dawn il-kimiċi fl-aħħar mill-aħħar isibu ruħhom fl-arja, fil-ħamrija, fl-ilma, u fl-ikel tagħna. Relattivament ftit minnhom ġew eżaminati biex jaraw kif jeffettwaw is-saħħa tal-bnedmin. Madankollu, mill-ftit li ġew eżaminati, għadd mhux ħażin minnhom instabu li jġibu l-kanċer jew jikkaġunaw il-mard b’xi mod ieħor.
Hemm ħafna affarijiet oħra li jheddu l-ambjent tagħna: it-tinġis taʼ l-arja, id-dranaġġ mhux proċessat, ix-xita aċiduża, in-nuqqas taʼ ilma nadif. Il-ftit li diġà ssemmew huma biżżejjed biex juru li l-art tinsab verament marida. Jistaʼ l-pazjent isalva, jew hija din ġlieda diġà mitlufa?