Kemm Irnexxielna Nsalvaw l-Ambjent?
Kemm Irnexxielna Nsalvaw l-Ambjent?
ĊERNOBIL, Bhopal, Valdez, il-Gżira Three Mile. Dawn l-ismijiet wisq probabbli jfakkruk f’diżastri taʼ dannu għall-ambjent li seħħew f’diversi partijiet tad-dinja. Kull wieħed minn dawn id-diżastri jfakkarna li l-ambjent taʼ l-art qed jiġi attakkat.
Diversi awtoritajiet u individwi taw twissijiet. Xi wħud aġixxew fil-pubbliku biex jisħqu l-punt tagħhom. Librara Ingliża ntrabtet maʼ buldowżer biex topponi l-bini taʼ triq li kienet se tgħaddi minn post li huwa fraġli ekoloġikament. Żewġ nisa Aboriġini fl-Awstralja mexxew kampanja
kontra t-tħaffir għall-uranju f’park nazzjonali. Ix-xogħol twaqqaf għal ftit. Għalkemm saru b’intenzjoni tajba, dawn l-isforzi mhux dejjem intlaqgħu tajjeb. Per eżempju, kaptan navali taħt ir-reġim Sovjetiku kien inkwetat dwar it-tnixxija taʼ sustanza radjoattiva li toħroġ mir-reattur tas-sottomarini nukleari li jkunu ġew mgħarrqa. Meta ppubblika fejn kienu jinsabu dawn is-sottomarini, hu ġie arrestat.Barra minn hekk, diversi organizzazzjonijiet qed jagħtu t-twissijiet dwar it-theddid għall-ambjent. Dawn jinkludu l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-Ġnus Magħquda; il-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Ambjent; u l-Greenpeace. Xi wħud, kulma jagħmlu hu li jirrapportaw dwar il-problemi taʼ l-ambjent meta jkunu konnessi maʼ xogħolhom. Oħrajn jistinkaw b’ħeġġa kbira biex iżommu lill-pubbliku informat b’dak li jkun qed jiġrilu l-ambjent. Il-Greenpeace hija magħrufa għall-fatt li tibgħat l-attivisti tagħha f’postijiet fejn ikun hemm kontroversji ambjentali u tiġbed l-attenzjoni tan-nies lejn kwistjonijiet bħalma huma ż-żjieda fis-sħana globali, l-ispeċi li jinsabu fil-periklu, u l-perikli taʼ l-annimali u l-pjanti li jiġu modifikati ġenetikament.
Xi attivisti jgħidu li jużaw “konflitti kreattivi biex jikxfu l-problemi fl-ambjent madwar id-dinja.” Għalhekk, jużaw tattiċi bħal li jorbtu lilhom infushom mal-gradi taʼ xi impjant fejn jisserraw l-injam biex jipprotestaw kontra l-qerda taʼ foresti antiki. Il-membri taʼ grupp ieħor t’attivisti pprotestaw kontra pajjiż li kiser il-ftehim li ma jikkaċċjax il-balieni għal ċertu perijodu speċifikat. Dan għamluh billi dehru quddiem l-ambaxxati taʼ dak il-pajjiż lebsin għajnejn kbar biex jindikaw li l-azzjonijiet tal-pajjiż qed jiġu osservati.
Hemm ħafna kwistjonijiet fuqiex wieħed jiffoka l-attenzjoni tiegħu. Per eżempju, xi individwi u organizzazzjonijiet darba wara l-oħra taw twissijiet dwar il-perikli tat-tinġis taʼ l-ilma. Xorta waħda, is-sitwazzjoni għadha tidher verament bla tama. Biljun ruħ m’għandhomx aċċess għall-ilma nadif tax-xorb. Skond ir-rivista Time, “3.4 miljun ruħ imutu kull sena minħabba mard konness maʼ l-ilma.” It-tinġis taʼ l-arja hu problema simili. The State of World Population 2001 jirrapporta li “t-tinġis taʼ l-arja joqtol maż-2.7 miljuni sa 3 miljun ruħ kull sena.” Iżid jgħid li “t-tinġis taʼ l-arja barra mid-dar huwa taʼ dannu għal iktar minn 1.1 biljun ruħ.” Bħala eżempju speċifiku, dan jirrapporta li “partiċelli żgħar li jniġġsu l-arja jikkaġunaw sa 10 fil-mija mill-infezzjonijiet fin-nifs tat-tfal Ewropej.” Iva, minkejja t-twissijiet u kwalunkwe azzjoni li ttieħdet s’issa, il-problemi konnessi maʼ dawn l-elementi l-iktar bażiċi u vitali sempliċement qed imorru għall-agħar.
Għal ħafna, is-sitwazzjoni tidher kontradittorja. Bħalissa hemm disponibbli iktar informazzjoni minn qatt qabel dwar suġġetti konnessi maʼ l-ambjent. Iktar individwi u organizzazzjonijiet minn qatt qabel huma interessati li jaraw l-ambjent imnaddaf. Il-gvernijiet fetħu dipartimenti biex jgħinu jsolvu l-problemi. Għandna iktar teknoloġija minn qatt qabel biex tgħinna nkampaw mal-problemi. Madankollu, l-affarijiet ma jidhrux li sejrin għall-aħjar. Għala?
Pass ’il Quddiem u Tnejn Lura
Il-progress industrijali kellu jagħmlilna ħajjitna iktar faċli. Sa ċertu punt hekk għamel. Madankollu, huwa dan il-“progress” stess li jiggrava l-problemi fl-ambjent taʼ l-art. Aħna nieħdu pjaċir bl-invenzjonijiet u l-avanzi ġodda li tatna l-industrija, imma l-produzzjoni stess tagħhom
u l-użu li aħna nagħmlu minnhom spiss spiċċaw biex ħassru partijiet tad-dinja tagħna.Eżempju wieħed taʼ dan huwa l-karozzi. Bihom l-ivvjaġġar isir iktar malajr u faċilment. Verament ftit nies lesti jmorru lura għaż-żmien taż-żiemel u l-karettun. Minkejja dan, it-trasportazzjoni moderna għandha parti mit-tort għal bosta problemi. Waħda minnhom hija ż-żjieda fis-sħana globali. Il-bnedmin qed ibiddlu l-kimiċi li minnhom hija magħmula l-atmosfera billi jużaw invenzjonijiet li jitfgħu miljuni taʼ tunnellati taʼ gassijiet. Jingħad li dawn il-gassijiet jikkaġunaw dak li jissejjaħ l-effett-serra, li jwassal biex l-atmosfera tisħon. It-temperaturi żdiedu matul dan l-aħħar seklu. L-Aġenzija Amerikana għall-Protezzjoni taʼ l-Ambjent tirrapporta li “l-iktar 10 snin sħan tas-seklu 20 seħħew kollha fl-aħħar 15-il sena taʼ dan l-istess seklu.” Xi xjenzati jemmnu li fis-seklu 21, it-temperatura medja madwar id-dinja tistaʼ togħla b’1.4 sa 5.8 gradi Celsius.
Huwa mistenni li t-temperaturi sħan iktar mis-soltu jikkaġunaw problemi oħra. Il-kisja tas-silġ fl-Emisferu tan-Nord qed tonqos. Fl-Antartika, pjattaforma tas-silġ li fiha 3,250 kilometru kwadru ċediet fil-bidu tas-sena 2002. Il-livelli tal-baħar jistgħu jogħlew mhux ħażin f’dan is-seklu. Peress li terz mill-popolazzjoni tad-dinja tgħix fejn il-baħar, dan jistaʼ fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal telf taʼ djar u għelieqi. Tistaʼ wkoll tqajjem diffikultajiet kbar għall-bliet taʼ ħdejn il-baħar.
Ix-xjenzati jemmnu li temperaturi ogħla se jwasslu għal ħafna iktar xita, u b’hekk l-estremi fit-temp jibdew iseħħu iktar spiss. Xi wħud iħossu li l-maltempati kbar, bħal dik li qatlet 90 ruħ u għamlet dannu lil 270 miljun siġra fi Franza fl-1999, huma biss esperjenzi li jdewquna l-affarijiet li għad iridu jseħħu. Riċerkaturi oħra jħossu li l-bidla fil-klima se ġġiegħel li jinfirex mard bħall-malarja, id-dengue, u l-kolera.
L-eżempju tal-karozzi juri kemm huma komplikati r-riżultati tat-teknoloġija—invenzjonijiet li huma utli għan-nies in ġenerali jistgħu jikkaġunaw għadd taʼ problemi relatati li jeffettwaw ħafna aspetti tal-ħajja. Kemm hija minnha l-istqarrija tal-Human Development Report 2001: “Kull avanz teknoloġiku jġib miegħu benefiċċji u riskji potenzjali, li xi wħud minnhom m’huwiex faċli tbassarhom.”
In-nies spiss iduru lejn it-teknoloġija stess biex ifittxu soluzzjonijiet għall-problemi taʼ l-ambjent. Per eżempju, l-ambjentalisti ilhom ħafna jiġġieldu kontra l-pestiċidi. Meta ġew prodotti pjanti modifikati ġenetikament b’tali mod li jnaqqsu jew jeliminaw għalkollox il-bżonn tal-pestiċidi, kien jidher qisu t-teknoloġija pprovdiet soluzzjoni tajba. Madankollu, fil-każ tal-qamħ Bt, li ġie disinjat biex jikkontrolla s-susa mingħajr l-użu tal-pestiċidi, it-testijiet sabu li jistaʼ wkoll joqtol il-friefet tat-tip monarch. Għalhekk, is-“soluzzjonijiet” kultant ikollhom effett kuntrarju u jistgħu jżidu iktar problemi.
Il-Gvernijiet Jistgħu Jgħinu?
Ladarba l-qerda taʼ l-ambjent hija problema tant kbira, biex soluzzjoni tirnexxi hemm bżonn li l-gvernijiet tad-dinja kollha jikkooperaw. F’ċerti każi, ir-rappreżentanti tal-gvern, li taʼ min ifaħħarhom għal dan, kienu kuraġġużi biżżejjed biex jirrikkmandaw bidliet pożittivi li kienu se jgħinu l-ambjent. Madankollu, ir-rebħiet veri kienu ftit u skarsi.
Eżempju taʼ dan hu l-konferenza internazzjonali li saret fil-Ġappun fl-1997. Il-ġnus argumentaw u ġġieldu dwar il-kundizzjonijiet tat-trattat biex jitnaqqsu d-dħaħen li jingħad li jikkaġunaw iż-żjieda fis-sħana globali. Finalment, bi stagħġib għal ħafna, intlaħaq ftehim. Il-ftehim beda jissejjaħ il-Protokoll Kyoto. Ir-reġjuni żviluppati, bħall-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, u l-Istati Uniti, kellhom inaqqsu d-dħaħen b’medja taʼ 5.2 fil-mija sa l-2012. Kien jidher li hu ftehim tajjeb. Madankollu, kmieni fl-2001, il-gvern Amerikan indika li kien se jabbanduna l-Protokoll taʼ Kyoto. Dan issorprenda lil ħafna nies, peress li l-Istati Uniti, b’inqas minn 5 fil-mija mill-popolazzjoni tad-dinja, jipproduċu xi kwart mid-dħaħen fl-arja tad-dinja kollha. Iktar minn hekk, gvernijiet oħra ħaduha bil-lajma biex jagħtu kunsens lit-trattat.
L-eżempju li semmejna juri kemm hu diffiċli għall-gvernijiet biex isibu soluzzjonijiet effettivi. Huwa diffiċli ferm li tiġbor flimkien lil diversi gvernijiet, u huwa diffiċli għalihom li jaqblu fuq kif għandhom jieħdu ħsieb kwistjonijiet ambjentali. Anki meta jiġi ffirmat xi qbil, xi wħud minn
dawk involuti joħorġu mill-ftehim li jkun sar. Oħrajn ma jirnexxilhomx jinforzaw il-kundizzjonijiet tal-ftehim. F’każi oħra, il-gvernijiet jew il-korporazzjonijiet iħossu li ma jistgħux jaċċettaw l-ispejjeż involuti biex inaddfu l-ambjent. F’ċerti postijiet ir-raġuni tkun sempliċement l-egoiżmu, hekk kif ġganti kummerċjali li jkollhom il-poter jinfluwenzaw bil-kbir lill-gvernijiet biex ma jdaħħlux miżuri li jistgħu jnaqqsu l-profitti tal-kumpaniji. Huwa fatt magħruf li n-negozji u l-kumpaniji jridu jieħdu l-iktar possibbli mill-art mingħajr ma jimpurtahom mill-konsegwenzi li nistgħu nbatu fil-futur.Biex tkompli tgħaxxaqha, mhux ix-xjenzati kollha jaqblu dwar kemm huma drastiċi l-effetti li se jħalli t-tinġis fuq l-art. Għalhekk, dawk li jieħdu ħsieb il-politika tal-gvernijiet jistgħu ma jkunux ċerti dwar kemm jistgħu jpoġġu limiti fuq it-tkabbir ekonomiku sabiex jikkontrollaw xi problema li għandha mnejn tkun jew ma tkunx kbira daqs kemm jaħsbu.
Il-bnedmin jinsabu f’kobba mħabbla sew. Kulħadd jaf bil-problema u li jrid isir xi ħaġa dwarha. Xi ġnus qed jagħmlu sforz ħabrieki, imma l-maġġorparti tal-problemi taʼ l-ambjent qed imorru għall-agħar. Hija l-art sempliċement destinata biex ma tibqax tajba għall-bnedmin biex jgħixu fiha? Ejja neżaminaw din il-mistoqsija.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
TINĠIS BL-ISTORBJU
Tip wieħed taʼ tinġis ma jidhirx iżda jinstemaʼ—it-tinġis bl-istorbju. L-esperti jgħidu li dan it-tinġis jinkwetahom għaliex jistaʼ jikkaġuna n-nuqqas taʼ smigħ, l-istress, il-pressjoni għolja, in-nuqqas taʼ rqad, u jistaʼ jnaqqas il-produttività taʼ l-individwu. It-tfal li jmorru l-iskola f’ambjent storbjuż jistgħu jiżviluppaw difett fil-qari.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
TQAĊĊIT TAL-FORESTI JĠIB L-IMPESTAZZJONI TAL-FIRIEN
Meta 15-il raħal f’Samar, fil-Filippini, sofrew minn impestazzjoni enormi tal-firien, sors tal-gvern waħħal fit-tqaċċit tal-foresti tar-reġjun. It-telf tal-foresti naqqas il-predaturi tal-firien kif ukoll ir-riżorsi taʼ l-ikel għall-firien. Il-firien marru joqogħdu fi nħawi iktar popolati biex ifittxu x’jieklu.
[Sors]
© Michael Harvey/Panos Pictures
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
VITTMI TAʼ L-ISKART TOSSIKU?
Fl-età taʼ tliet xhur u nofs, Michael instab marid bin-newroblastoma, tip taʼ kanċer. Kieku kien l-uniku wieħed fl-inħawi b’din il-marda ma kinitx tkun xi ħaġa barra min-normal. Madankollu, iktar tard instabu 100 tifel u tifla oħra mill-istess post ċkejken li wkoll kellhom il-kanċer. Dan allarma lil bosta ġenituri. Xi wħud ħasbu li forsi l-għadd mhux normali taʼ wħud bil-kanċer hu konness mal-kumpaniji tal-kimika li hemm fir-reġjun. F’investigazzjoni li saret instab li xi ħadd li jaħdem għal rasu billi jittrasporta l-iskart kien ħa xi tankijiet mimlijin likwidu tossiku minn waħda mill-kumpaniji u tefagħhom f’dak li qabel kien razzett tat-tiġieġ, u kultant xerred il-kontenut. Ir-riċerkaturi sabu traċċi taʼ kontaminazzjoni fil-bjar lokali taʼ l-ilma. Il-ġenituri għadhom imħassbin dwar jekk dan kienx wieħed mill-fatturi li kkaġuna l-kanċer taʼ wliedhom.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
SUSTANZI KIMIĊI TOSSIĊI
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, 120,000 tunnellata materjal tossiku, l-iktar fosġenu u gass tal-mustarda, ġew siġillati fil-vapuri u mgħarrqin fil-baħar, ftit minnhom lejn il-majjistral taʼ l-Irlanda taʼ Fuq. Ix-xjenzati Russi wissew li dan il-materjal issa jinsab fil-periklu li jnixxi mill-vapuri.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
IT-TINĠIS FL-ARJA JOQTOL
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li bejn 5 u 6 fil-mija mill-imwiet madwar id-dinja kull sena huma kaġunati mit-tinġis fl-arja. Biss biss f’Ontario, il-Kanada, huwa rapportat li ċ-ċittadini jonfqu iktar minn biljun dollaru kull sena fi spejjeż taʼ saħħa u minħabba li n-nies ma jmorrux ix-xogħol għal tul taʼ żmien kaġun tat-tinġis fl-arja.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
SKOLLIJIET TAL-QROLL QED IMUTU
Xi sajjieda fix-Xlokk taʼ l-Asja jużaw taħlita biċ-ċjanur biex jistordu lill-ħut, sabiex ikunu jistgħu jaqbduh faċilment. Il-velenu joħroġ ’il barra mis-sistema tal-ħuta, u għalhekk il-ħuta tkun tistaʼ tittiekel. Madankollu, il-kimika tossika tibqaʼ fl-ilma baħar u toqtol l-iskollijiet tal-qroll.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
GĦANDEK TILBES MASKRA BĦAL TAL-KIRURGI?
Ir-rivista Asiaweek tirrapporta li ħafna mill-arja mniġġsa fil-bliet taʼ l-Asja ġejja mid-duħħan tal-karozzi. Il-magni diesel u dawk tal-muturi spiss huma l-iktar li jikkaġunaw tinġis, għaliex jitfgħu ammont kbir taʼ partiċelli żgħar ħafna fl-arja. Dawn jikkaġunaw ħafna problemi tas-saħħa. L-istess rivista tirrapporta: “It-Tabib Chan Chang-chuan, li fit-Tajwan huwa l-espert ewlieni taʼ l-effetti tat-tinġis, jgħid li d-dħaħen tad-diesel jikkaġunaw il-kanċer.”
Xi nies fi bliet Asjatiċi jilbsu l-maskri bħal tal-kirurgi biex jipprovaw jipproteġu lilhom infushom. Jipproteġuhom dawn il-maskri? It-Tabib Chan jgħid: “Dawn il-maskri m’humiex effettivi. Ħafna mit-tinġis ikun forma taʼ gassijiet jew partiċelli li tant ikunu żgħar li sempliċi maskra ma ssaffix dawn il-partiċelli. Barra minn hekk, . . . ma jżommux l-arja milli tidħol. Allura dawn iservu biss biex in-nies jaħsbu li taparsi huma protetti.”
[Stampa f’paġna 7]
Foresta terġaʼ tinżeraʼ bħala għajnuna biex jiġi salvat l-ambjent
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 8]
AFP/Getty Images; xellug fuq: Published with the permission of The Trustees of the Imperial War Museum, London (IWM H 42208); lemin fuq: Howard Hall/howardhall.com