Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?

Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?

“Ridt l-​individwalità tiegħi, imma dejjem ħassejt li ridt naġixxi skond ir-​reputazzjoni taʼ ħuti. Ħassejt li qatt ma stajt nagħmel l-​affarijiet li għamlu ħuti.”​—Clare.

GĦANDEK ħuk jew oħtok li donnhom jirnexxu f’kulma jagħmlu? Il-​ġenituri tiegħek dejjem iħeġġuk biex tkun bħalhom? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tibżaʼ li se tkun dejjem imqabbel magħhom—li l-​valur tiegħek dejjem se jitqies skond kemm jirnexxilek twettaq l-​affarijiet li wettqu ħutek.

Barry * għandu żewġ ħutu akbar minnu li t-​tnejn li huma ggradwaw mill-​iskola rispettata ferm tat-​Taħriġ Ministerjali * u għandhom reputazzjoni eċċellenti bħala Kristjani. Barry jammetti: “Ma tantx kelli fiduċja fija nnifsi, peress li ħassejt li qatt ma stajt nilħaq il-​livelli tagħhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jew inkun tajjeb daqshom meta nitkellem fil-​pubbliku. Sibtha diffiċli biex nagħmel ħbieb għalija nnifsi għaliex kont dejjem immur maʼ ħuti meta xi ħadd jistidinhom biex joħorġu. Ħassejt li n-​nies kienu dħulin miegħi sempliċement minħabba ħuti.”

Huwa diffiċli biex ma tgħirx meta jkollok ħutek li ħaddieħor spiss ifaħħarhom. Fi żminijiet Bibliċi ż-​żagħżugħ Ġużeppi spikka fost ħutu. X’effett kellu dan fuq ħutu? “Saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-​sliem.” (Ġenesi 37:​1-4) M’għandniex xi ngħidu, Ġużeppi kien modest. Imma forsi ħutek iqanqlu fik spirtu taʼ kompetizzjoni u jirritawk billi l-​ħin kollu jfakkruk f’dak li rnexxielhom jagħmlu.

Xi żgħażagħ jirreaġixxu għal dan kollu billi jirribellaw—forsi billi apposta jġibu marki baxxi l-​iskola, inaqqsu s-​sehem tagħhom fl-​attivitajiet Kristjani, jew iġibu ruħhom b’mod li jaħsdek. Għandhom mnejn jaħsbu li jekk ma jistgħux imorru tajjeb daqs ħuthom, għalxejn jipprovaw. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, ir-​ribelljoni se tagħmillek biss ħsara. Kif tistaʼ ma tibqax titqabbel maʼ ħutek b’tali mod li tibda tħossok tajjeb dwarek innifsek ?

Tqegħedhomx fuq Pedestall

Meta tara l-​attenzjoni kollha li jingħataw ħutek għandek mnejn tibda temmen li huma perfetti u li int qatt u qatt ma tistaʼ tkun bħalhom. Imma huwa minnu dan? Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “Il-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.”​—Rumani 3:23.

Iva, huma x’inhuma l-​abbiltajiet jew it-​talenti taʼ ħutek, xorta waħda huma bnedmin li għandhom l-​istess dgħjufijiet bħalma għandna aħna. (Atti 14:15) M’għandekx għalfejn tpoġġihom fuq pedestall jew tagħmilhom idoli. L-​uniku bniedem li qatt tana eżempju perfett hu Ġesù Kristu.—1 Pietru 2:21.

Tgħallem Minnhom!

Wara dan, ipprova ara s-​sitwazzjoni tiegħek bħala esperjenza li tistaʼ titgħallem minnha. Per eżempju, ikkunsidra lil ħut Ġesù Kristu. (Mattew 13:​55, 56) Immaġina kemm setgħu jitgħallmu minn ħuhom li kien perfett! Minkejja dan, “anqas ħutu ma emmnu fih.” (Ġwanni 7:5) Forsi l-​kburija u l-​għira ma ħallewhomx ipoġġu fidi fih. Kienu l-​aħwa spiritwali taʼ Ġesù—id-​dixxipli tiegħu—li wieġbu għall-​istedina ġeneruża tiegħu: “Tgħallmu minni.” (Mattew 11:29) U kien biss wara li Ġesù ġie rxoxtat li ħutu naturali fl-​aħħar bdew japprezzaw lil Ġesù. (Atti 1:14) Qabel dan, huma tilfu l-​ħafna opportunitajiet tad-​deheb biex jitgħallmu minn ħuhom li tant kien jispikka.

Kajjin għamel żball simili. Ħuh, Abel, kien qaddej li jispikka t’Alla. Il-​Bibbja tgħid li “lMulej ħares [b’approvazzjoni] lejn Abel u l-​offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:4) Però, għal xi raġuni, “lejn Kajjin u lejn l-​offerta tiegħu [Alla] ma ħarisx” b’approvazzjoni. Kajjin setaʼ umilja ruħu u tgħallem minn ħuh. Minflok, “Kajjin għalhekk saħan sewwa” u spiċċa biex qatel lil ħuh.—Ġenesi 4:​5-8.

Mhux li int se tispiċċa biex tirrabja daqshekk maʼ ħutek. Imma int ukoll għandek mnejn titlef opportunitajiet prezzjużi jekk tħalli l-​kburija u l-​għira jfixkluk. Jekk għandek lil xi ħadd minn ħutek li jmur tajjeb ħafna fil-​matematika, jitgħallem l-​istorja malajr, jaf jilgħab sew l-​isport favorit tiegħek, għandu għarfien li jispikka mill-​Iskrittura, jew imur tajjeb fit-​taħditiet fil-​pubbliku, trid tiġġieled kontra l-​għira! Wara kollox, ‘l-​għira tħassar l-​għadam’ u tistaʼ biss tagħmillek il-​ħsara. (Proverbji 14:30; 27:4) Minflok ma toqgħod tirrabja, ipprova tgħallem minn ħutek. Aċċetta l-​fatt li huma għandhom xi abbiltajiet jew talenti li int m’għandekx. Osserva l-​mod kif jagħmlu l-​affarijiet—jew saħansitra aħjar, itlob l-​għajnuna.

Barry, li semmejna qabel, ibbenefika mill-​eżempju tajjeb li tawh ħutu. Hu jgħid: “Rajt kemm ħuti kienu kuntenti għaliex kienu lesti li jgħinu lin-​nies fil-​kongregazzjoni u fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Allura, iddeċidejt li nsegwi l-​eżempju taʼ ħuti, u involvejt ruħi fix-​xogħol tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna u tad-​djar Betel. L-​esperjenza li ksibt tatni l-​fiduċja fija nnifsi u għenitni nkabbar ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah.”

Sib Fiex Int Tajjeb

Forsi tibżaʼ li jekk timita l-​kwalitajiet tajbin taʼ ħutek mhux se jkollok l-​individwalità tiegħek. Imma mhux neċessarjament se jkun hekk. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu: “Ixbhu lili.” (1 Korintin 4:16) Ifisser dan li Pawlu ma riedx li jkollhom l-​individwalità tagħhom? Lanqas xejn. Hemm ħafna affarijiet li fihom tistaʼ tvarja. Jekk m’intix tajjeb fil-​matematika daqs xi ħadd minn ħutek ma jfissirx li għandek xi difett. Ifisser sempliċement li int differenti.

Pawlu jagħti dan il-​parir prattiku: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u [“ma jqabbilx lilu nnifsu ma’,” NW] ħaddieħor.” (Galatin 6:4) Għax ma taħdimx biex tipprova tiżviluppa t-​talenti u l-​abbiltajiet tiegħek stess? Tistaʼ tibda tħossok aħjar dwarek innifsek jekk tipprova titgħallem xi lingwa barranija, iddoqq xi strument mużikali, jew tuża l-​kompjuter, u b’dan il-​mod tistaʼ wkoll titgħallem abbiltajiet siewja. Toqgħodx tinkwieta dwar li tagħmel kollox perfett! Tgħallem kif tagħmel l-​affarijiet bir-​reqqa, u b’mod effiċjenti. (Proverbji 22:29) Forsi ma tantx tiġik naturali li tagħmel xi ħaġa, imma “min hu bieżel jimxi ’l quddiem,” jgħid Proverbji 12:24.—Korsiv tagħna.

Però, l-​iktar ħaġa li għandek tkun trid tikkultiva hi l-​iżvilupp spiritwali tiegħek. L-​abbiltajiet spiritwali tiegħek għandhom valur li jdum ħafna iktar minn kwalunkwe talent li jistaʼ jiġbed iktar l-​attenzjoni taʼ l-​oħrajn. Ikkunsidra t-​tewmin Għesaw u Ġakobb. Għesaw qalaʼ ħafna tifħir mingħand missieru għaliex kien “kaċċatur tas-​sengħa, raġel tar-​rabaʼ.” Għall-​ewwel, setaʼ kien faċli li ħuh Ġakobb jitwarrab għaliex kien “raġel kwiet, jgħix fl-​għerejjex.” (Ġenesi 25:27) Għesaw naqas li jiżviluppa l-​ispiritwalità tiegħu u tilef ħafna barkiet. Ġakobb ikkultiva l-​imħabba tiegħu għall-​affarijiet spiritwali u Jehovah bierku bil-​kbir. (Ġenesi 27:​28, 29; Lhud 12:​16, 17) X’tagħlima għandek tieħu? Żviluppa l-​ispiritwalità tiegħek, ħalli ‘d-​dawl tiegħek jiddi’ u “kulħadd [se] jara li int miexi ’l quddiem.”—Mattew 5:16; 1 Timotju 4:15.

Clare, li semmejnieha qabel, tgħid: “Kont kuntenta li l-​attenzjoni kienet taqaʼ fuq ħuti l-​kbar. Imma mbagħad iddeċidejt li nsegwi l-​parir Skritturali biex ‘niftaħ qalbi beraħ’ fl-​imħabba tiegħi. Ħdimt fil-​ministeru taʼ l-​għalqa maʼ diversi wħud fil-​kongregazzjoni tiegħi, u fittixt modi prattiċi kif ngħin lil dawk li huma fil-​bżonn fil-​kongregazzjoni. Stidint ukoll lil diversi aħwa taʼ etajiet differenti biex jiġu d-​dar għand il-​familja tiegħi u sajjartilhom. Illum ingawdi l-​kumpanija taʼ ħafna iktar ħbieb, u għandi iktar fiduċja fija nnifsi.”—2 Korintin 6:13.

Kultant il-​ġenituri tiegħek jagħmlu l-​iżball li jwissuk biex tkun iktar bħal ħutek. Imma jekk iżżomm f’moħħok li huma jagħmlu dan għax jixtiqulek il-​ġid, tkun tistaʼ ttaffi l-​uġigħ li tħoss. (Proverbji 19:11) Madankollu, jistaʼ jkun tajjeb li bir-​rispett kollu tgħid lill-​ġenituri tiegħek kif tħossok meta joqogħdu jqabbluk maʼ ħutek b’dan il-​mod. Forsi jipprovaw isibu modi oħra kif jesprimu t-​tħassib tagħhom lejk.

Qatt tinsa li Alla Jehovah stess jinnotak jekk int taqdih. (1 Korintin 8:3) Barry jiġbor kollox billi jgħid: “Inħoss li iktar ma ndum naqdi lil Jehovah iktar inkun ferħan. In-​nies issa jħarsu lejja bħala individwu u japprezzawni, bħalma japprezzaw lil ħuti.”

[Noti taʼ taħt]

^ par. 5 Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 5 Imħejjija mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 25]

Huma ħutek spiss iċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni?

[Stampa f’paġna 26]

Eżamina t-​talenti tiegħek stess u dak li jinteressak

[Stampa f’paġna 26]

Ħalli ‘d-​dawl tiegħek jiddi’ billi tiżviluppa l-​abbiltajiet spiritwali tiegħek