Kif Tistaʼ Tirreżisti Xewqat Ħżiena?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
Kif Tistaʼ Tirreżisti Xewqat Ħżiena?
“Meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin.”—Rumani 7:21.
X’AKTARX iktar minn kull appostlu ieħor, Pawlu stinka biex jinkuraġġixxi lil nies oħrajn jimxu fuq il-prinċipji għoljin tal-Kristjanità. (1 Korintin 15:9, 10) Madankollu, hu kien onest u għamel din l-istqarrija t’hawn fuq. Kellu taqbida kontinwa bejn moħħu u x-xewqat ħżiena tiegħu. Qatt ħassejtek kif ħassu l-appostlu Pawlu? Tabilħaqq, bħala ħlejjaq imperfetti, min minna qatt ma ġarrab din it-taqbida ġewwinija?
Għal ħafna wħud, il-ġlieda biex jegħlbu x-xewqat ħżiena hija kbira immens. Xi wħud jissieltu kontra xenqiet għal sodisfazzjon sesswali immorali. Oħrajn ma jistgħux jeħilsu mill-vizzju tal-logħob tal-flus, tas-sigaretti, tad-drogi illegali, jew tax-xorb. Meta niġu turmentati b’xewqat maħmuġin u li jagħmlu l-ħsara, kif nistgħu nirreżistuhom? X’għajnuna nistgħu nirċievu? Qatt se tispiċċa l-ġlieda kontra x-xewqat ħżiena?
L-Imħabba—Il-Fattur Importanti biex Nirreżistu Xewqat Ħżiena
Ġesù enfasizza l-akbar żewġ kmandamenti fil-Liġi Mosajka. L-ewwel wieħed kien dan: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Jekk aħna nħobbu lil Alla kif Ġesù qal li rridu nagħmlu, mhux li nogħġbu Lilu għandha tkun l-akbar xewqa tagħna? Jekk inhu hekk, din ix-xewqa ġusta tistaʼ tgħinna niġġieldu anki kontra l-iktar xewqat ħżiena u diffiċli biex negħlbuhom! Din m’hijiex xi idea fit-teorija biss. Miljuni taʼ Kristjani jirnexxilhom jiġġieldu kontra xewqat ħżiena kull ġurnata li tgħaddi. Kif tistaʼ trawwem ġibda daqshekk qawwija lejn Alla? Billi timmedita bi gratitudni fuq it-tjubija tiegħu bħalma narawha fil-ħolqien tiegħu, fil-Bibbja, u bil-mod kif jimxi maʼ kull wieħed u waħda minna.—Salm 116:12, 14; 119:7, 9; Rumani 1:20.
It-tieni l-akbar kmandament li semma Ġesù kien: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) L-appostlu Pawlu qal li l-imħabba “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq” u “ma tfittixx dak li hu tagħha.” Imħabba bla egoiżmu bħal din tistaʼ b’hekk tgħinna nevitaw kull kondotta li tweġġaʼ lil ħaddieħor. (1 Korintin 13:4-8) Kif nistgħu rrawmuha din l-imħabba? Billi npoġġu lilna nfusna fiż-żarbun taʼ ħaddieħor u b’mod sinċier nuru li jimpurtana minn kif iħossuhom u li nixtiqulhom dejjem il-ġid.—Filippin 2:4.
X’Għajnuna Nistgħu Nirċievu?
Ladarba Alla jifhem kemm huwa diffiċli għalina li nagħmlu dak li hu tajjeb, hu pprovda għajnuna b’diversi modi. Permezz tal-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja, jgħallimna nobogħdu l-ħażin u niżviluppaw rispett xieraq lejh. (Salm 86:11; 97:10) Fil-Bibbja nsibu rakkonti taʼ veru li juru x’riżultat diżastruż ikun hemm meta wieħed iċedi għal xewqat ħżiena. Flimkien maʼ dan, Ġesù qal li jekk nitolbu għalih, Alla se jagħtina l-ispirtu qaddis Tiegħu, l-akbar forza fl-univers. (Luqa 11:13) Dan jistaʼ jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Provvediment ieħor huwa l-appoġġ u l-inkuraġġiment reċiproku li nistgħu nirċievu mingħand Kristjani oħrajn li wkoll qed jirreżistu xewqat ħżiena. (Lhud 10:24, 25) Hekk kif dawn l-influwenzi pożittivi jieħdu post dawk negattivi, nirċievu għajnuna fit-taqbida tagħna biex nagħmlu t-tajjeb. (Filippin 4:8) Jaħdem verament dan il-metodu?
Ejja nieħdu lil Fidel, li fil-komunità tiegħu kien magħruf bħala sakranazz. Waqt li kien ikun taħt l-effett tax-xorb, hu kien ipejjep, jilgħabhom, u jiġġieled m’oħrajn. L-istudju tiegħu tal-Bibbja u s-sħubija max-Xhieda taʼ Jehovah għenuh jegħleb dawn il-vizzji. Issa qed igawdi ħajja ħafna aħjar flimkien maʼ martu u ż-żewġt itfal tiegħu.
Xi ħadd jistaʼ jistaqsi, ‘Imma x’jiġri jekk nerġaʼ naqaʼ?’ L-appostlu Ġwanni ddiskuta din il-possibbiltà. Hu kiteb: “Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.” (1 Ġwanni 2:1, 2) Iva, is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jgħatti l-iżbalji taʼ persuna li tindem u li b’mod sinċier tistinka biex tinbidel sabiex togħġob lil Alla. Meta nqisu dan il-provvediment, x’raġuni valida jibqagħlu xi ħadd biex jaqtaʼ qalbu fil-ġlieda ħalli jagħmel it-tajjeb?
Ix-Xewqat Ħżiena Se Jiġu Mirbuħin
Jekk niżviluppaw imħabbitna għal Alla u għal għajrna u nieħdu vantaġġ mill-għajnuna t’Alla, nistgħu nirnexxu saħansitra issa fit-taqbida tagħna kontra x-xewqat ħżiena. Barra minn hekk, il-Kelma t’Alla tiżgurana li din it-taqbida mhix se tibqaʼ sejra għal dejjem. Fil-futur qarib, dawk li jieħdu vantaġġ mill-provvedimenti spiritwali t’Alla se jfiqu għalkollox, kemm fiżikament u kemm spiritwalment. (Apokalissi 21:3-5; 22:1, 2) Se jinħelsu mill-piż tad-dnub u l-mewt li jġib miegħu. Mill-banda l-oħra, dawk li jwebbsu rashom u jaġixxu skond xewqat maħmuġin u taʼ ħsara m’humiex se jibbenefikaw minn dawn il-barkiet.—Apokalissi 22:15.
X’faraġ inħossu għall-fatt li nafu li mhux se nibqgħu niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena għal min jaf kemm żmien. Dawn se jitneħħew għalkollox u darba għal dejjem. X’serħan se jkun dan!