Kif l-Art Se Tiġi Salvata
Kif l-Art Se Tiġi Salvata
MINKEJJA l-futur ikrah li qed jiffaċċja l-ambjent taʼ l-art, aħna nixtiequ li jsalva. Wara kollox, din hi darna—u nittamaw li tkun ukoll dar uliedna u wlied uliedna. Hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex insaħħu dan il-prospett?
Il-verità hi li, għalkemm ħafna nies jinkwetaw dwar l-ambjent, ħafna ma jimpurtahomx meta jarmu ż-żibel maʼ l-art, jarmu l-ħmieġ f’xi xmara, jew iħallu d-dawl mixgħul meta ma jkunux qed jużawh. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jidhru bħala insinifikanti, imma jekk kull wieħed mill-biljuni taʼ nies li hawn fuq l-art joqgħod attent kif jittratta l-art, l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Meta dak li jkun jikkontrolla l-użu taʼ l-enerġija elettrika, jikkoopera mal-programmi tar-riċiklaġġ, u jarmi ż-żibel kif suppost, ikun qed jgħin biex jippreserva l-ambjent. Bid-drawwiet tagħna nistgħu nuru kemm nieħdu ħsieb l-art minn issa.
Xorta waħda, ma nistgħux nikkontrollaw l-azzjonijiet taʼ ħafna min-nies taʼ madwarna. Ifisser dan li s-sitwazzjoni hija bażikament bla tama?
Soluzzjoni Aqwa Dalwaqt
Kumment minn Thilo Bode taʼ l-organizzazzjoni Greenpeace, kif ġie kwotat fir-rivista Time, jolqot il-musmar fuq rasu dwar il-problema taʼ l-ambjent: “Il-mira prinċipali tagħna minn dejjem kienet li nikkunsidraw kif il-prodotti tal-korporazzjonijiet għandhom jintremew. Dawn iridu jaħsbu fi tliet proċessi: il-produzzjoni, l-użu u kif jintrema.” B’sogħba, aħna kapaċi nipproduċu l-affarijiet, nafu nużawhom, imma ma narmuhomx kif suppost. F’ċerti każi l-bnedmin ma jafux kif jagħmlu dan mingħajr ma jikkaġunaw ħsara.
Il-bnedmin huma limitati, imma l-Ħallieq taʼ l-art m’huwiex. Fil-ħolqien li naraw fuq l-art hu diġà wera l-għerf tiegħu li jisboq kull għerf ieħor. Hu jaf kif jagħmel, juża, u jarmi l-affarijiet kif suppost. Ħafna mis-sistemi li għamel huma awtomatiċi. Iż-żerriegħa tinbet,
u pjanta tikber u tipproduċi l-frott. Imbagħad tmut—bl-elementi kollha tagħha li jiddeterjoraw mingħajr ma jniġġsu, bil-lest biex jerġgħu jintużaw. Din hi l-aqwa sistema taʼ riċiklaġġ! Ma tagħmel ebda tinġis tossiku!Il-Ħallieq ma jridx iħalli l-art tmur lura sakemm tispiċċa miżbla li ħadd ma jistaʼ jgħix fiha. Fil-Bibbja, f’Isaija 45:18, naqraw: “Dan jgħid il-Mulej . . . ; Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha.”
Jekk Alla sawwar l-art biex tkun abitata, għala ħallieha tasal f’din il-qagħda kritika? Il-Bibbja tispjega li l-bniedem fil-bidu tqiegħed f’ġenna. Fil-fatt, Alla kellu l-iskop li din il-Ġenna tinfirex sa truf l-art u timtela bin-nies. (Ġenesi 1:28) Madankollu, qamet ir-ribelljoni. L-ewwel raġel u mara ma ridux jibqgħu sottomessi għall-ħakma t’Alla.
Alla ħalla lill-bnedmin jipprovaw jaħkmu kif iridu huma. Ir-riżultati huma dawk li naraw illum, falliment diżastruż. Il-bnedmin urew biċ-ċar li ma jistgħux isolvu l-problemi. Ma nistgħux inwaħħlu f’Alla għal dak li ġara. Dak li tgħid il-Bibbja huwa minnu dwar is-soċjetà umana kollha: “Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, għajb għalihom; nisel taʼ inkwiet u għawġ.”—Dewteronomju 32:5.
Minkejja dan, Alla m’għalaqx għajnejh għall-ħsara li qed issir lill-art. Hu se jaġixxi qabel ma jkun tard wisq, qabel ma l-art issir ħerba li ma tistax tkun abitata. Dan kif nafuh? Apokalissi 11:18 jispjega: “Il-ġnus imtlew bil-korla, imma l-korla tiegħek ġiet u wasal iż-żmien li . . . jinqerdu dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.” Il-ħsara li qed issir lill-art se titwaqqaf.
L-iskop oriġinali t’Alla għall-art, dak li ssir ġenna, xorta se jitwettaq. Alla wera dan b’dak li qal. Per eżempju, hu qal: “Kelmti . . . toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili.” (Isaija 55:11) Għandek mnejn tieħu gost taqra Isaija kapitlu 35, fejn Alla jispjega kif il-pajjiżi rvinati se jinbidlu f’parkijiet qishom ġonna u għelieqi kollhom frott.
Anki issa, meta jitwaqqaf it-tinġis, l-art turi li hija kapaċi ġġedded lilha nfisha b’mod taʼ l-għaġeb. Alla ħalaqha b’dan il-mod. Jekk l-art ma tibqax tiġi invażata b’affarijiet li jniġġsuha, varjetà kbira taʼ ħlejjaq żgħar ħafna fl-ilma u l-ħamrija jistgħu jdewwu ħafna mill-ħsara li diġà saret. Barra minn hekk, għandna għalxiex nemmnu li la jindaħal Alla u jmexxi hu, dan it-tiġdid se jkun saħansitra iktar effettiv. Hu jistaʼ jipprovdi t-taħriġ u d-direzzjoni perfetta li m’għandhomx bħalissa l-bnedmin.
Għalhekk, il-futur taʼ l-art m’huwiex bla tama. L-annimali u l-pjanti se jsalvaw. Mhux se jibqaʼ jkollna listi taʼ l-ispeċi li huma fil-periklu. L-arja u l-ilma tagħna se jerġgħu jsiru nodfa. Il-bnedmin ubbidjenti se jkunu hemm biex igawdu dan kollu. Tixtieq tarah iseħħ dan? Tistaʼ. Kif? Il-Bibbja tgħidlek x’għandek tagħmel. Għax ma teżaminax il-Bibbja b’mod konsistenti biex tiskopri kif? Staqsi lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista biex jgħinuk tikkuntattja lil xi ħadd li jistaʼ jgħinek tibda. Għala għandek titlef l-opportunità li titgħallem kif int u l-familja tiegħek se tgawdu għal dejjem ambjent nadif għalkollox?