Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta t-Tfal Ikollhom id-Deni

Meta t-Tfal Ikollhom id-Deni

Meta t-​Tfal Ikollhom id-​Deni

“Ma niflaħx!” Meta xi ħadd minn uliedek jgħidlek hekk b’leħen imdejjaq, x’aktarx li tiċċekkja minnufih jekk għandux deni. U wieħed jistaʼ jifhem kif tibda tinkwieta malli ssiblu ħajta deni.

Skond studju li sar miċ-​Ċentru tat-​Tfal taʼ Johns Hopkins f’Baltimore, Maryland, fl-​Istati Uniti, 91 fil-​mija mill-​ġenituri intervistati kienu jaħsbu li “anki deni ħafif jistaʼ jikkaġuna mill-​inqas effett wieħed taʼ ħsara, bħal aċċessjonijiet jew ħsara fil-​moħħ.” L-​istess studju juri li “89 fil-​milja mill-​ġenituri taw lil uliedhom mediċini li jniżżlu d-​deni qabel ma t-​temperatura tat-​tfal tagħhom laħqet il-​102 gradi Fahrenheit (38.9 grad Celsius).”

Eżattament, kemm għandek tinkwieta meta wliedek jitlgħalhom id-​deni? U x’inhuma l-​aħjar modi taʼ kura?

L-​Irwol Importanti tad-​Deni

Kif jitlaʼ d-​deni? Għalkemm il-​medja tat-​temperatura normali tal-​ġisem hija madwar 37 grad Celsius (meta titkejjel mill-​ħalq), normalment it-​temperatura taʼ persuna tvarja matul il-​ġurnata bi grad wieħed jew iktar. * B’hekk, it-​temperatura tiegħek tistaʼ tkun iktar baxxa fil-​għodu u ogħla minn hekk tard wara nofsinhar. L-​ipotalamu, li jinsab fil-​bażi tal-​moħħ, jirregola t-​temperatura tal-​ġisem, simili ħafna għal kif jagħmel termostat. Id-​deni jitlaʼ meta s-​sistema taʼ l-​immunità jkollha invażjoni taʼ batterji jew viruses. Mid-​dehra, din tirreaġixxi billi tipproduċi sustanzi piroġeniċi fid-​demm, jiġifieri li jnaqqsu d-​deni. Dan jikkaġuna lill-​ipotalamu biex “jissettja” t-​temperatura għal livell ogħla.

Filwaqt li d-​deni jistaʼ joħloq xi wġigħ ħafif u telf taʼ ilma mill-​ġisem (dehydration), dan ma jfissirx li bilfors jagħmel il-​ħsara. Fil-​fatt, skond il-​Fondazzjoni taʼ Mayo għall-​Edukazzjoni u r-​Riċerka Medika, donnu jidher li d-​deni għandu rwol importanti biex jgħin lill-​ġisem jeħles minn infezzjonijiet kaġunati minn batterji u viruses. “Il-​viruses li jikkaġunaw irjiħat u infezzjonijiet respiratorji oħrajn jippreferu temperaturi baxxi. Billi jipproduċi ftit deni, ġismek jistaʼ fil-​fatt ikun qiegħed jgħin biex ineħħi l-​virus.” B’hekk, din il-​fondazzjoni tkompli tgħid li “f’każ taʼ ftit deni m’huwiex neċessarju li jitniżżel għax dan jistaʼ jfixkel il-​mekkaniżmu naturali taʼ fejqan li għandhom it-​tfal.” Taʼ interess, fil-​Messiku hemm sptar fejn it-​tobba saħansitra jikkuraw ċertu mard billi jgħollu t-​temperatura tal-​ġisem, kura li tissejjaħ ipertermija.

It-Tabib Al Sacchetti, mill-​Kulleġġ Amerikan tat-​Tobba f’Każ t’Emerġenza, jgħid: “Id-​deni nnifsu rari joħloq problema. Madankollu, dan ikun sinjal li hemm xi infezzjoni. Għaldaqstant, meta t-​tfal ikollhom id-​deni, l-​attenzjoni għandha tkun fuq it-​tfal, u l-​infezzjoni li jistaʼ jkun hemm, u mhux fuq kemm qed timmarka l-​ħġieġa tad-​deni.” L-​Akkademja Amerikana tal-​Pedjatrija tinnota: “Ġeneralment m’hemmx għalfejn tingħata kura f’każ taʼ deni taħt il-​101 grad Fahrenheit (38.3 grad Celsius) ħlief jekk it-​tfal qed iħossuhom ma jifilħux jew tawhom xi aċċessjonijiet fil-​passat. Anki f’każ taʼ temperaturi ogħla minn hekk ma jfissirx li hemm il-​periklu jew xi ħaġa serja, ħlief meta t-​tfal tawhom xi aċċessjonijiet fil-​passat jew inkella għandhom xi marda kronika. Huwa iktar importanti li tosserva l-​imġiba tat-​tfal. Jekk dawn qed jieklu u jorqdu sew, u jqattgħu perijodi taʼ ħin jilagħbu, x’aktarx li m’għandhom bżonn l-​ebda kura.”

X’Tistaʼ Tagħmel Meta Jitlaʼ Ftit Deni

Dan ma jfissirx li ma tistaʼ tagħmel xejn biex tgħin lil uliedek. Xi esperti mediċi jirrikkmandaw li tagħmel dawn l-​affarijiet meta xi ħadd mit-​tfal jitlagħlu ftit deni: Żomm il-​kamra tat-​tifel friska b’mod pjaċevoli. Libbsu ħafif. (Sħana żejda tistaʼ żżid id-​deni.) Ħeġġeġ lit-​tifel biex jixrob iktar mis-​soltu, bħal per eżempju ilma, meraq tal-​frott miżjud bl-​ilma, u brodu, għax id-​deni jistaʼ jikkaġuna telf taʼ ilma mill-​ġisem. * (Xorb li jkun fih il-​kafeina, bħal luminati bil-​gass jew te fermentat qabel ma jiġi mnixxef, huwa dijuretiku u jistaʼ jikkaġuna iktar telf taʼ ilma.) It-​trabi għandhom jibqgħu jitreddgħu. Evita ikel tqil għall-​istonku, għax id-​deni jnaqqas l-​attività taʼ l-​istonku.

Meta t-​tfal jitlgħalhom id-​deni iktar minn 38.9 grad Celsius, ġeneralment jistgħu jingħataw mediċini li jinxtraw mingħajr ir-​riċetta tat-​tabib. Dawn il-​mediċini, bħal parasetamol jew ibuprofen, iservu biex jinżel id-​deni. Madankollu, huwa importanti li wieħed jimxi mad-​doża indikata fuq it-​tikketta. (Tfal taħt is-​sentejn m’għandhom jingħataw l-​ebda mediċina mingħajr il-​parir taʼ tabib.) Il-​mediċini li jniżżlu d-​deni ma jaħdmux kontra l-​virus li jkun hemm. Għalhekk, dawn ma jgħaġġlux il-​proċess taʼ fejqan minn xi riħ jew mard ieħor bħal dan, imma jistgħu jtaffu l-​uġigħ ħafif li jkun hemm. Xi esperti jirrikkmandaw li l-​aspirina m’għandhiex tingħata lil tfal taħt is-​16-il sena biex jinżlilhom id-​deni, għax sabu li din għandha x’taqsam mas-​sindromu taʼ Reye—marda li tistaʼ tkun taʼ periklu kbir għall-​ħajja. *

Id-deni jistaʼ jitniżżel ukoll billi xxarrab lit-​tifel bi sponża. Poġġi lit-​tifel fi friskatur bi ftit ċentimetri ilma fietel, u oqgħod xarrbu bi sponża. (Tużax xi tip taʼ alkoħol biex togħroklu ġismu, għax dan jistaʼ jkun velenuż.)

Il-kaxxa f’dan l-​artiklu fiha xi tagħrif utli dwar meta wieħed għandu mnejn jiddeċiedi li jġib it-​tabib. Il-​kura medika hija importanti b’mod speċjali għal xi ħadd li jgħix fi nħawi fejn jeżisti ħafna mard kiefer bħad-​dengue, il-​virus taʼ l-​Ebola, it-​tifojde, jew id-​deni tas-​suffejra.

Ġeneralment, allura, l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tkun żgura li t-​tifel jew t-​tifla qed tħossha ftit aħjar. Ftakar li huwa rari li d-​deni tant jitlaʼ li jikkaġuna ħsara fis-​sistema nervuża jew mewt. Għalkemm dak li jkun jinkwieta, ġeneralment anki l-​aċċessjonijiet minħabba d-​deni ma jikkaġunawx effetti fit-​tul.

M’għandniex xi ngħidu, il-​prevenzjoni hija l-​aqwa kura, u wieħed mill-​iktar modi effettivi kif tipproteġi lil uliedek mill-​infezzjonijiet huwa billi tgħallimhom dwar l-​indafa. It-​tfal għandhom jiġu mgħallmin jaħslu idejhom spiss—speċjalment qabel jieklu, wara li jużaw it-​tojlit, wara li jqattgħu xi ħin f’post pubbliku ffollat, jew wara li jmissu xi annimali. Jekk, minkejja l-​isforzi kollha li tagħmel, it-​tfal titlgħalhom ħajta deni, tippanikkjax. Bħalma tgħallimna, hemm ħafna affarijiet x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek jirkupraw.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 6 It-temperatura tistaʼ tvarja skond minfejn jitkejjel id-​deni u t-​tip taʼ termometru li jintuża.

^ par. 10 Ara l-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 t’April, 1995, dwar kif tipprepara taħlita biex iżżid l-​ilma fil-​ġisem u li tistaʼ tintuża f’każijiet taʼ deni flimkien maʼ dijarea jew remettar.

^ par. 11 Is-sindromu taʼ Reye huwa marda serja fis-​sistema nervuża li tistaʼ tiżviluppa fit-​tfal wara xi infezzjoni kaġunata minn virus.

[Kaxxa f’paġna 27]

Ġib it-​Tabib jekk Xi Ħadd mit-​Tfal Għandu d-​Deni u . . .

◼ Għandu tliet xhur jew inqas u t-​temperatura fir-​rektum hija taʼ 38 grad Celsius jew iktar

◼ Għandu bejn tliet u sitt xhur u għandu temperatura taʼ 38.3 grad Celsius jew iktar

◼ Għandu iktar minn sitt xhur u għandu temperatura taʼ 40 grad Celsius jew iktar

◼ Ma jridx jixrob u qed juri sintomi taʼ telf taʼ ilma mill-​ġisem

◼ Tagħtih aċċessjoni jew jidher mitluq ħafna

◼ Jibqaʼ bid-​deni wara 72 siegħa

◼ Ma jistaʼ jieqaf jibki b’xejn jew qed jhewden jew jiddelirja

◼ Telagħlu raxx, qed ibati biex jieħu n-​nifs, għandu d-​dijarea, jew qed jirremetti spiss

◼ Għandu għonqu iebes jew f’daqqa waħda għandu wġigħ taʼ ras qawwi

[Sors]

Sors: L-​Akkademja Amerikana tal-​Pedjatrija