Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mingħand il-Qarrejja

Mingħand il-Qarrejja

Mingħand il-​Qarrejja

L-​Abbuż tad-​Drogi Il-​qoxra taʼ quddiem tal-​ħarġa tat-​8 t’April, 2003 (“L-​Abbuż tad-​Drogi fil-​Familja—Int X’Tistaʼ Tagħmel?”) verament laqtitni. Qed nistudja l-​Bibbja maʼ mara li jisimha Linda. Tnejn minn uliedha għandhom il-​vizzju tad-​droga. L-​għada studjajt din il-​ħarġa magħha—kull paragrafu bid-​dettall. Tgħidx kemm inkuraġġietha u saħħitha! Il-​materjal ġie eżatt f’waqtu.

C. M., Stati Uniti

Jien immexxi servizz taʼ konsultazzjoni li jgħin lill-​familji jiġġieldu kontra l-​vizzju tad-​droga u l-​alkoħoliżmu. Għalkemm jien Kattoliku, inħobb ħafna naqra r-​rivista Stenbaħ! Nixtieq nirringrazzjakom għas-​serje dwar l-​abbuż tad-​drogi fil-​familja. Qrajtha bl-​akbar interess, għaliex se tgħinni f’xogħli maż-​żgħażagħ.

H. C., Ekwador

Kwizzijiet tal-​Bibbja Nixtieq ngħidilkom li nitgħaxxaq bil-​kwizzijiet tal-​Bibbja li tagħmlu. Tgħidx kemm qed nitgħallem minnhom!

R. N., Stati Uniti

Ili ngħallem il-​Bibbja lil uliedi minn meta kienu ċkejknin. Imma issa li kibru, insibha iktar diffiċli biex inqajmilhom l-​interess fl-​affarijiet spiritwali. Allura kont ili nfittex modi kif se ngħinhom. Meta waslitli l-​ħarġa tat-​8 t’April u qgħadt neżamina l-​parti “Tafha t-​Tweġibha?” ġietni idea. Mill-​ewwel addattajt il-​mistoqsijiet għal uliedi, billi tajthom diversi tweġibiet u riedu jagħżlu l-​waħda t-​tajba, u waħħalt il-​mistoqsijiet mal-​ħajt. Għall-​ewwel, ma dehrux interessati, imma wara ftit bdew iwieġbu l-​mistoqsijiet. Issa sirna nitkellmu dwar il-​mistoqsijiet bħala familja.

R. M., Ġappun

“Stenbaħ!” iwieġeb: Il-​kwizz Bibliku “Tafha t-​Tweġiba?” jidher b’ċerti lingwi f’xi ħarġiet taʼ “Stenbaħ!” li ma jkollhomx it-​tisliba.

Is-​Sensi Meraviljużi Għandi 15-il sena u ili naqra r-​rivisti tagħkom minn meta tgħallimt naqra. Grazzi tas-​serje t’artikli “Is-​Sensi Meraviljużi tal-​Ħajja—Int Tapprezzahom?” (8 taʼ Marzu, 2003) L-​artikli affaxxinawni. Grazzi taʼ kemm taħdmu iebes u tagħmlu riċerka għal kull ħarġa taʼ Stenbaħ! Iġri tiġi l-​ħarġa li jmiss!

H. S., Stati Uniti

Dawn l-​artikli verament ġagħluni napprezza kemm aħna komplikati. Bqajt skantata meta sirt naf li t-​tarf tas-​sabaʼ taʼ bniedem jistaʼ jħoss tikka li hi għolja biss tliet mikroni! Jehovah żgur li jimpurtah ħafna mill-​ħolqien tiegħu biex ħa ħsieb daqshekk taʼ xi ħaġa tant żgħira.

E. R., Awstralja

Iż-​Żarbun Grazzi taʼ l-​artiklu “Huwa ż-​Żarbun Tiegħek Verament Komdu?” (8 taʼ Marzu, 2003) Ili s-​snin inbati bi problemi f’saqajja u għamilt diversi operazzjonijiet żgħar fis-​swabaʼ taʼ saqajja. Fl-​aħħar skoprejt li għandi sieq kemm kemm akbar mill-​oħra. Peress li ili snin sħaħ nilbes id-​daqs taʼ żarbun żbaljat, issa qed ikolli nilbes żarbun ortopediku.

R. G., Stati Uniti

Il-​Qerq Nixtieq nesprimi l-​apprezzament tiegħi għall-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Hemm Ħażin fil-​Qerq?” (8 taʼ Frar, 2003) Jien nistudja fl-​università u ili bid-​drawwa li nqarraq mill-​ħames sena skolastika. Minn dejjem kont nitħasseb dwar jekk il-​qerq kienx tajjeb, imma ma stajtx insib tweġiba. Għalhekk dan l-​artiklu huwa verament prezzjuż għalija. Issa se nbiddel l-​imġiba tiegħi mit-​test li jmiss u li bħalissa qed nistudja għalih.

S. Y., Ukraina