Ħarsa Lejn id-Dinja
Ħarsa Lejn id-Dinja
Serqa Mfixkla Permezz taʼ l-Internet
Wieħed raġel fl-Urugwaj jismu Mauricio kien qed jikkomunika maʼ ħabiba tiegħu fil-Brażil fuq l-Internet permezz taʼ kamera tal-kompjuter (webcam). F’daqqa waħda ħabibtu waqfet tkellmu minn fuq il-vidjo biex tmur twieġeb il-bieb. Wara ftit, żewġt irġiel stranġieri dehru fuq il-kamera, u wieħed minnhom kellu arma tan-nar f’idejh. L-imwerwer Mauricio kien qed jara lill-ħallelin—li ma kinux jafu li xi ħadd kien qed jarahom mill-bogħod—waqt li kienu qed jaħtfu l-affarijiet prezzjużi kollha tal-ħabiba tiegħu. Malli ntebaħ x’kien qed jiġri, Mauricio ċempel lil xi ħadd jiġi minnu f’São Paulo. Dan il-qarib avża lill-pulizija, li mbagħad marret u dawret id-dar. Wara li l-ħallelin damu tliet sigħat fid-dar bl-ostaġġi, dawn ċedew l-armi lill-pulizija mingħajr ma weġġgħu lil ħadd.
Id-Differenza bejn il-Bniedem u x-Xadini
Dan l-aħħar ġie analizzat id-DNA tax-ximpanzì u l-orangutani, kif ukoll taʼ ċerti xadini u makakki, u nstab li l-għamla ġenetika tagħhom m’hijiex daqshekk simili għal tal-bniedem daqskemm darba kienu jaħsbu x-xjenzati. “Differenzi kbar, mhux żgħar, fid-DNA jifirdu lix-xadini kemm mill-bnedmin u kemm minn [xadini] oħrajn,” tgħid ir-rivista Ingliża New Scientist. Kelly Frazer mill-kumpanija Perlegen Sciences li għamlet l-analisi, f’Kalifornja, l-Istati Uniti, qalet li hemm ħafna materjal ġenetiku miżjud u ieħor nieqes imxerred fil-kromożoni. In-New Scientist iddeskriviet dawn id-differenzi bħala ‘firda kbira ferm li tissepara lix-xadini minna.’
Trabi Mreddgħin—Iktar Intelliġenti, Iktar f’Saħħithom
“Xi riċerkaturi fi Queensland li studjaw kważi 4000 tifel u tifla fi Brisbane sabu li, b’mod ġenerali, dawk li ġew imreddgħin kellhom IQ ogħla,” tgħid The Daily Telegraph taʼ Sydney, l-Awstralja. Il-Professur Jake Najman mill-Università taʼ Queensland qal li iktar ma l-ommijiet damu jreddgħu, iktar it-tfal kienu intelliġenti. Qal ukoll: “It-tfal li jieħdu l-ħalib taʼ l-omm m’għandhomx biss xi vantaġġ żgħir, imma hemm differenza taʼ xi tmien punti fl-IQ, li huwa vantaġġ kbir mhux ħażin. Hija d-differenza bejn tifel taʼ intelliġenza medja u tifel li hu intelliġenti mhux ħażin.” Vantaġġ wieħed li jistaʼ jkollu l-ħalib taʼ l-omm hu li jistaʼ jgħin inaqqas ir-riskju li t-tfal jeħxienu żżejjed bi 30 fil-mija, jgħid rapport fis-Sunday Telegraph taʼ Sydney. Skond l-ispeċjalista tat-treddigħ Joy Heads, “il-ħalib taʼ l-omm ftit li xejn fih affarijiet li jinħlew, għax il-biċċa l-kbira minnu jintuża għalkollox. Jistaʼ jkollok tarbija mbaċċa u mibruma imma tieħu l-ħalib taʼ l-omm, u għalhekk ma jkollha ebda problema. Imma tarbija ħoxna misqija bil-flixkun għandha ċans akbar li tkun ħoxna żżejjed iktar tard f’ħajjitha.”
Qatt M’Int Kbir Iżżejjed biex Titgħallem
Fin-Nepal, fejn ħafna nies ma jafux jaqraw u jiktbu, wieħed raġel xiħ li huwa nannu taʼ iktar minn 12-il tifel u tifla sar famuż għall-isforzi tiegħu biex jitgħallem. Bal Bahadur Karki, magħruf bħala l-Kittieb Baje, twieled fl-1917 u ġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija. Meta kellu 84 sena, wara li kien ipprova erbaʼ darbiet oħra, hu ħa ċ-ċertifikat tat-tluq mill-iskola. Issa li għandu 86 sena qed jieħu kors f’kulleġġ. Qed jiffoka l-istudji tiegħu fuq l-Ingliż u saħansitra qed jgħallem din il-lingwa lil oħrajn. Il-fatt li jkun maʼ mejda mdawwar biż-żgħażagħ jgħinu jinsa l-età tiegħu u jerġaʼ jħossu żgħir, jgħid hu. L-aħħar darba li mar sal-belt kapitali, Katmandù, hu rċieva xi premjijiet u qalaʼ ċapċip kbir għal dak li wettaq. Hu inkuraġġixxa lil oħrajn biex ma jaqtgħux qalbhom sempliċement għax huma anzjani. Madankollu, il-Kittieb Baje lmenta dwar ħaġa. Hu kellu bilfors jagħmel tlett ijiem mixi biex jaqbad karozza tal-linja għax il-kumpanija taʼ l-ajruplani ma riditx traħħaslu l-biljett u ma kellux biex iħallas għal biljett normali taʼ l-ajruplan. Hu qal lill-gazzetta The Kathmandu Post: “Il-kumpaniji taʼ l-ajru jmisshom iraħħsuli xi ħaġa bħalma jagħmlu lill-istudenti għax jien student ukoll.”
L-Insomnja fl-Italja
Matul is-sena 2002, iktar minn 600 tabib u iktar minn 11,000 pazjent ħadu sehem fl-akbar studju dwar l-insomnja li qatt sar fl-Italja. L-istudju wera li iktar minn 12-il miljun Taljan ibatu mill-insomnja, tgħid il-gazzetta La Stampa. Minn dawk li sar l-istudju fuqhom, 65 fil-mija jbatu min-ngħas taʼ fil-għodu u 80 fil-mija minn ngħas f’xi ħin matul il-ġurnata, u 46 fil-mija jsibuha diffiċli biex jikkonċentraw fuq ix-xogħol. “Dawk li jsuqu jinsabu f’riskju kbir, meta wieħed iqis li 22 fil-mija mill-inċidenti tat-traffiku huma kaġunati min-ngħas,” tgħid il-gazzetta. L-istudju wera wkoll li 67 fil-mija minn dawk li jbatu bl-insomnja qatt ma kellmu t-tabib tagħhom dwar il-problema. Il-koordinatur taʼ l-istudju, Mario Giovanni Terzano, qal li “minn taʼ l-inqas 20 fil-mija minn dawk li għandhom l-insomnja jbatu b’insomnja primarja, li jidher li ma jkun hemm ebda kaġun għaliha.” Madankollu, b’viżta għand it-tabib wieħed jistaʼ jinduna jekk hemmx xi problema fiżika konnessa magħha. Fost affarijiet oħra li jikkaġunaw l-insomnja, qal Terzano, hemm l-ansjetà (24 fil-mija), ġrajjiet stressanti (23 fil-mija), u d-dipressjoni (6 fil-mija).
Il-Moħħ, l-Emozzjonijiet, u s-Saħħa
Dak li jkun għaddej minn moħħna jistaʼ jkollu ħafna iktar effett fuq il-ġisem milli kien maħsub qabel, jinnota rapport fir-rivista Pollakka Wprost. Dan iżid: “Il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet jeffettwaw l-organi u s-sistemi vitali kollha tal-ġisem uman: dawk tan-nervituri, l-immunità, l-ormoni, iċ-ċirkulazzjoni, u r-riproduzzjoni.” Għaldaqstant, jgħid il-Professur Marek Kowalczyk mill-Istitut Militari taʼ l-Iġjene u l-Epidemjoloġija f’Warsaw, “nies li jgħixu ħajjiet stressanti jbatu bl-irjiħat u l-influwenzi darbtejn iktar minn oħrajn.” U n-nisa dipressi, iżid hu, inaqqsu bin-nofs iċ-ċans tagħhom li joħorġu tqal. Wprost jirrapporta wkoll li għalkemm l-istress forsi ma jikkaġunax il-kanċer, dan “jistaʼ jgħaġġel l-iżvilupp taʼ kanċer inattiv.” Ir-rabja wkoll tistaʼ tagħmel ħsara lis-saħħa, għax hu maħsub li nies aggressivi u żorri għandhom iktar ċans li jaqbadhom mard tal-qalb, u dan iżidilhom ir-riskju taʼ xi attakk tal-qalb.
Sistema taʼ Kanen taħt il-Baħar
Ħdejn ix-xatt tal-Gżira taʼ Vancouver fil-Kanada nstab li żewġ vulkani taħt l-ilma kienu qed jaġixxu bħala sistema kbira taʼ kanen taʼ l-ilma taħt qiegħ l-oċean, tirrapporta r-rivista Canadian Geographic. Ix-xjenzati ilhom żmien twil jafu li l-ilma baħar jiċċirkola taħt qiegħ l-oċean. “Il-problema hi li l-biċċa l-kbira minn qiegħ il-baħar m’għandux blat mikxuf li minnu jistaʼ jgħaddi l-ilma,” jispjega Andrew Fisher, idroġeologu fl-Università taʼ Kalifornja f’Santa Cruz. Fisher u l-kollegi tiegħu sabu li l-ilma baħar jinġibed f’muntanja vulkanika fil-baħar li tinfed mit-tafal mhux poruż li jiksi qiegħ l-oċean. L-ilma joħroġ minn muntanja oħra iktar minn 50 kilometru ’l bogħod. Fisher jittama li din l-iskoperta se twassal għal fehma aħjar taʼ l-istruttura kimika taʼ l-ilma baħar kif ukoll taʼ l-organiżmi żgħar li jgħixu fil-qoxra taʼ qiegħ il-baħar.
Taqlib Mentali Fost it-Tfal
“Tnejn u għoxrin fil-mija mit-tfal u l-adolexxenti fi Spanja jbatu minn xi tip taʼ taqlib mentali,” tirrapporta l-gazzetta ABC taʼ Spanja. “L-iktar komuni huma t-taqlib fl-imġiba, l-ansjetà, id-dipressjoni, u t-taqlib konness maʼ l-ikel,” tgħid il-psikjatra tat-tfal María Jesús Mardomingo. Matul dawn l-aħħar 30 sena, l-ispeċjalisti osservaw żjieda notevoli fl-għadd taʼ dawn il-każi, u waslu għall-konklużjoni li ħafna drabi l-progress ekonomiku jġib miegħu problemi emozzjonali. Per eżempju, huma jinnotaw bidliet kbar fil-valuri soċjali u kulturali, fosthom li l-awtorità tal-ġenituri naqset ħafna. Mardomingo tgħid li għalkemm nafu li hu taʼ ħsara kbira li l-ġenituri jagħmlu regoli stretti u jitolbu affarijiet mhux raġunevoli, hemm bżonn li l-imħabba u l-awtorità jintwerew flimkien.