Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Id-Diplomazija Se Ġġib Paċi Dinjija?

Id-Diplomazija Se Ġġib Paċi Dinjija?

TIXTIEQ tara l-​gwerer kollha jispiċċaw? Żgur li hemm xi soluzzjoni diplomatika għall-​ġlied nazzjonali u internazzjonali. Ħafna jħossu li kieku l-​ħakkiema tad-​dinja sempliċement jikkooperaw flimkien, il-​gwerra tistaʼ titwaqqaf għalkollox. Madankollu, wisq probabbli int diżappuntat bir-​riżultati tad-​diplomazija. Għal sekli sħaħ id-​diplomati taw il-​kunsens tagħhom għal trattati, ħejjew riżoluzzjonijiet, u għamlu laqgħat importanti, imma ftit kwistjonijiet ġew solvuti b’mod permanenti.

Il-Bibbja titkellem ħafna dwar id-​diplomazija u l-​paċi. Din twieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin: Bħalissa liema affarijiet ma jħallux id-​diplomazija ġġib il-​paċi? Għandhom il-​Kristjani jinvolvu ruħhom fid-​diplomazija? Fl-​aħħar mill-​aħħar kif se tinkiseb il-​paċi vera?

X’Inhu Jfixkel il-​Paċi?

Diversi rakkonti Bibliċi juru kif kuntatt wiċċ imbwiċċ jistaʼ jġib il-​paċi. Per eżempju, bl-​għaqal kollu Abigajl ikkonvinċiet lil David u l-​armata tiegħu biex ma jivvendikawx ruħhom min-​nies taʼ darha. (1 Samwel 25:​18-35) Ġesù ta tixbiha taʼ sultan li ma kellux soluzzjoni oħra ħlief li jibgħat l-​ambaxxaturi ħalli jitolbu l-​ftehim għall-​paċi. (Luqa 14:​31, 32) Iva, il-​Bibbja tagħraf li ċerti forom taʼ diplomazija jistgħu jsolvu l-​ġlied. Allura, għala t-​taħditiet tal-​paċi spiss ikollhom suċċess limitat?

Il-Bibbja ħabbret b’eżattezza li fi żmienna kien se jkun hawn ħafna inkwiet. Minħabba l-​influwenza ħażina taʼ Satana x-​Xitan, il-​bnedmin kellhom ikunu “bla ħniena [“m’huma lesti għal ebda ftehim,” NW]” imma kellhom ikunu “kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom.” (2 Timotju 3:​3, 4; Apokalissi 12:12) Barra minn hekk, Ġesù pprofetizza li t-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija se jkun karatterizzat minn “gwerer u xnigħat taʼ gwerer.” (Mark 13:​7, 8) Min jistaʼ jiċħad li dawn l-​affarijiet qed isiru dejjem iktar komuni? Ladarba dan huwa minnu, għandna għalfejn niskantaw li spiss l-​isforzi għall-​paċi bejn il-​ġnus ikunu għalxejn?

Ukoll, ikkunsidra dan il-​fatt: Waqt li ddiplomati jistgħu jagħmlu sforzi kbar biex jevitaw il-​gwerer, l-​objettiv prinċipali taʼ kull wieħed minnhom hu li jmexxi ’l quddiem l-​interessi taʼ pajjiżu stess. Dan hu l-​iktar fattur importanti li jiggverna d-​diplomazija politika. Għandhom il-​Kristjani jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet bħal dawn?

Minkejja l-​motivi tagħhom, id-​diplomati tad-​dinja la għandhom l-​abbiltà u lanqas il-​qawwa biex joħolqu soluzzjonijiet permanenti

Il-​Kristjani u d-​Diplomazija

Il-​Bibbja twissi: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx.” (Salm 146:3) Dan jimplika li minkejja l-​motivi tagħhom, id-​diplomati tad-​dinja la għandhom l-​abbiltà u lanqas il-​qawwa biex joħolqu soluzzjonijiet permanenti.

Meta Ġesù deher quddiem Ponzju Pilatu, hu stqarr: “Is-​saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-​dinja. Li kieku saltnati kienet taʼ din id-​dinja, l-​għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex taʼ hawn.” (Ġwanni 18:36) L-​inizjattivi għall-​paċi spiss ikunu influwenzati mill-​mibegħda nazzjonalistika u mill-​egoiżmu politiku. Għalhekk, il-​Kristjani veri jevitaw li jinvolvu ruħhom fil-​ġlied tad-​dinja u l-​attentati diplomatiċi tagħha.

Ifisser dan li l-​Kristjani huma apatetiċi u ma jinteressahomx fil-​kwistjonijiet dinjin? Ma jimpurtahomx mit-​tbatija umana? Dan m’huwiex il-​każ. Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja tiddeskrivi l-​aduraturi veri t’Alla bħala wħud li qed “jitniehdu u jitbikkew” minħabba lħażen li qed iseħħ madwarhom. (Eżekjel 9:4) Il-​Kristjani sempliċement jistrieħu fuq Alla biex iġib il-​paċi bħalma wiegħed hu stess. Għalik, il-​paċi tfisser it-​tmiem tal-​gwerer? Is-​Saltna t’Alla żgur li se twettaq dan. (Salm 46:​9, 10 [46:​8, 9, NW]) Imma barra minn hekk, din se ġġib sigurtà ċerta f’kollox u l-​prosperità għall-​abitanti taʼ l-​art. (Mikea 4:​3, 4; Apokalissi 21:​3, 4) Paċi superjuri bħal din qatt ma tistaʼ tinkiseb bid-​diplomazija jew bl-​isforzi taʼ l-​organizzazzjonijiet umani għaż-​“żamma tal-​paċi.”

Il-profezija tal-​Bibbja u l-​esperjenzi tal-​passat jindikaw b’mod ċar li l-​fiduċja fid-​diplomazija umana biex iġġib il-​paċi tistaʼ biss twassal għal diżappunt. Dawk li jserrħu t-​tama tagħhom għall-​paċi fuq Ġesù Kristu u jappoġġaw is-​Saltna t’Alla se jaraw ix-​xewqa tagħhom għall-​paċi vera ssir realtà. Mhux talli hekk, talli se jgawduha għal dejjem!—Salm 37:​11, 29.