Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġilda Tiegħek—“Sur taʼ Belt”

Il-Ġilda Tiegħek—“Sur taʼ Belt”

Il-​Ġilda Tiegħek—“Sur taʼ Belt”

Ir-​residenti fil-​bliet tal-​qedem kienu jibnu s-​swar bħala difiża biex ma jħallux lill-​invażuri jidħlu. Is-​sur kien magħmul biex iwaqqaf lill-​għadu milli jidħol u anki bħala post minfejn id-​difensuri setgħu jipproteġu l-​belt. Ġismek ukoll huwa mżejjen b’“sur” protettiv—il-​ġilda tiegħek. Din kif tipproteġik mill-​invażuri?

Il-wiċċ tal-​ġilda tiegħek hu miksi bil-​batterji u organiżmi żgħar oħra. Xi ftit minnhom jistgħu jikkaġunaw infezzjoni u mard. Milli jidher, il-​ġilda tiegħek m’hijiex biss bħal ilqugħ li ma jagħmel xejn. Jidher ukoll li tbiegħed l-​invażuri billi tipproduċi proteini li jaħdmu bħala difensuri kontra l-​mikrobi. Xi wħud minn dawn jaħdmu l-​ħin kollu. Oħrajn jitfaċċaw meta l-​ġilda jkollha xi ħsara fiha.

L-ewwel żewġ gruppi taʼ proteini kontra l-​mikrobi li nstabu (defensins u cathelicidins) urew li huma difensuri lesti biex jaġixxu meta jkun hemm bżonn. Iż-​żewġ gruppi jifformaw miċ-​ċelluli fl-​ewwel saff tal-​ġilda meta jkun hemm xi feriti jew infjammazzjoni. Dawn joqtlu l-​invażuri billi jtaqqbulhom toqob fil-​qoxra taċ-​ċellula.

Fl-2001 tim taʼ riċerkaturi fl-​Università taʼ Tübingen, il-​Ġermanja, sab tip ieħor taʼ proteina li tiġġieled kontra l-​mikrobi (dermicidin) u li hija attiva l-​ħin kollu. Għall-​kuntrarju taż-​żewġ gruppi l-​oħra, id-​dermicidin hija prodotta minn ġilda b’saħħitha fil-​glandoli taʼ l-​għaraq. Għadhom ma jafux kif taħdem din il-​proteina. Iżda l-​fatt li l-​għaraq jgħin biex iżomm il-​mard ’il bogħod jistaʼ jispjega għala dawk l-​uħud li jinħaslu żżejjed huma iktar suxxettibbli għall-​infezzjonijiet fil-​ġilda u l-​ekżema.

Bħal sur taʼ belt tal-​qedem, il-​ġilda tagħna hi lqugħ kontra l-​invażuri. Bla dubju, int taqbel mas-​salmista meta qal: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom.”​—Salm 104:24.