Kif Nistaʼ Nirnexxi Bħala Kelliemi fil-Pubbliku?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nirnexxi Bħala Kelliemi fil-Pubbliku?
“Bdejt nimmaġina li n-nies kienu qed jinnotaw kull żball li nagħmel u n-nuqqas taʼ kunfidenza li kelli. Ma stajtx nikkonċentra fuq it-taħdita tiegħi. Ħassejthom qed jidħqu f’qalbhom.”—Sandy. *
L-AWDITORJU taʼ l-iskola mimli daqs bajda. F’ħin minnhom tismaʼ ismek fuq il-mikrofonu, u f’daqqa waħda kulħadd jitfaʼ għajnejh fuqek. L-erbaʼ passi li trid tagħmel biex tasal sal-mejda tal-kelliemi tarahom mil. Idejk jibdew jegħrqu, riġlejk tħosshom dgħajfin, u għal xi raġuni ħalqek donnu jixxotta żżejjed. Imbagħad, qabel ma tistaʼ twaqqafha, taqtira kbira t’għaraq tinżel maʼ ħaddejk. X’mistħija! Taf li m’intix sejjer quddiem xi ringiela suldati lesti biex jisparawlek, imma hekk tħossok se tagħmel.
Irridu nammettuha: Ħafna minna jaqbadna l-bard x’ħin niftakru li rridu nitkellmu quddiem nies oħrajn. (Ġeremija 1:5, 6) Xi nies saħansitra jgħidu li iktar jibżgħu jitkellmu fil-pubbliku milli jibżgħu mill-mewt! Tħossok kif tħossok personalment dwar din il-ħaġa, hemm raġunijiet tajbin għala għandek tkun interessat li titkellem fil-pubbliku. Ejja naraw xi ftit minnhom u nikkunsidraw kif int tistaʼ tirnexxi bħala kelliemi.
Meta Tiġi Mitlub Titkellem
“Li titkellem fil-pubbliku hija sengħa li kulħadd jeħtieġ.” Hekk jgħid reklam dwar kors biex titgħallem titkellem fil-pubbliku. Iva, xi darba jew oħra, x’aktarx li se jkollok titkellem quddiem udjenza. Per eżempju, ħafna skejjel jinkuraġġixxu lill-istudenti biex jitkellmu fil-pubbliku. Tfajla żagħżugħa jisimha Tatiana tiftakar: “Kien hemm ħafna drabi meta kelli nitkellem quddiem sħabi tal-klassi fl-iskola.” Spiss l-istudenti jridu jkunu lesti jitkellmu, billi jippreżentaw rapporti orali, jitkellmu fil-qosor dwar xi ktieb, jagħmlu preżentazzjonijiet permezz taʼ vidjos u stampi, jew jieħdu sehem f’dibattiti.
Meta maż-żmien tibda taħdem, forsi jgħidulek biex tgħallem lil xi wħud minn sħabek tax-xogħol, tippreżenta proposta lil xi klijent, jew tispjega rapport finanzjarju lil xi kumitat esekuttiv. Fil-fatt, l-abbiltajiet involuti bħala kelliemi huma utli f’varjetà kbira taʼ impjiegi, inkluż dawk fil-ġurnaliżmu, pożizzjonijiet taʼ maniġġar, relazzjonijiet pubbliċi, u l-qasam tal-bejgħ.
Iżda, xi ngħidu jekk tagħżel li tagħmel xogħol manwali jew taħdem bħala skrivan f’uffiċċju? Il-fatt li tkun kapaċi titkellem tajjeb waqt l-intervista tax-xogħol jistaʼ jagħmel id-differenza jekk tingħatax
l-impjieg jew le. Waqt ix-xogħol innifsu, l-abbiltà tiegħek li tesprimi ruħek tistaʼ taħdem favurik. Corrine ħadmet għal tliet snin bħala wejtress wara li spiċċat l-iskola. Hi tgħid: “Jekk tkun taf titkellem tajjeb, tiġi meqjus bħala iktar matur u li kapaċi tieħu iktar responsabbiltà f’idejk. Dan jistaʼ saħansitra jfisser impjieg aħjar, paga ogħla, jew għall-inqas iktar rispett.”Finalment, iż-żgħażagħ Kristjani spiss jitkellmu quddiem oħrajn bħala parti mill-qima tagħhom. (Lhud 10:23) “Huwa importanti li tkun kapaċi tesprimi ruħek b’mod ċar,” tosserva Taneisha. “Aħna għandna l-privileġġ li nippridkaw laħbar tajba tas-Saltna t’Alla.” (Mattew 24:14; 28:19, 20) Fil-kongregazzjoni u fil-ministeru pubbliku tagħhom, iż-żgħażagħ Kristjani ‘ma jistgħux ma jitkellmux fuq dak li raw u semgħu.’—Atti 4:20; Lhud 13:15.
Għaldaqstant, tistaʼ tibbenefika b’diversi modi jekk titgħallem titkellem tajjeb. Iżda, forsi xorta tħossok ansjuż għall-ħsieb li tqum bil-wieqfa quddiem udjenza. Hemm xi ħaġa li tistaʼ tagħmel biex tegħleb l-ansjetà tiegħek? Iva, hemm.
Kif Tegħleb il-Biżaʼ li Tħoss
“Ma jridx ikollok xi talent kbir jew tkun perfett biex tirnexxi,” jgħid it-Tabib Morton C. Orman, espert fuq l-istress u kelliemi professjonali fil-pubbliku. “Il-qofol tad-diskors fil-pubbliku huwa dan: agħti lill-udjenza tiegħek xi ħaġa siewja.” Fi kliem ieħor, ikkonċentra fuq il-messaġġ, mhux fuqek innifsek jew fuq l-ansjetajiet tiegħek. Xi wħud fl-ewwel seklu kienu jaħsbu li l-appostlu Pawlu ma kienx xi kelliemi mill-aqwa, imma peress li hu dejjem kellu xi ħaġa taʼ valur x’jgħid, xorta kien effettiv. (2 Korintin 11:6) Bl-istess mod, jekk tippreżenta xi ħaġa taʼ importanza li verament temmen fiha, l-eċċitament tiegħek jonqos iktar malajr.
Ron Sathoff, kelliemi magħruf ieħor li jgħallem lil oħrajn kif jitkellmu, jagħti dan is-suġġeriment: Tħarisx lejn it-taħdita tiegħek bħala xi reċta. Ħares lejha bħala konversazzjoni. Iva, ipprova ikkomunika maʼ l-udjenza tiegħek, mhux bħala grupp kbir, imma bħala individwi, l-istess bħalma tagħmel f’konversazzjoni normali. Uri interess persunali ġenwin fin-nies li hemm fl-udjenza tiegħek, u tkellem magħhom kif titkellem is-soltu. (Filippin 2:3, 4) Iktar ma titkellem b’mod konversazzjonali, iktar se tkun rilassat.
Raġuni komuni oħra għala nħossuna ansjużi hija l-biżaʼ li naqgħu għaċ-ċajt jew li niġu kritikati mill-udjenza tagħna. Lenny Laskowski, kelliemi professjonali li jgħallem lil oħrajn kif jitkellmu, ifakkarna li n-nies fl-udjenza għandhom it-tendenza li jqisu kull preżentazzjoni b’mod pożittiv. “Huma jixtiquk tirnexxi—mhux tmur ħażin,” jgħid Laskowski. Għalhekk uri attitudni pożittiva. Jekk ikun possibbli, ipprova agħti merħba lil xi wħud li se jkunu fl-udjenza malli jaslu. Ipprova ħares lejhom, mhux bħala għedewwa, imma bħala ħbieb.
Proverbji 11:2) Ħafna atleti, mużiċisti, u atturi jħossu li ftit ansjetà fil-fatt tgħinhom imorru aħjar, u l-istess jistaʼ jingħad għal dawk li jitkellmu fil-pubbliku.
Ftakar, ukoll, li l-ansjetà m’hijiex xi ħaġa ħażina għalkollox. “Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna,” wieħed espert jgħid, “l-ansjetà tagħmel tajjeb lilek u lill-preżentazzjoni tiegħek.” Għala? Għax ammont t’ansjetà jirrifletti l-umiltà u l-modestja, u dan jgħinek biex ma tkunx kunfidenti żżejjed. (Suġġerimenti biex Tirnexxi
Billi applikaw dawn l-ideat u oħrajn, xi żgħażagħ Kristjani diġà kisbu ċertu ammont taʼ esperjenza u suċċess bħala kelliema fl-iskola, fuq ix-xogħol, u fil-kongregazzjonijiet tagħhom. Ara jekk xi ftit mis-suġġerimenti tagħhom jistgħux jgħinu lilek.
Jade: “Esprimi l-materjal fi kliemek stess. Ikkonvinċi lilek innifsek li dak li se tgħid huwa taʼ benefiċċju. Jekk tħoss li t-taħdita tiegħek hija importanti, l-istess se tħossha l-udjenza.”
Rochelle: “Sibtha t’għajnuna li nirrekordja lili nnifsi fuq vidjo. Hija xi ħaġa li tikxiflek id-dgħjufijiet tiegħek imma hija taʼ benefiċċju. Ukoll, ipprova agħżel suġġett li jogħġbok. In-nies se jinnotawh dan meta titkellem.”
Margrett: “Sibt li nitkellem b’mod iktar naturali u ninstemaʼ iktar konversazzjonali meta nuża noti bil-kliem prinċipali biss minflok ma nikteb kollox kelma b’kelma. Barra minn hekk, li nieħu nifs qawwi qabel ma nibda nitkellem jgħinni nikkalma.”
Corrine: “Toqgħodx tibżaʼ tidħaq bl-iżbalji li tagħmel. Kulħadd jieħu żball. Trid sempliċement tagħmel l-almu tiegħek.”
M’għandniex xi ngħidu, bħal f’kull attività oħra, bħal fl-isports, fl-arti, jew fil-mużika, m’hemm xejn li jistaʼ jieħu post l-esperjenza u ħafna prattika. Tatiana tirrikkmanda li tipprepara t-taħdita tiegħek minn qabel biżżejjed sabiex ikollok ċans kemm teħtieġ biex tipprattikaha. U taqtax qalbek. “Iktar ma nitkellem spiss quddiem nies oħrajn,” hi tgħid, “iktar inħossni komda.” Madankollu, hemm sors ieħor t’għajnuna li m’għandikx tinsa, speċjalment meta jkollok titkellem favur il-qima vera.
Għajnuna Mingħand il-Komunikatur il-Kbir
Bħala żagħżugħ, David, is-sultan Iżraeli futur, diġà kien magħruf bħala wieħed “għaqli fi kliemu.” (1 Samwel 16:18) Dan għala? Evidentement, matul żgħożitu, waqt is-sigħat twal li kien iqattaʼ fil-beraħ jirgħa n-nagħaġ, David żviluppa relazzjoni intima mal-Komunikatur il-Kbir, Alla Jehovah, permezz tat-talb. (Salm 65:3, 4a [65:2, NW]) Bħala riżultat, din ir-relazzjoni ħejjietu biex jitkellem b’mod ċar, bil-qawwa, u bil-persważjoni anki meta kien f’sitwazzjonijiet diffiċli.—1 Samwel 17:34-37, 45-47.
Tistaʼ tkun żgur li fil-qima tiegħek, Alla wkoll se jgħinek titkellem b’mod persważiv, l-istess bħalma għen lil David, billi jagħtik “ilsien taʼ wieħed jitgħallem.” (Isaija 50:4; Mattew 10:18-20) Iva, jekk tieħu vantaġġ issa minn opportunitajiet biex ittejjeb il-mod kif titkellem, int tistaʼ ssir kelliemi effettiv fil-pubbliku!
[Nota taʼ taħt]
^ Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
[Kaxxa f’paġna 18]
Imħarrġin Bħala Kelliema
Fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, hemm programm taʼ taħriġ ibbażat fuq il-Bibbja li jsir kull ġimgħa msejjaħ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. L-istudenti jipparteċipaw f’diskussjonijiet bħala grupp, jagħmlu preżentazzjonijiet quddiem il-kongregazzjoni, u jirċievu għajnuna persunali biex tgħinhom jimxu ’l quddiem. Huwa effettiv dan il-programm? Ħalli jgħidilkom l-esperjenza tiegħu Chris, żagħżugħ taʼ 19-il sena.
“Qabel ma nktibt fl-iskola, kont inħossni skomdu ħafna man-nies,” hu jgħid. “Qatt m’għaddieli minn moħħi li nistaʼ nitkellem quddiem udjenza. Imma xi wħud fil-kongregazzjoni ħeġġewni u qaluli li anki jekk illaqlaq il-ħin kollu, huma xorta jieħdu pjaċir, peress li jafu xi sforz inkun għamilt biex nitlaʼ. Imbagħad, wara kull taħdita li kont nagħmel, huma kienu jfaħħruni. Din kienet għajnuna kbira.”
Illum, wara ħames snin fl-iskola, Chris qiegħed jipprepara biex jagħti l-ewwel taħdita tiegħu taʼ 45 minuta. Qiegħed int tieħu vantaġġ minn dan il-provvediment?
[Stampi f’paġna 16, 17]
Il-fatt li tkun kelliemi taʼ ħila jistaʼ jgħinek fl-aspetti kollha tal-ħajja