Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mediċini Magħmulin mill-Ħxejjex—Jistgħu Dawn Jgħinuk?

Mediċini Magħmulin mill-Ħxejjex—Jistgħu Dawn Jgħinuk?

Mediċini Magħmulin mill-​Ħxejjex—Jistgħu Dawn Jgħinuk?

SA MILL-​EQDEM żminijiet il-​mediċini magħmulin mill-​ħxejjex kienu jintużaw bħala kura għall-​mard. Il-​Papiru Ebers, imħejji fl-​Eġittu madwar is-​seklu 16 Q.E.K., fih mijiet taʼ rimedji tradizzjonali għal varjetà taʼ wġigħ u mard. Madankollu, ġeneralment in-​nies kienu jispjegaw bil-​fomm minn ġenerazzjoni għal oħra kif isiru l-​mediċini magħmulin mill-​ħxejjex.

L-użu tal-​ħxejjex mediċinali fil-​Punent jidher li beda bix-​xogħol taʼ Dijoskoride, tabib Grieg taʼ l-​ewwel seklu li kiteb De Materia Medica. Dan sar il-​ktieb farmakoloġiku prinċipali matul l-​1,600 sena taʼ wara. F’ħafna partijiet tad-​dinja, ir-​rimedji tradizzjonali magħmulin mill-​ħxejjex għadhom popolari sa llum. Fil-​Ġermanja hemm programmi tas-​saħħa mill-​gvern li bihom dak li jkun jistaʼ saħansitra jiġbor flusu lura meta jixtri xi mediċini preskritti magħmulin mill-​ħxejjex.

Għalkemm kultant xi nies isostnu li l-​ħxejjex mediċinali tradizzjonali jagħmlu inqas ħsara mill-​mediċini moderni, ma jfissirx li dawn ma fihomx riskji. Allura jqumu l-​mistoqsijiet: Liema twissijiet u suġġerimenti għandu jżomm f’moħħu individwu meta jikkunsidra rimedji magħmulin mill-​ħxejjex? U hemm xi ċirkustanzi fejn forma partikulari taʼ terapija tistaʼ tkun aħjar minn oħra? *

Kif il-​Ħxejjex Jistgħu Jkunu t’Għajnuna

Il-​ħxejjex jintqal li fihom ħafna karatteristiċi terapewtiċi. Huwa maħsub li xi ftit minnhom jgħinu lill-​ġisem jiġġieled kontra l-​infezzjonijiet. Oħrajn jintqal li jgħinu d-​diġestjoni, jikkalmaw in-​nervi, jaġixxu bħala porga, jew jgħinu biex jirregolaw il-​glandoli.

Il-ħxejjex jistaʼ jkollhom valur kemm nutrittiv u kemm mediċinali. Per eżempju, xi pjanti li jaġixxu bħala dijuretiċi, bħat-​tursin, fihom ukoll ammonti sinifikanti taʼ potassju. * Il-​potassju f’dawn il-​ħxejjex ipatti għat-​telfa taʼ dan l-​element vitali meta wieħed jagħmel l-​awrina. Bl-​istess mod, il-​pjanta valerjana (Valeriana officinalis), li ilha tintuża ħafna bħala kalmant, fiha ħafna kalċju. Il-​kalċju f’din il-​ħaxixa jistaʼ jtejjeb l-​effett li għandha bħala kalmant fuq is-​sistema nervuża.

Kif il-​Ħxejjex Jistgħu Jintużaw

Il-​ħxejjex jistgħu jintużaw b’diversi modi, bħal f’tejiet, dekozzjonijiet, tinturi, u ġbajjar. It-​te jsir billi jiġi mferraʼ l-​misħun fuq il-​ħaxixa. Imma l-​esperti jwissu li l-​ħxejjex li jintużaw bħala te ġeneralment m’għandhomx jiġu mgħollijin fl-​ilma. Id-​dekozzjonijiet isiru meta affarijiet bħal għeruq tal-​ħxejjex u qxur taz-​zkuk jiġu mgħollijin fl-​ilma biex joħorġu l-​ingredjenti attivi tagħhom.

Xi ngħidu għat-​tinturi? Ktieb minnhom jgħid li s-​sustanza titneħħa mill-​ħxejjex bl-​għajnuna taʼ spirti puri jew imħalltin t’alkoħol, jew brandi, jew vodka. Imbagħad hemm il-​ġbajjar, li jistgħu jiġu preparati b’diversi modi. Ġeneralment dawn jitpoġġew fuq partijiet morda jew muġugħin tal-​ġisem.

Kuntrarju għal ħafna vitamini u mediċini, il-​biċċa l-​kbira mill-​ħxejjex huma meqjusin bħala ikel u spiss jittieħdu waħedhom fuq stonku vojt. Wieħed jistaʼ wkoll jiħodhom f’forma taʼ pillola, xi ħaġa li tistaʼ tkun iktar konvenjenti u aħjar għat-​togħma. Jekk tiddeċiedi li tieħu xi mediċini magħmulin mill-​ħxejjex, ikun għaqli li tagħmel hekk wara li tieħu parir professjonali.

Il-ħxejjex ġew suġġeriti b’mod tradizzjonali għal ċerti kundizzjonijiet bħal xi riħ, indiġestjoni, kostipazzjoni, insomnja, u dardir. Madankollu, il-​ħxejjex ġieli jintużaw ukoll għal mard iktar serju—mhux biss bħala kura imma anki bħala prevenzjoni. Per eżempju, fil-​Ġermanja u fl-​Awstrija, speċi taʼ palma żgħira (Serenoa repens) tintuża bħala l-​ewwel kura fil-​każ taʼ nefħa tal-​glandola tal-​prostata (benign prostatic hyperplasia). F’ċerti pajjiżi din il-​marda eventwalment tolqot lil 50 sa 60 fil-​mija mill-​irġiel. Madankollu, huwa importanti li tabib jiddetermina l-​kawża tan-​nefħa sabiex dak li jkun jiżgura ruħu li l-​kundizzjoni li jkollu ma tkunx teħtieġ kura iktar qawwija, bħal fil-​każ taʼ kanċer.

Xi Twissijiet

Minkejja li ħafna nies jistgħu jqisu ħaxixa partikulari bħala li ma fihiex periklu, huwa suġġerit li xorta toqgħod attent. Ma jfissirx li għax prodott ikollu miktub fuqu “naturali,” tistaʼ sserraħ moħħok minn kollox. Enċiklopedija fuq is-​suġġett tal-​ħxejjex tgħid: “Il-​fatt hu li xi ħxejjex huma purament perikolużi. [B’dispjaċir] xi nies ma jagħtux lill-​ħxejjex​—perikolużi jew le​—ir-​rispett li jistħoqqilhom.” Ingredjenti kimiċi fil-​ħxejjex jistgħu jbiddlu r-​rata tat-​taħbit tal-​qalb, il-​pressjoni tad-​demm, u l-​livelli tal-​glukosju. Għaldaqstant, nies bi problemi tal-​qalb, pressjoni għolja, jew mard taz-​zokkor bħad-​dijabete jridu joqogħdu attenti b’mod speċjali.

Madankollu, ġeneralment l-​effetti ħżiena li jħallu l-​ħxejjex huma limitati għal reazzjonijiet allerġiċi. Dawn jinkludu wġigħ taʼ ras, sturdament, dardir, jew raxx. Jintqal ukoll li l-​ħxejjex jikkaġunaw “kriżi taʼ fejqan” billi jipproduċu sintomi bħal dak taʼ riħ jew sintomi oħrajn. L-​individwu li jkun qed jieħu l-​ħxejjex jistaʼ jidher li sejjer għall-​agħar qabel ma jmur għall-​aħjar. Ġeneralment jintqal li din ir-​reazzjoni sseħħ minħabba li l-​ġisem ikun qed ineħħi ħmieġ tossiku matul l-​ewwel fażi taʼ terapija bil-​ħxejjex.

Il-fatt li minn żmien għal żmien nisimgħu b’nies li mietu għax ħadu prodotti magħmulin mill-​ħxejjex juri kemm huwa importanti li wieħed joqgħod attent u jimxi fuq pariri taʼ l-​esperjenza. Per eżempju, il-​ħaxixa efedra, li tittieħed ħafna biex wieħed jitlef il-​piż, tistaʼ wkoll tgħolli l-​pressjoni. Huwa maħsub li iktar minn 100 każ taʼ mewt rapportati fl-​Istati Uniti kellhom x’jaqsmu maʼ prodotti taʼ l-​efedra, għalkemm patologu minn San Francisco, Steven Karch, jgħid: “L-​uniċi każi li naf bihom fejn in-​nies [li ħadu l-​efedra] mietu, dawn kellhom mard serju [tal-qalb] jew ħadu dożi esaġerati.”

Dr. Logan Chamberlain, awtur taʼ ktieb fuq supplimenti tal-​ħxejjex, isostni: “Kważi kull rapport f’dawn l-​aħħar snin dwar l-​effetti ħżiena tal-​ħxejjex qam minn każi fejn in-​nies ma mxewx fuq l-​istruzzjonijiet. . . . Id-​dożi rikkmandati fuq prodotti taʼ min joqgħod fuqhom ma fihomx periklu u huma saħansitra moderati. Tipprovax tbiddilhom sakemm ma tingħatax parir tajjeb mingħand erbalista mħarreġ.”

L-​erbalista Linda Page tagħti dan il-​parir taʼ twissija: “Anki għal kundizzjonijiet serji taʼ saħħa, ammonti moderati huma l-​aħjar ħaġa, dożi kbar m’humiex. Tistaʼ tikseb riżultati ħafna aħjar jekk tagħti lilek innifsek iktar żmien u kura iktar ħafifa. Trid iż-​żmien biex tieħu saħħtek lura.”

Ktieb fuq il-​ħxejjex mediċinali jispjega li xi ħxejjex għandhom mekkaniżmu naturali li jservi taʼ protezzjoni f’każ li jittieħdu dożi esaġerati. Per eżempju, ħaxixa waħda li tintuża biex tirrilassa l-​ġisem iġġiegħel lil dak li jkun jirremetti jekk jieħu żżejjed minnha. Madankollu, il-​fatt li hemm din il-​karatteristika, li ma tapplikax għall-​ħxejjex kollha, ma jfissirx li m’hemmx għalfejn tieħu doża li ma tagħmilx ħsara.

Minkejja dan, ħafna jemmnu li biex ħaxixa tkun effettiva, individwu jrid jieħu ammonti biżżejjed minnha u jiħodha kif suppost. Xi drabi, l-​uniku mod kif dan jistaʼ jsir huwa billi jittieħed estratt. Dan jiġri fil-​każ tal-​ġinko, li ilu jintuża ħafna biex itejjeb il-​memorja u ċ-​ċirkulazzjoni, peress li hemm bżonn ħafna kilogrammi taʼ weraq biex issir doża effettiva waħda.

Taħlit li Jistaʼ Jkun Perikoluż

Il-​ħxejjex jistaʼ jkollhom ħafna effetti differenti meta jitħalltu maʼ mediċini li jinkisbu bir-​riċetta tat-​tabib. Per eżempju, dawn jistgħu jkabbru jew inaqqsu l-​effett taʼ xi mediċina, iġagħluha tiġi eliminata mill-​ġisem iktar malajr mis-​soltu, jew iżidu r-​riskju t’effetti sekondarji. Il-​fexfiex (St. John’s wort), li fil-​Ġermanja jingħata ħafna għad-​dipressjoni ħafifa jew moderata, iġiegħel lil ħafna mediċini jiġu eliminati mill-​ġisem darbtejn iktar malajr min-​normal, u b’hekk inaqqas il-​qawwa tagħhom. Mela jekk tieħu xi mediċini bir-​riċetta tat-​tabib, inkluż pilloli kontraċettivi, ikkonsulta t-​tabib tiegħek qabel ma tieħu xi ħxejjex.

Ktieb fuq l-​aspetti mediċinali tal-​ħxejjex jgħid: “L-​alkoħol, il-​marijuana, il-​kokaina, drogi oħrajn li jeffettwaw il-​burdata, u t-​tabakk jistgħu joħolqu effett li jipperikola l-​ħajja meta jitħalltu maʼ xi ħxejjex mediċinali. . . . Is-​sens komun jgħidlek biex tevita [drogi bħal dawn], partikolarment matul xi marda.” Ukoll, nisa tqal u ommijiet li jreddgħu għandhom jieħdu dan il-​parir bis-​serjetà. M’għandniex xi ngħidu, dwar it-​tabakk u d-​drogi, il-​Kristjani huma protetti għax jagħtu kas il-​kmand Bibliku biex ‘jitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ.’—2 Korintin 7:1.

Dwar il-​ħxejjex infushom, ktieb minnhom jagħti din it-​twissija: “Jekk toħroġ tqila waqt li tkun qed tieħu xi ħaxixa mediċinali, għid lit-​tabib tiegħek u tkomplix tiħodha sakemm tkellmu dwarha. Ipprova ftakar id-​doża eżatta u kemm żmien tkun ilek tieħu s-​sustanza.”

“Hemm ħafna perikli involuti meta wieħed jipprova jfejjaq lilu nnifsu [bil-ħxejjex],” tgħid enċiklopedija dwar il-​ħxejjex. Fil-​kaxxa li hawn f’dan l-​artiklu, “X’Riskji Hemm Meta Tipprova Tfejjaq Lilek Innifsek,” se ssib lista taʼ perikli li jistaʼ jkun hemm meta tuża l-​ħxejjex.

Bħal fil-​każ tal-​prodotti kollha tas-​saħħa, wieħed irid juża l-​għaqal, jinforma ruħu sew, u m’għandniex xi ngħidu, juri bilanċ meta juża l-​ħxejjex. U jrid ukoll jiftakar li fil-​preżent ma teżistix kura għal ċerti affarijiet. Il-​Kristjani veri jħarsu ’l quddiem meta l-​kaġun innifsu tal-​mard u l-​mewt—l-​imperfezzjoni li writna mingħand il-​ġenituri oriġinali tagħna—se jitneħħa għalkollox taħt it-​tmexxija ħanina tas-​Saltna t’Alla.​—Rumani 5:​12; Apokalissi 21:​3, 4.

[Noti taʼ taħt]

^ Stenbaħ! m’huwiex ġurnal mediku, u għalhekk ma jirrikkmanda l-​ebda kura jew dieta speċifika, sew jekk ibbażata fuq il-​ħxejjex u sew jekk le. L-​informazzjoni f’dan l-​artiklu hija purament għat-​tagħrif ġenerali. Il-​qarrejja jridu jiddeċiedu għalihom infushom fuq kwistjonijiet mediċi u taʼ saħħa.

^ Dijuretiċi huma sustanzi li jġagħluk tagħmel iktar awrina.

[Kaxxa f’paġna 14]

X’Riskji Ħemm Meta Tipprova Tfejjaq Lilek Innifsek

Dawn huma xi riskji involuti meta tuża l-​ħxejjex mingħajr l-​għajnuna ta xi ħadd professjonali u kwalifikat.

Tistaʼ ma tkunx taf eżatt x’inhu l-​kaġun tal-​problema li għandek.

Il-​metodu li tuża biex tikkura lilek innifsek jistaʼ ma jkunx addattat għall-​marda tiegħek, avolja tkun sibt eżatt x’inhi l-​marda.

Meta tipprova tfejjaq lilek innifsek, tistaʼ tkun qed ittellef lil ġismek minn kura li tfejjaq il-​marda mhux tneħħi s-​sintomi biss. Din il-​kura tistaʼ tkun bżonnjuża u addattata.

L-​affarijiet li tfejjaq lilek innifsek bihom jistgħu ma jaqblux maʼ mediċini li jordnalek it-​tabib—per eżempju, mediċini kontra l-​allerġiji, jew mediċini għall-​pressjoni għolja.

Meta tikkura lilek innifsek tistaʼ tfejjaq il-​marda żgħira li jkollok iżda tiggrava problema oħra taʼ saħħa, bħall-​pressjoni għolja.

[Sors]

Sors: Rodale’s Illustrated Encyclopedia of Herbs