Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mingħand il-Qarrejja

Mingħand il-Qarrejja

Mingħand il-​Qarrejja

Id-​Dijabete Nirringrazzjakom minn qalbi għas-​serje “Il-​Ħajja bid-​Dijabete.” (8 taʼ Mejju, 2003) Ili nissielet mad-​dijabete minn meta kelli erbaʼ snin. Dejjem kont naħseb li l-​affarijiet bħaż-​żwieġ u l-​ministeru full-time ma kinux possibbli għalija, imma dawn l-​artikli tawni tama. Issa li għandi 17-il sena qed nagħmilha l-​mira li nidħol fil-​ministeru full-time, u se nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex nilħaqha.

T. A., Ġappun

Veru narah utli s-​suġġeriment li sar lill-​familji u lill-​ħbieb taʼ min ibati bid-​dijabete biex ma jħeġġuhomx jieklu affarijiet li m’humiex tajbin għalihom. Jien insibha diffiċli biex insajjar għall-​familja u mbagħad ma nkunx nistaʼ niekol mill-​affarijiet li nkun ħejjejt. Għal min m’għandux id-​dijabete, din tistaʼ tidher bħala xi ħaġa insinifikanti, iżda niżgurakom li m’hijiex!

V. N., Italja

Jien naħdem bħala infermiera u għalliema. Fil-​bidu tat-​term li jmiss, se ngħallem lill-​istudenti tiegħi dwar id-​dijabete. L-​istampa f’paġni 8 u 9 tinftiehem malajr, u se nużaha waqt li ngħallem. Grazzi talli tippubblikaw artikli magħmulin sempliċi dwar suġġetti mediċi.

C. B., Franza

Grazzi taʼ l-​artikli dwar id-​dijabete. Jien m’għandix din il-​marda, imma oħti li għandha 14-il sena tbati biha. Issa qed nifhem minn xiex tgħaddi oħti. Huwa minnu li rrid nagħmel xi sagrifiċċji għaliha, imma dan m’huwiex taʼ sfida daqs li tgħix bid-​dijabete!

E.D.M., Italja

Ommi ilha tbati bid-​dijabete għal dawn l-​aħħar ħames snin. Spiss ninkwieta dwar saħħitha, peress li ngħix ’il bogħod minnha. Qed nippjana li nibagħtilha kopja taʼ din ir-​rivista. Tistaʼ tgħinha meta ma nkunx hemm jien.

R. W. Indoneżja

L-​Adozzjoni Grazzi taʼ l-​artiklu li ġie f’waqtu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Kelli Niġi Adottat?” (8 taʼ Mejju, 2003) Binti kellha tagħti lit-​tarbija tagħha għall-​adozzjoni minħabba ċ-​ċirkustanzi tagħha, u dan niggiżli ħafna l-​kuxjenza tiegħi. Din l-​informazzjoni ġiet f’waqtha. Dan l-​artiklu bgħattu lil binti.

E. D., Gujana

Qed niktbilkom biex nirringrazzjakom ħafna taʼ l-​artikli li ħarġu f’waqthom dwar l-​adozzjoni fil-​ħarġiet tat-​8 taʼ Mejju u t-​8 taʼ Ġunju. Dan l-​aħħar, jien u żewġi adottajna tifel żgħir. Maż-​żmien, se nużaw dawn iż-​żewġ artikli biex ngħinu lit-​tifel tagħna jkun jaf u jifhem kemm hu maħbub minn Jehovah, minn missieru, u minni.

S. R., Stati Uniti

Grazzi ħafna taʼ l-​artiklu dwar l-​adozzjoni. Għandi 47 sena u għadni nissielet mal-​fatt li ġejt adottat. Il-​ġenituri adottivi tiegħi—li nirrispettahom u nħobbhom ħafna—ma kinux kapaċi jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħi għall-​imħabba u l-​affezzjoni. Qatt ma kienu jgħannquni jew ibusuni, anki meta kont nitlobhom. Kien diffiċli għalija li nkun imċaħħda minn dan. Minkejja dan, l-​artikli kienu taʼ faraġ kbir u tassew qawwewli qalbi.

D. H., l-​Istati Uniti