Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Tfal li Jiġu Bombardjati bl-​Ikel Mhux Sustanzjuż

Numru li dejjem qed jiżdied taʼ esperti fil-​qasam tan-​nutriment, qiegħed jakkuża lill-​kumpaniji li jipproduċu ikel mhux sustanzjuż li dawn qegħdin jagħmlu “kampanja kbira li tikkorrompi d-​drawwiet taʼ l-​ikel tat-​tfal u twassalhom fi triq lejn l-​obeżità,” jgħid artiklu pubblikat fil-​gazzetta IHT Asahi Shimbun taʼ Tokjo. “It-​televixin jibqaʼ l-​iktar mezz qawwi li jinkuraġġixxi lit-​tfal biex jixtru,” jgħid ir-​rapport, iżda barra minn hekk, il-​kumpaniji taʼ l-​ikel qegħdin “jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw il-​prodotti tagħhom lit-​tfal.” Il-​films, il-​logħob, is-​siti taʼ l-​Internet, il-​kotba tas-​somom, u varjetà kbira taʼ pupi u ġugarelli, kollha għandhom ir-​reklamar tal-​kumpaniji taʼ l-​ikel. Għala jagħmlu r-​reklami għat-​tfal? “L-​akbar numru taʼ xerrejja huma t-​tfal,” jistqarr il-​professur tar-​reklamar James McNeal taʼ Texas A&M. Madankollu, il-​Professur Walter Willet taʼ l-​Iskola tas-​Saħħa Pubblika taʼ Harvard jgħid: “Il-​biċċa l-​kbira mill-​affarijiet li jbigħu huwa ikel mhux sustanzjuż. Kemm-il darba jirreklamaw il-​frott u l-​ħaxix?”

Il-​Mikrobi fil-​Fliexken taʼ l-​Ilma

Studju li sar fl-​Università taʼ Calgary, il-​Kanada, sab “livell għoli u perikoluż taʼ mikrobi fil-​fliexken taʼ l-​ilma li reġgħu ntużaw mingħajr ma nħaslu,” tirrapporta r-​rivista Better Homes & Gardens. L-​istudju wera li iktar minn 13 fil-​mija mill-​fliexken użati minn studenti fl-​iskejjel primarji qabżu l-​livelli tal-​mikrobi li ma jagħmlux ħsara. Il-​mikrobi kienu jinkludu varjetà taʼ dawk li jinsabu fil-​ħmieġ taʼ l-​imsaren​—l-​iktar minħabba li l-​istudenti ma kinux jaħslu idejhom sew. Riċerka waħda tissuġġerixxi li l-​fliexken taʼ l-​ilma għandhom ikunu maħsulin sew regolarment bil-​misħun u bis-​sapun u għandhom jitħallew jinxfu kompletament qabel ma jerġgħu jimtlew.

Kemm Hemm Stilel?

The Daily Telegraph taʼ Londra tirrapporta: “L-​astronomi rnexxielhom jikkalkulaw li hemm 70 elf miljun miljun miljun​—jew sebgħa bi 22 żero warajh—stilla viżibbli mill-​Art” bit-​teleskopju. L-​astronomi, mill-​Amerika, mill-​Awstralja, u mill-​Iskozja, “għoddew il-​galassji kollha f’parti żgħira waħda taʼ l-​univers qrib l-​Art” u kkalkulaw kemm-il stilla kellha kull galassja. Minn dak in-​numru mbagħad ikkalkulaw in-​numru taʼ stilel fil-​bqija tas-​sema. “Dan m’huwiex in-​numru totali taʼ stilel fl-​univers, iżda huwa n-​numru taʼ stilel li t-​teleskopji tagħna jistgħu jidentifikaw,” jgħid Dr. Simon Driver taʼ l-​Awstralja, li mexxa t-​tim. “Anki għal astronomu professjonali li huwa mdorri jaħdem b’numri enormi, dan huwa taʼ taħbil il-​moħħ.” Bl-​għajn naturali, tistaʼ tara ftit eluf taʼ stilel biss mill-​iktar postijiet mudlama fuq l-​art, u 100 biss minn belt kbira.

In-​Nisa tad-​Dar Jilagħbu l-​Logħob tal-​Flus

Fil-​Britannja “iktar u iktar nisa tad-​dar qegħdin jaqbdu l-​vizzju li jilagħbu l-​logħob tal-​flus fuq is-​siti taʼ l-​Internet, u jqattgħu sigħat sħaħ kuljum jiddejnu b’eluf taʼ liri,” tirrapporta The Sunday Telegraph taʼ Londra. Nisa li jżommu lura milli jidħlu fil-​ħwienet fejn jilagħbu l-​logħob tal-​flus isibuha iktar faċli li jagħmlu dan fuq l-​Internet. Barra minn hekk, il-​logħob tal-​flus isir parti mill-​ħajja taʼ kuljum tagħhom. Hemm ħafna li qed jaqbdu l-​vizzju, iżda minħabba r-​reputazzjoni ħażina li hemm assoċjata mal-​logħob tal-​flus li jsir min-​nisa, taʼ spiss ma jammettux li għandhom problema. Skond il-​gazzetta, il-​Professur Mark Griffiths, taʼ l-​Università taʼ Nottingham, qal li l-​vizzju tal-​logħob tal-​flus fuq l-​Internet jirrifletti “tibdil kulturali kbir ħafna li qed iħalli l-​logħob tal-​flus fil-​każinò jkompli fid-​dar jew fuq il-​post tax-​xogħol.” Hu osserva wkoll: “Jekk biex tilgħab il-​flus se tikkaġuna problema, . . . iċ-​ċans huwa li m’humiex sa jħalluk tidħol fil-​każinò jew fil-​ħwienet tal-​logħob tal-​flus. Bl-​Internet, m’hemm l-​ebda persuna li tistaʼ żżommok milli tagħmel dan.”

Iktar Żgħażagħ Jgħixu fit-​Toroq

“In-​numru taʼ żgħażagħ li qegħdin jgħixu fit-​toroq taʼ Madrid qiegħed jiżdied,” tirrapporta l-​edizzjoni Ingliża taʼ El País, gazzetta Spanjola li toħroġ kuljum. Skond studju li sar minn università, “mill-​5,000 ruħ f’Madrid li m’għandhomx fejn jgħixu, 1,250 minnhom kienu taħt l-​età taʼ 20 sena meta sabu lilhom infushom mingħajr post li jistgħu jsejħulu dar.” Mir-​riċerka nstab li “l-​biċċa l-​kbira miż-​żgħażagħ mingħajr dar jiġu minn familji mkissrin u li bla dubju jkunu għaddew minn trawma f’ħajjithom.” Fil-​fatt, “żewġ adolexxenti minn kull tlieta huma l-​ulied t’alkoħoliċi jew drogati u numru simili ġew abbużati minn membru tal-​familja.” Manuel Muñoz, awtur tar-​rapport, qal li “r-​rabtiet tradizzjonali fil-​familja li normalment issibhom fil-​kulturi Mediterranji qed jibdew jiddgħajfu.”

Nanniet għall-​Kiri

“Iktar minn 1,000 omm u missier waħedhom li għandhom tfal taʼ għaxar snin u inqas setgħu jagħżlu nanniet għal uliedhom,” tirrapporta l-​gazzetta Ġermaniża Nassauische Neue Presse. “Il-​proprja nanniet tiegħi jgħixu ’l bogħod ħafna minn Berlin,” tgħid Melanie li għandha sebaʼ snin. “In-​nanna Klara toqgħod biss ftit ’il bogħod minna. Hi tiġi għalija l-​iskola u tiħodni magħha fiż-​żu, il-​bandli, u ngħum. Hi ssajjar ukoll, u tiekol miegħi u m’ommi d-​dar.” In-​nanna Klara kienet mibgħuta minn servizz “tan-​nanniet” li jagħmel lix-​xjuħ disponibbli għall-​ġenituri waħedhom billi jħallsu Lm1 sa Lm2 is-​siegħa. “Il-​proġett huwa s-​soluzzjoni eżatta għal dawk il-​ġenituri waħedhom li għandhom ftit flus,” jgħid ir-​rapport.

Il-​Baħar Mediterran Qed Jisħon

“Ilna nżommu rekord għal għaxar snin . . . dwar kemm qed jisħon il-​Mediterran,” jgħid Maurizio Wurtz, bijologu tal-​baħar fl-​Università taʼ Ġenova, l-​Italja. Ir-​rapport, li kien fil-​gazzetta Taljana La Repubblica, jgħid li l-​ilmijiet iktar sħan qegħdin jattiraw pjanti u annimali akkwatiċi ġodda. “Ħafna speċi,” jgħid Wurtz, “qegħdin jiċċaqalqu mill-​kosta Afrikana lejn it-​tramuntana tal-​Mediterran.” L-​immigranti jinkludu l-​marzpan, li hu oriġinalment ħuta taʼ l-​ilma tropikali; iċ-​ċawla mil-​latitudni tropikali taʼ l-​Atlantiku; il-​ħmar, li normalment jgħix fl-​oċean Indjan u Paċifiku; u alka li vvjaġġat fil-​Mediterran permezz tal-​Kanal taʼ Swejz.

Xatt għall-​Imbaċċin

Lukanda fil-​Messiku warrbet żona għal dawk li jistħu jmorru l-​baħar fejn ikun hemm ħafna nies irqaq, tirrapporta l-​gazzetta El Economista. Il-​lukanda ħdejn il-​baħar f’Cancún għandha l-​motto “Kun Oħxon u Kun Ferħan.” Il-​lukanda tittama “li tiġbed lil dawk il-​persuni li jibżgħu jmorru l-​baħar bil-​malja minħabba l-​piż żejjed tagħhom.” Il-​ħaddiema tal-​lukanda, li jinkludu nies taʼ piżijiet differenti, huma mħarrġin biex jittrattaw lil turisti mbaċċin mingħajr diskriminazzjoni, jgħid ir-​rapport, “ladarba diġà jiġu diskriminati ħafna fil-​ħajja tagħhom taʼ kuljum.”