Fejn Tistaʼ Ssib Tama Vera?
Fejn Tistaʼ Ssib Tama Vera?
L-ARLOĠĠ tiegħek waqaf jaħdem u jidher imkisser. Meta tiġi biex issewwih, tiffaċċja ħafna għażliet. Hemm ħafna reklami għat-tiswija taʼ l-arloġġi, ilkoll kemm huma jaċċertawk li huma tajbin, u xi wħud huma kontradittorji. Imma x’tagħmel jekk issir taf li l-ġâr tiegħek hu l-bniedem tas-sengħa li ħoloq dak l-arloġġ partikulari xi snin ilu? Mhux talli hekk, talli ssir taf li hu lest jgħinek, mingħajr ħlas. L-għażla tiegħek tidher ċara, veru?
Issa qabbel dak l-arloġġ maʼ l-abbiltà tiegħek li tittama. Jekk tħoss li qed titlef it-tama—bħalma jiġrilhom ħafna f’dawn iż-żminijiet diffiċli—fejn se ddur għall-għajnuna? Hemm ħafna nies li jgħidu li jistgħu jsolvu l-problema, imma l-għadd li ma jispiċċa qatt taʼ suġġerimenti jistaʼ jħawdek u jidher kontradittorju. Allura, għala ma tmurx mill-ewwel għand dak li sawwar il-bniedem bl-abbiltà li jittama? Il-Bibbja tgħid “hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna” u hu jixtieq ħafna li jgħinna.—Atti 17:27; 1 Pietru 5:7.
Tifsira Iktar Profonda tat-Tama
Il-konċett taʼ tama fil-Bibbja huwa iktar profond u jinkludi ħafna iktar tifsir minn kif iħarsu lejh it-tobba, ix-xjenzati, u l-psikoloġi taʼ llum. Il-kliem bil-lingwa oriġinali użat fil-Bibbja li jiġi tradott bħala “tama” jfisser li tistenna bil-ħerqa u tistenna t-tajjeb. Bażikament, it-tama hija magħmula minn żewġ affarijiet. Dawn huma x-xewqa għal xi ħaġa tajba kif ukoll il-bażi biex l-individwu jemmen li se jiġi t-tajjeb. It-tama li toffri l-Bibbja m’hijiex sempliċement xewqa li xi ħaġa mhux realistika se sseħħ. Din hija bbażata fis-sod fuq fatti u evidenza.
F’dan, it-tama tmur id f’id mal-fidi, li għandha tkun ibbażata fuq il-prova—mhux sempliċement tiblaʼ dak kollu li tiddettalek ir-reliġjon. (Lhud 11:1) Xorta waħda, il-Bibbja tagħmel distinzjoni bejn il-fidi u t-tama.—1 Korintin 13:13.
Biex nagħtu eżempju: Meta titlob lil xi
ħabib għażiż biex jagħmillek pjaċir, wisq probabbli tittama li se jgħinek. It-tama tiegħek m’hijiex bla bażi għaliex int għandek fiduċja f’ħabibek—tafu sew, u rajtu jaġixxi b’qalb tajba u bil-ġenerożità fil-passat. Il-fidi u t-tama tiegħek huma konnessi mill-qrib, saħansitra jiddependu minn xulxin, imma huma żewġ affarijiet differenti. Kif jistaʼ jkollok tama bħal din f’Alla?Il-Bażi għat-Tama
Alla hu s-sors tat-tama vera. Fiż-żminijiet Bibliċi Jehovah issejjaħ it-“tama taʼ Iżrael.” (Ġeremija 14:8) Kwalunkwe tama soda li kellu l-poplu tiegħu kienet ġejja minnu; għalhekk, hu kien it-tama tagħhom. Din it-tama ma kinitx sempliċi xewqa. Alla tahom bażi soda għat-tama. Mill-mod kif ittrattahom tul is-sekli, hu ħalla reputazzjoni li wettaq il-wegħdi li għamel. Il-mexxej tagħhom Ġożwè qal lil Iżrael: “[“Intom tafu sewwa,” NW ]. . . li ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset.”—Ġożwè 23:14.
Illum, eluf taʼ snin wara, dak il-kliem għadu jgħodd. Il-Bibbja mimlija wegħdi taʼ l-għaġeb mingħand Alla u fiha storja eżatta mniżżla bil-miktub li turi kif dawn seħħew. Il-wegħdi profetiċi tiegħu tant huma taʼ min joqgħod fuqhom li kultant inkitbu daqslikieku kienu diġà seħħew hekk kif kienu għadhom kemm tbassru.
Għal din ir-raġuni nistgħu ngħidu li l-Bibbja hi l-ktieb tat-tama. Hekk kif tistudja r-rakkonti taʼ kif Alla aġixxa mal-bnedmin, se jkollok raġunijiet iktar qawwija għalxiex tittama fih. L-appostlu Pawlu kiteb: “Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.”—Rumani 15:4.
Alla Liema Tama Jagħtina?
Meta jkollna l-iktar bżonn it-tama? Mhux meta niffaċċjaw il-mewt? Madankollu, għal ħafna jkun f’mumenti bħal dawn—per eżempju, meta l-mewt tieħu lil xi maħbub—li t-tama tkun impossibbli. Wara kollox, x’jistaʼ jkun iktar bla tama mill-mewt? Din tiġri wara kull wieħed minna bla heda. Ma tantx nistgħu ndumu nevitawha, u ma nistgħux irreġġgħuha lura. B’mod xieraq, il-Bibbja ssejjaħ il-mewt bħala “l-aħħar għadu.”—1 Korintin 15:26.
Allura, kif jistaʼ jkollna t-tama meta niffaċċjaw il-mewt? Il-vers Bibliku li l-mewt isejħilha l-aħħar għadu jgħid ukoll li dan l-għadu se “jinqered.” Alla Jehovah hu iktar qawwi mill-mewt. Hu ta prova taʼ dan f’diversi okkażjonijiet. Kif? Billi qajjem lill-mejtin. Il-Bibbja tiddeskrivi disaʼ okkażjonijiet differenti meta Alla uża l-qawwa tiegħu biex jerġaʼ jagħti l-ħajja lil uħud li kienu mietu.
F’każ li jispikka, Jehovah ta l-qawwa lil Ibnu, Ġesù, biex jirxoxta lill-ħabib għażiż tiegħu Lazzru, li kien ilu mejjet erbat ijiem. Ġesù għamel dan, mhux fil-moħbi, imma fil-beraħ, quddiem folol taʼ wħud li kienu qed jarawh.—Ġwanni 11:38-48, 53; 12:9, 10.
Għandek mnejn taħseb, ‘Għala ġew irxoxtati dawn in-nies? Mhux xorta xjaħu u mietu wara?’ Iva, veru. Madankollu, minħabba r-rakkonti taʼ min joqgħod fuqhom imniżżlin bil-miktub bħal dan li semmejna, jistaʼ jkollna iktar minn sempliċi xewqa li l-maħbubin mejtin tagħna jerġgħu jgħixu; għandna raġuni għalxiex nemmnu li se jirxoxtaw. Fi kliem ieħor, għandna tama ġenwina.
Ġesù qal: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja.” (Ġwanni 11:25) Hu l-Wieħed li lilu Jehovah se jagħtih il-qawwa biex iwettaq irxoxt globali. Ġesù qal: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu [leħen Kristu] u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Iva, dawk kollha reqdin fl-oqbra għandhom il-prospett li jirxoxtaw għall-ħajja f’ġenna taʼ l-art.
Il-profeta Isaija ħallielna din id-deskrizzjoni taʼ l-irxoxt li tmisslek qalbek: “Għax jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek, il-katavri jqumu lkoll. Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-trab. In-nida tiegħek hi nida taʼ dawl, u l-art [“terġaʼ tiled lil dawk li ilhom mejtin,” The Isaija 26:19.
New English Bible].”—M’hijiex taʼ faraġ din il-wegħda? Il-mejtin jinsabu fl-iktar sitwazzjoni protetta li tistaʼ timmaġina, bħal tarbija fil-kenn taʼ ġuf ommha. Tabilħaqq, dawk li qed jistrieħu fl-oqbra jinsabu protetti b’mod perfett fil-memorja bla limitu taʼ Alla li Jistaʼ Kollox. (Luqa 20:37, 38) U dalwaqt se jerġgħu jingħataw il-ħajja u jidħlu f’dinja kollha hena li se tilqagħhom bl-istess mod bħalma familja tilqaʼ bl-imħabba lit-tarbija ġdida wara li tkun ilha tistennieha! Allura, anki meta niffaċċjaw il-mewt għandna fiex nittamaw.
X’Tistaʼ Tagħmel Għalik it-Tama
Pawlu jgħallimna ħafna dwar kemm tiswa t-tama. Hu tkellem dwar it-tama bħala li hi parti vitali mill-armatura spiritwali—l-elmu. (1 Tessalonikin 5:8) X’ried jgħid biha? Is-suldat fiż-żminijiet Bibliċi kien jilbes elmu tal-metall fil-gwerra, spiss fuq kappa tad-drapp jew tal-ġilda. Minħabba l-elmu, ħafna mid-daqqiet li kienet taqlaʼ r-ras kienu jerġgħu lura minflok ma joqtluh. X’kien il-punt taʼ Pawlu? L-istess bħalma elmu jipproteġi r-ras, hekk ukoll it-tama tipproteġi l-moħħ, l-abbiltajiet tal-ħsieb. Jekk għandek tama soda fi qbil maʼ l-iskopijiet t’Alla, il-paċi tal-moħħ tiegħek m’hijiex se titfarrak minħabba l-paniku jew id-disprament meta tiffaċċja t-tbatija. Min minna m’għandux bżonn elmu bħal dan?
Pawlu uża tixbiha vivaċi oħra dwar it-tama li hi konnessa mar-rieda t’Alla. Hu kiteb: “Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:19) Pawlu salva kemm-il darba minn nawfraġju, u kien jaf sew kemm tiswa ankra. Meta jinqabdu f’maltempata, il-baħrin iniżżlu l-ankra tal-vapur. Jekk din taqbad maʼ qiegħ il-baħar u żżomm sod, il-vapur ikollu ċans akbar li jgħaddi mill-maltempata minflok ma jitkaxkar lejn ix-xatt u jitkisser mal-blat.
Bl-istess mod, jekk il-wegħdi t’Alla huma għalina tama “sħiħa u qawwija,” din it-tama tistaʼ tgħinna nsalvaw fit-taqlib taʼ dawn iż-żminijiet tempestużi. Jehovah iwiegħed li dalwaqt se jiġi żmien meta lbnedmin mhux se jibqgħu jbatu minħabba l-gwerer, il-kriminalità, l-inkwiet, jew saħansitra l-mewt. (Ara l-kaxxa f’paġna 10.) Jekk inżommu sod maʼ din it-tama se niġu megħjunin biex nitbiegħdu mid-diżastru, u se jkollna l-motivazzjoni li neħtieġu biex ngħixu skond il-livelli t’Alla minflok ma nċedu għall-ispirtu mħawwad u immorali li hu tant mifrux fid-dinja llum.
It-tama li joffri Jehovah tinvolvi wkoll lilek personalment. Hu jridek tgħix ħajtek kif kien l-iskop tiegħu għalik li tgħixha. Ix-xewqa tiegħu hi li “l-bnedmin kollha jsalvaw.” Kif? L-ewwelnett, kulħadd għandu ‘jasal biex jagħraf il-verità.’ (1 Timotju 2:4) Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jħeġġuk tieħu l-għarfien li jagħti l-ħajja dwar il-verità tal-Kelma t’Alla. It-tama li jagħtik Alla permezz taʼ dan hi ħafna aqwa minn kwalunkwe tama li tistaʼ ssib f’din id-dinja.
B’tama bħal din qatt m’għandek għalfejn tħossok bla ħila, għaliex Alla se jagħtik is-saħħa li għandek bżonn biex tilħaq kwalunkwe mira li għandek fi qbil mar-rieda tiegħu. (2 Korintin 4:7; Filippin 4:13) M’hijiex din it-tama li għandek bżonn? Allura jekk għandek bżonn it-tama, jekk kont qed tfittixha, agħmel il-qalb. It-tama tinsab quddiemek. Int tistaʼ ssibha!
[Kaxxa f’paġna 10]
Raġunijiet biex Tittama
Dawn il-ħsibijiet Skritturali jistgħu jgħinuk tibni t-tama tiegħek:
▪ Alla jwiegħed futur hieni.
Il-Kelma tiegħu tgħid li l-art se ssir ġenna globali, abitata minn familja taʼ bnedmin ferħanin u magħqudin.—Salm 37:11, 29; Isaija 25:8; Apokalissi 21:3, 4.
▪ Alla ma jistax jigdeb.
Hu jobgħod il-gideb fil-forom kollha tiegħu. Jehovah hu qaddis jew safi għalkollox, allura impossibbli jigdeb.—Proverbji 6:16-19; Isaija 6:2, 3; Titu 1:2; Lhud 6:18.
▪ Alla għandu qawwa bla limitu.
Jehovah biss jistaʼ kollox. M’hemm xejn fl-univers li jistaʼ jwaqqfu milli jwettaq il-wegħdi tiegħu.—Eżodu 15:11; Isaija 40:25, 26.
▪ Alla jridek tgħix għal dejjem.
—Ġwanni 3:16; 1 Timotju 2:3, 4.
▪ Alla jħares lejna bit-tama.
Hu jagħżel li jiffoka, mhux fuq id-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tagħna, imma fuq il-kwalitajiet tajbin u l-isforzi tagħna. (Salm 103:12-14; 130:3; Lhud 6:10) Hu jittama li se nagħmlu dak li hu tajjeb u hu jitgħaxxaq meta nagħmlu dan.—Proverbji 27:11.
▪ Alla jwiegħed li jgħinek tilħaq miri fi qbil maʼ l-iskop divin.
Il-qaddejja tiegħu qatt ma għandhom għalfejn iħossuhom bla ħila. Alla jagħti b’mod ġeneruż mill-ispirtu qaddis tiegħu, l-iktar qawwa b’saħħitha li teżisti, sabiex jgħinna.—Filippin 4:13.
▪ Qatt ma tkun żbaljat jekk tittama f’Alla.
Hu taʼ min joqgħod fuqu u tistaʼ tafda fih għalkollox, qatt ma se jiddiżappuntak.—Salm 25:3.
[Stampa f’paġna 12]
Bħalma elmu jipproteġi r-ras, hekk ukoll it-tama tipproteġi l-moħħ
[Stampa f’paġna 12]
Bħal ankra, tama mqabbda fis-sod tistaʼ ssaħħek
[Sors]
Courtesy René Seindal/Su concessione del Museo Archeologico Regionale A. Salinas di Palermo