Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?

Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Għala Għandek Tħares Lejn iż-​Żwieġ Bħala li hu Sagru?

ĦAFNA nies illum wisq probabbli jgħidu li jemmnu fil-​qdusija taż-​żwieġ. Imma, allura, għala ħafna rabtiet jispiċċaw f’divorzju? Għal xi wħud, iż-​żwieġ m’hu xejn ħlief wegħda romantika u ftehim legali. Imma xi wħud iħossu li l-​wegħdi jistgħu jinkisru. Dawk li jħarsu lejn iż-​żwieġ b’dan il-​mod isibuha faċli biex itemmu ż-​żwieġ tagħhom meta l-​affarijiet imorru ħażin.

Alla kif iħares lejn l-​arranġament taż-​żwieġ? It-​tweġiba tinstab fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, f’Lhud 13:4: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd.” Il-​kelma Griega tradotta “fil-​ġieħ” iġġorr il-​ħsieb taʼ xi ħaġa li hi prezzjuża u li hi stmata ħafna. Meta ngħożżu xi ħaġa, nieħdu ħsiebha biex inżommuha u ma nitilfuhiex, lanqas bi żball. L-​istess għandu jkun minnu dwar l-​arranġament taż-​żwieġ. Il-​Kristjani għandhom jarawh bħala li hu taʼ ġieħ​—bħala xi ħaġa prezzjuża li jridu jipproteġuha.

Ovvjament, Alla Jehovah ħalaq iż-​żwieġ bħala arranġament sagru bejn raġel u mara. Imma kif nistgħu nuru li għandna l-​istess ħarsa tiegħu lejn iż-​żwieġ?

L-​Imħabba u r-​Rispett

Biex l-​arranġament taż-​żwieġ jingħata ġieħ hemm bżonn li r-​raġel u l-​mara jagħtu ġieħ u jistmaw lil xulxin. (Rumani 12:10) L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-​mara għandha ġġib rispett lil żewġha.”—Efesin 5:33.

Huwa minnu li kultant xi ħadd mill-​miżżewġin għandu mnejn ma jaġixxix bl-​akbar rispett u mħabba. Xorta waħda, il-​Kristjani għandhom juru l-​imħabba u r-​rispett. Pawlu kiteb: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”—Kolossin 3:13.

Il-​Ħin u l-​Attenzjoni

Il-​koppji miżżewġin li jħarsu lejn ir-​rabta tagħhom bħala li hi sagra, iwarrbu l-​ħin biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali taʼ xulxin. Dan jinkludi l-​intimità sesswali. Il-​Bibbja tgħid: “Ir-​raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-​mara lil żewġha.”​—1 Korintin 7:3.

Madankollu, xi koppji miżżewġin ħassew il-​ħtieġa li r-​raġel imur jaħdem f’post differenti għal xi żmien biex jaqilgħu paga akbar. Kultant, il-​firda ddum iktar minn kemm ikun mistenni. Spiss, firdiet bħal dawn jagħmlu pressjoni kbira fuq iż-​żwieġ saħansitra ġieli jwasslu għall-​adulterju u d-​divorzju. (1 Korintin 7:​2, 5) Għal din ir-​raġuni, ħafna koppji Kristjani ddeċidew li jibqgħu mingħajr ċerti vantaġġi materjali minflok ma jipperikolaw iż-​żwieġ li tant hu sagru għalihom.

Meta Jinqalgħu l-​Problemi

Meta jqumu l-​problemi, il-​Kristjani li jonoraw iż-​żwieġ tagħhom ma jaqbdux u jisseparaw jew jiddivorzjaw. (Malakija 2:16; 1 Korintin 7:​10, 11) Ġesù qal: “Kull min jibgħat lil martu barra l-​każ taʼ żwieġ ħażin [“żena,” Karm Żammit ], iwaqqagħha fl-​adulterju: u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.” (Mattew 5:32) Meta tnejn miżżewġin jagħżlu li jisseparaw jew jiddivorzjaw mingħajr ebda bażi Skritturali jkunu qed jiddiżonoraw iż-​żwieġ.

Il-ħarsa tagħna lejn iż-​żwieġ tidher ukoll mill-​pariri li nagħtu lil dawk li għandhom problemi serji fiż-​żwieġ. Aħna malajr nissuġġerixxu li jisseparaw jew jiddivorzjaw? Huwa minnu li kultant ikun hemm bażi valida biex issir separazzjoni, bħal meta jkun hemm abbuż fiżiku estrem jew nuqqas volontarju taʼ manteniment. * Ukoll, bħalma nnotajna qabel, il-​Bibbja tippermetti li jkun hemm divorzju biss meta s-​sieħeb (jew is-​sieħba) fiż-​żwieġ ikun ħati taż-​żína. Xorta waħda, il-​Kristjani m’għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw iżżejjed id-​deċiżjoni t’oħrajn f’dawn is-​sitwazzjonijiet. Wara kollox, hu l-​individwu bil-​problema fiż-​żwieġ​—mhux min jagħti l-​parir​—li se jkollu jgħix bil-​konsegwenzi tad-​deċiżjoni.​—Galatin 6:​5, 7.

Evita Ħarsa Indifferenti

F’ċerti nħawi saret xi ħaġa komuni li n-​nies jużaw iż-​żwieġ bħala mezz kif jiksbu r-​residenza legali f’pajjiż ieħor. Ġeneralment dawn l-​uħud jiftiehmu li jħallsu lil ċittadin taʼ dan il-​pajjiż biex jiżżewwiġhom. Spiss dawn il-​koppji, għalkemm ikunu miżżewġin, jibqgħu separati, forsi lanqas biss ikollhom ħbiberija. Malli jiksbu r-​residenza legali li jkunu jixtiequ, huma jiddivorzjaw. Huma jħarsu lejn iż-​żwieġ tagħhom bħala li hu biss ftehim taʼ negozju.

Il-Bibbja ma tappoġġax ħarsa indifferenti bħal din. Ikunu xi jkunu l-​motivi, min jiżżewweġ jidħol f’arranġament sagru li Alla jikkunsidrah bħala rabta. Il-​membri taʼ ftehim bħal dan jibqgħu marbutin bħala raġel u mara miżżewġin, u ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu sakemm ma jkollhomx bażi Skritturali għal divorzju.—Mattew 19:​5, 6, 9 ().

Bħal kull ħaġa oħra li jixraq li naħdmu għaliha, żwieġ tajjeb jeħtieġ l-​isforz u l-​perseveranza. Dawk li ma japprezzawx kemm hu sagru jaqtgħu qalbhom iktar malajr. Jew inkella għandhom mnejn jirrassenjaw ruħhom u jgħixu mdejqin fiż-​żwieġ tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, dawk li jagħrfu kemm hu sagru ż-​żwieġ jafu li Alla jistenniehom jibqgħu flimkien. (Ġenesi 2:24) Huma jirrealizzaw ukoll li jekk jaħdmu biex fiż-​żwieġ tagħhom ikun hemm l-​armonija, huma jonoraw lil Alla bħala d-​Disinjatur taʼ l-​arranġament taż-​żwieġ. (1 Korintin 10:31) Peress li jżommu din il-​ħarsa huma motivati biex jipperseveraw u jaħdmu ħalli ż-​żwieġ tagħhom jirnexxi.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 14 Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Frar, 1989, paġni 9-10.