Għala Għandna Bżonn it-Tama?
Għala Għandna Bżonn it-Tama?
XI NGĦIDU kieku Daniel, it-tfajjel li kellu l-kanċer li semmejna fil-bidu taʼ l-artiklu l-ieħor, baqaʼ jittama bil-kbir? Kien jirnexxi fil-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer? Kien ikun għadu ħaj illum? Anki min hu konvint li t-tama hi effettiva wisq probabbli joqgħod lura milli jgħid xi ħaġa bħal din. U f’dan hemm punt importanti. Wieħed m’għandux jesaġera l-qawwa tat-tama. Din m’hijiex xi eliżir, m’hijiex xi rimedju taʼ kollox.
F’intervista li saritlu mis-CBS News, it-Tabib Nathan Cherney wissa dwar il-periklu li hemm meta tiġi esaġerata l-qawwa tat-tama fil-każ taʼ pazjenti li jkunu morda serjament: “Kellna sitwazzjonijiet fejn l-irġiel iċanfru lin-nisa tagħhom dwar li ma jkunux qed jimmeditaw biżżejjed, jew li mhux qed jaħsbu pożittiv biżżejjed.” It-Tabib Cherney żied: “L-idea kollha kemm hi ħolqot illużjoni taʼ kontroll [fuq it-tumur] u meta saħħet in-nies tmur lura, xi wħud jaħsbu li [l-morda] ma rnexxilhomx jikkontrollaw biżżejjed it-tumur, u dan mhux fier.”
Fir-realtà, dawk li jissaraw kontra marda fatali jinsabu involuti fi ġlieda li tifnihom u tnixxifhom. Żgur li l-maħbubin tagħhom ma jridux itaqqluhom bil-piż tal-ħtija minbarra l-piż li diġà għandhom minħabba l-kundizzjoni li jinsabu fiha. Allura għandna nikkonkludu li t-tama m’għandha ebda valur?
Lanqas xejn. L-istess tabib, per eżempju, jispeċjalizza fil-kura li tagħti s-serħan mill-uġigħ u s-sintomi tal-mard—jiġifieri kura li ma tiffokax direttament fuq li tiġġieled kontra l-marda jew fuq li ttawwal il-ħajja, imma fuq li tagħmel il-ħajja tal-pazjent iktar komda u pjaċevoli sakemm idum jissara. Dawn it-tobba jemmnu ħafna fil-valur tal-kuri li jwasslu għal stat mentali iktar hieni, anki għal min ikun marid gravi. Hemm biżżejjed evidenza li t-tama tistaʼ tagħmel dan—u saħansitra iktar.
Kemm Tiswa t-Tama
“It-tama hi terapija qawwija,” jgħid b’ċertezza t-Tabib W. Gifford-Jones, ġurnalist mediku. Hu rriveda diversi studji li saru biex jiddeterminaw il-valur taʼ l-appoġġ emozzjonali li jingħata
lill-pazjenti li jkunu se jmutu minħabba l-marda tagħhom. Milli jidher, dan it-tip t’appoġġ jgħin lin-nies biex iżommu ħarsa iktar pożittiva u mimlija tama. Fi studju li sar fl-1989 instab li l-pazjenti li ngħataw appoġġ bħal dan damu iktar ħajjin, waqt li riċerka li saret dan l-aħħar uriet inqas ċertezza dwar dan. Madankollu, l-istudji kkonfermaw li l-pazjenti li jingħataw appoġġ emozzjonali jbatu inqas bid-dipressjoni u jkollhom inqas uġigħ minn dawk li m’għandhomx dan l-appoġġ.Ikkunsidra studju ieħor li ffoka fuq l-effett taʼ l-ottimiżmu u l-pessimiżmu fuq dawk li jbatu bil-mard tal-qalb. Iktar minn 1,300 raġel ġew eżaminati bir-reqqa dwar jekk għandhomx ħarsa ottimista jew pessimista lejn il-ħajja. Studju li sar għaxar snin wara fuq l-istess irġiel sab li iktar minn 12 fil-mija minnhom kienu jbatu b’xi tip taʼ mard tal-qalb. Fosthom, il-pessimisti kienu kważi d-doppju taʼ l-ottimisti. Laura Kubzansky, professoressa assistenta tas-saħħa u l-imġiba soċjali fl-Iskola tas-Saħħa Pubblika taʼ Harvard, tgħid: “Ħafna mill-evidenza taʼ l-idea li l-‘ħsieb pożittiv’ huwa tajjeb għas-saħħa ġiet minn min jesperjenzah—dan l-istudju jipprovdi xi ftit mill-ewwel evidenza medika reali għal din l-idea fejn jidħol il-mard tal-qalb.”
Xi studji sabu li min jaħseb li s-saħħa tiegħu hija ħażina fil-fatt imur agħar wara l-operazzjoni meta mqabbel maʼ dawk li jħossu li saħħithom hija tajba. Anki l-fatt li individwu jkollu ħajja twila ġie konness maʼ l-ottimiżmu. Studju wieħed eżamina kif l-anzjani jiġu effettwati mill-ħsibijiet pożittivi u negattivi dwar ix-xjuħija. Meta n-nies akbar fl-età rċivew kummenti qosra li għaqqdu l-proċess tax-xjuħija maʼ żjieda t’għerf u esperjenza, instab li wara kienu jimxu b’iktar qawwa u enerġija. Fil-fatt, it-titjib kien simili għar-riżultati taʼ programm t’eżerċizzju taʼ tnax-il ġimgħa!
Għala emozzjonijiet bħat-tama, l-ottimiżmu, u l-ħarsa pożittiva lejn il-ħajja donnhom huma tajbin għas-saħħa? Forsi x-xjenzati u t-tobba għadhom
ma jifhmux il-moħħ u l-ġisem uman biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jagħtu tweġibiet eżatti. Minkejja dan, l-esperti li jistudjaw is-suġġett jistgħu jipprovaw jaqtgħu fuq dak li jafu. Per eżempju, wieħed professur tan-newroloġija jissuġġerixxi: “Tħossok tajjeb meta tkun kuntent u mimli tama. Dan hu stat pjaċevoli li fih tipproduċi verament ftit stress, u l-ġisem jiffjorixxi f’dawn il-kundizzjonijiet. Din hija ħaġ’oħra li n-nies jistgħu jagħmlu biex jipprovaw jibqgħu f’saħħithom.”Din l-idea għal xi tobba, psikoloġi, u xjenzati għandha mnejn tidher bħala li hi skoperta reċenti, imma din m’hi xejn ġdida għall-istudenti tal-Bibbja. Xi 3,000 sena ilu l-għaref Sultan Salamun ġie ispirat biex jikteb ħsibijietu: “Qalb ferħana tagħti s-saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem.” (Proverbji 17:22) Innota l-bilanċ li jidher hawnhekk. Dan il-vers ma jgħidx li qalb ferħana se tfejjaq kwalunkwe marda imma sempliċement jgħid li “tagħti s-saħħa.”
Fil-fatt, ikun raġunevoli li nistaqsu, Jekk it-tama hi bħal mediċina, liema tabib mhux se jirrikkmandaha? Iktar minn hekk, it-tama fiha benefiċċji li jinkludu ħafna iktar minn sempliċement saħħa tajba.
L-Ottimiżmu, il-Pessimiżmu, u Ħajtek
Ir-riċerkaturi sabu li l-ottimisti jibbenefikaw b’ħafna modi minħabba din il-ħarsa pożittiva. Dawn għandhom it-tendenza li jmorru aħjar fl-iskola, fix-xogħol, u saħansitra fil-qasam atletiku. Per eżempju, sar studju fuq grupp taʼ nisa li jagħmlu l-atletika. Dawk li jħarrġuhom niżżlu bil-miktub dak kollu li kull waħda minnhom kienet kapaċi tagħmel fl-atletika. Fl-istess waqt, in-nisa stess ġew mistoqsijin u ġie studjat sew il-livell taʼ tama li għandhom. Ir-riżultat wera li setgħu jkunu jafu aħjar kif kull waħda minnhom se tmur fl-atletika minn kemm kellha tama qawwija iktar milli minn dak li niżżlu bil-miktub dawk li kienu jħarrġuhom. It-tama għala għandha effett daqshekk qawwi?
Sirna nafu ħafna affarijiet mill-istudji li saru dwar dak li hu kuntrarju għall-ottimiżmu—il-pessimiżmu. Matul is-snin 60, l-esperimenti pproduċew skoperta mhux mistennija dwar l-imġiba taʼ l-annimali, li wasslet lir-riċerkaturi biex joħolqu frażi li tfisser ‘titgħallem tkun bla ħila.’ Huma skoprew li anki l-bnedmin jistgħu jbatu b’dan it-tip taʼ sindromu. Per eżempju, xi wħud li ġew użati f’esperiment tħallew jisimgħu ħoss tedjanti u ntqalilhom li setgħu jitgħallmu jwaqqfuh billi jagħfsu għadd taʼ buttuni wara xulxin. Huma rnexxielhom iwaqqfu l-ħoss.
Lill-membri tat-tieni grupp intqalilhom l-istess ħaġa—imma meta għafsu l-buttuni xejn ma nbidel. Bħalma tistaʼ timmaġina, ħafna fost dan il-grupp ħassewhom bla ħila. Meta wara kienu involuti f’esperimenti oħrajn, huma qagħdu lura għalkollox milli jaġixxu. Huma kienu konvinti li ma setgħu jagħmlu xejn biex jibdlu s-sitwazzjoni. Madankollu, anki f’dan it-tieni grupp, dawk l-uħud li kienu ottimisti ma ridux iċedu u jħossuhom bla ħila bħall-oħrajn.
Dr. Martin Seligman, li għen biex jiġu vvintati xi wħud minn dawn l-esperimenti tal-bidu, tqanqal biex jagħmel karriera jistudja l-ottimiżmu u l-pessimiżmu. Hu eżamina bir-reqqa t-tip taʼ ħsibijiet li jkollhom uħud li għandhom it-tendenza li jqisu lilhom infushom bla ħila. Hu kkonkluda li dawn il-ħsibijiet pessimisti jagħmluha diffiċli għan-nies jew saħansitra ma jħallihomx għaddejjin bl-attivitajiet normali tal-ħajja. Seligman jiġbor fil-qosor il-ħsibijiet pessimisti u l-effetti tagħhom b’dan il-mod: “Il-ħamsa u għoxrin sena taʼ studju kkonvinċewni li jekk niħduha drawwa li nemmnu, bħalma jagħmlu lpessimisti, li l-isfortuna hija tort tagħna, li hija permanenti, u li se teffettwa kulma nagħmlu, iktar affarijiet se jmorru ħażin milli kieku naħsbuha mod ieħor.”
Għal darb’oħra, illum dawn il-konklużjonijiet għandhom mnejn jidhru ġodda għal xi wħud, imma min jistudja l-Bibbja diġà hu familjari magħhom. Innota dan il-proverbju: “Jekk int tintreħa fir-riżq it-tajjeb, x’saħħa għandek fir-riżq il-ħażin?” (Proverbji 24:10) Iva, il-Bibbja tispjega b’mod ċar li l-iskuraġġiment, bil-ħsibijiet negattivi li jiġu miegħu, se jisraqlek il-qawwa tiegħek biex taġixxi. Imma allura, x’tistaʼ tagħmel biex tegħleb il-pessimiżmu u jkollok iktar ottimiżmu u tama f’ħajtek?
[Stampa f’paġna 4, 5]
It-tama tistaʼ tagħmel ħafna ġid