Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Jbusu l-Ġebla taʼ Blarney?

Għala Jbusu l-Ġebla taʼ Blarney?

Għala Jbusu l-​Ġebla taʼ Blarney?

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​IRLANDA

IL-​LEĠĠENDA tgħid hekk: Kien hemm raġel kollu rogħda wieqaf quddiem ir-​Reġina Eliżabetta I taʼ l-​Ingilterra. Kien għadu kif wasslilha aħbar ħażina mingħand kap Irlandiż u kien qed jistennieha tinfexx f’dagħdigħa. F’daqqa waħda, ir-​reġina bdiet tfaqqaʼ d-​daħq u qaltlu: “Dan hu messaġġ tipiku tal-​kap taʼ Blarney. Kulma jgħid qatt ma jkun minnu!” F’kemm ili ngħidlek, il-​biżaʼ tar minn fuqu.

Ir-reġina, li saltnet mill-​1558 sa l-​1603, wisq probabbli ma stennietx li dawn l-​erbaʼ kelmiet kienu se jikkontribwixxu għal tradizzjoni unika fl-​Irlanda​—li individwu jbus dik li tissejjaħ il-​Ġebla taʼ Blarney. Kull sena, eluf taʼ nies jiġu fir-​raħal żgħir taʼ Blarney, li jinsab ftit kilometri lejn it-​tramuntana tal-​belt taʼ Cork, sabiex jagħmlu dan ir-​ritwal stramb. Huma jbusu l-​ġebla għaliex min jagħmel dan suppost li jingħata don​—id-​don li jkun fluwenti fil-​kliem.

Kif oriġinat il-​leġġenda? U kif bdiet din l-​użanza li individwu jbus il-​ġebla? Biex insibu t-​tweġibiet irridu mmorru lura kważi għaxar sekli.

Kastell b’Ħafna Storja

Fil-​bidu l-​Kastell taʼ Blarney kien sempliċi forti żgħir taʼ l-​injam fl-​għaxar seklu E.K. Maż-​żmien, minfloku nbena bini akbar tal-​ġebel. Sa nofs is-​seklu 15, il-​familja MacCarthy żviluppat il-​kastell u għamlitu raħal żgħir fortifikat. F’dak iż-​żmien kien l-​iktar kastell b’saħħtu f’din il-​parti taʼ l-​Irlanda. Ħafna mill-​ħitan tal-​ġebel kienu wesgħin ħames metri u nofs.

Il-kap tal-​familja, Cormac MacCarthy, li għex mill-​1411 sa l-​1494, ried iħalli tifkira permanenti tiegħu nnifsu. Allura, għażel blata kbira tal-​ġir u għamel kitba bil-​Latin imnaqqxa fuqha, li tgħid meta tiġi tradotta: “Cormac MacCarthy il-​Qawwi bena [dan il-​kastell] fis-​sena 1446 wara Kristu.” Il-​bennejja poġġew din il-​ġebla fl-​għoli fit-​torri tal-​Kastell taʼ Blarney. Għall-​bidu, din serviet bħala sempliċi mafkar. Xi seklu wara, din il-​ġebla bdiet tiġi konnessa maʼ li tkun fluwenti fil-​kliem.

Blarney u l-​Kliem Melliesi

Waqt li l-​leġġenda li semmejna fil-​bidu wisq probabbli hi iktar ħmerija milli storja vera, din hi konnessa ħafna maʼ kif l-​affarijiet kienu jsiru f’dak iż-​żmien. Ir-​Reġina Eliżabetta riedet lill-​kapijiet Irlandiżi jsiru alleati tal-​kuruna Ingliża. Il-​familja MacCarthy ħejjiet elf suldat biex jiġġieldu minn taʼ l-​inqas gwerra waħda għan-​nom tagħha. Allura, ir-​reġina kienet kunfidenti li setgħet faċilment tipperswadi lill-​kap tal-​familja MacCarthy li kien qed jirrenja, Cormac McDermod MacCarthy, biex ikun assolutament leali lejha.

Peress li r-​Reġina Eliżabetta ma setgħetx tmur hi biex tinnegozja miegħu, ovvjament kienet se tqabbad deputat ħalli jitkellem għan-​nom tagħha. Meta d-​deputat bagħat l-​uffiċjali biex jipprovaw jikkonvinċu lil MacCarthy jaħlef li hu alleat tar-​reġina, dawn intlaqgħu “b’diskursati twal, fluwenti, u melliesa, li jwiegħdu ħafna imma jwettqu ftit,” skond l-​istorja kif inhi mniżżla fil-​ktieb The Blarney Stone.

Maż-żmien, l-​istorja tgħid li d-​deputat innifsu tar-​Reġina Eliżabetta mar ikellem lil MacCarthy. Imbagħad, hu vvjaġġa lejn l-​Ingilterra biex personalment jgħid lir-​reġina x’ġara. Hu kien jaf li ma kinitx se tkun trid tismaʼ l-​aħbar tiegħu​—li għal darb’oħra MacCarthy “ittallab għal iktar żmien” sabiex ikun jistaʼ jikseb iktar pariri mingħand l-​ajjutanti tiegħu.

Wara l-​ewwel reazzjoni tar-​reġina, li rajna fil-​bidu taʼ l-​artiklu, hi għamlet proposta dwar l-​espressjoni ġdida li użat hi meta rreferiet għall-​kap taʼ Blarney. “Imissna nagħtu din il-​kelma [blarney] lis-​Sur Shakespeare! Hija tabilħaqq addattata għall-​kitbiet tiegħu,” qalet hi. * Jekk il-​leġġenda hija minnha, kien għal din ir-​raġuni li r-​Reġina Eliżabetta bdiet tuża l-​isem ‘Blarney’ biex jirrappreżenta kliem sottili u melliesi jew gideb sfaċċat taʼ xi ħadd tost u li ma jistħix.

Ġiet mnejn ġiet id-​drawwa li dak li jkun ibus il-​Ġebla taʼ Blarney, sa l-​1789, kienet diġà saret xi ħaġa komuni għal min kien jażżarda jagħmilha. Minħabba l-​pożizzjoni tal-​ġebla mal-​ħajt tal-​kastell, kien perikoluż li dak li jkun jipprova jbusha. Allura meta l-​kastell ġie rinnovat, il-​ġebla ttieħdet fil-​post li tinsab bħalissa u tistaʼ tintlaħaq iktar faċilment. Maż-​żmien, is-​sidien tal-​kastell bidlu l-​ġebla taʼ MacCarthy maʼ waħda li kellha l-​kitba tagħhom stess.

Żjara fil-​Kastell

Dan l-​aħħar żorna l-​kastell. It-​torri l-​kbir, li issa fih il-​Ġebla taʼ Blarney tant popolari, jispikka fil-​veduta. Aħna dħalna fit-​torri u tlajna garigor tal-​ġebel mikul sew, sabiex fl-​aħħar ħriġna minn daħla żgħira u dejqa. Il-​Ġebla taʼ Blarney tinsab maʼ ħajt faċċata.

Aħna rsaqna viċin biex naraw mara tbus il-​ġebla. Hi kellha tintelaq fuq daharha u kellha minn rasha sa spallejha mdendel fuq ix-​xejn fuq fetħa twila xi tliet metri u wiesgħa daqs metru. Dak li jieħu ħsieb il-​post qalilha, “M’intix se tweġġaʼ. Ma tistax taqaʼ fil-​fetħa għaliex hemm l-​istaneg tas-​sigurtà mwaħħlin sew bejn dawn il-​fetħiet. Insomma, jien qed inżommok sew!”

Il-mara ġġebbdet lura għal rasha u qabdet maʼ żewġ staneg tal-​ħadid li huma mwaħħla sew mal-​ħajt fuq il-​ġebla. Imbagħad, rasha dehret donnha sparixxiet hekk kif intefgħet saħansitra iktar lura u tbaxxiet, rasha ’l isfel fil-​fetħa. Hi resqet iktar qrib bil-​mod il-​mod ħalli tbus il-​ġebla. X’ħin ittawwalna minn wara spallejha, stajna naraw li kien hemm kważi 25 metru għoli sa l-​art!

Hi bieset il-​ġebla malajr malajr u mbagħad bdiet togħla ’l fuq bl-​għajnuna taʼ l-​istaneg tal-​ħadid. Bi ftit għajnuna minn dak li jieħu ħsieb il-​kastell, hi rnexxielha titlaʼ lura bil-​qiegħda u mbagħad setgħet tqum bil-​wieqfa. Issa kien imiss lil xi avventuruż ieħor biex jagħmel listess ħaġa!

Aħna ħarisna ’l isfel lejn il-​ġebla u nnotajna kemm kienet iċċarat. Dak li jieħu ħsiebha qalilna: “Il-​ġebla tidher hekk minħabba li bisuha ħafna nies matul is-​sekli.” Hu żied: “Imma tinkwetawx, aħna nżommuha nadifa billi naħsluha xi erbaʼ jew ħames darbiet kuljum!”

Diġà kien hemm oħrajn lesti fil-​kju biex jagħmlu l-​istess ħaġa huma wkoll. Ma kellna ebda intenzjoni li nipprovawha​—it-​tradizzjoni kienet tidher wisq imdeffsa fis-​superstizzjoni, il-​gideb, u forsi wkoll fl-​ispiritiżmu. Hu interessanti li leġġenda oħra tgħid li t-​tradizzjoni kollha bdiet meta mara xiħa għamlet seħer lil re biex ikun fluwenti fil-​kliem wara li dan salvaha minn għarqa. Għalhekk, minflok ma ħadna sehem, aħna dorna fuq il-​mara li kienet għadha kif bieset il-​ġebla u staqsejnieha jekk hux veru temmen li issa kisbet id-​don biex titkellem b’mod melliesi jew fluwenti.

“Lanqas xejn!” qalet hi. Hi għamlitha biss għall-​gost, ovvjament billi ma tantx qagħdet taħseb dwar xi tfisser l-​azzjoni li għamlet. Bħal ħafna minn dawk li jżuru dan il-​post storiku, hi sempliċement riedet tgħid lil sħabha li bieset il-​Ġebla taʼ Blarney!

[Nota taʼ taħt]

^ par. 13 Hi kienet qed tirreferi għall-​famuż kontemporanju tagħha, il-​kittieb Ingliż tad-​drammi, William Shakespeare.

[Stampa f’paġna 14]

It-​torri tal-​Kastell taʼ Blarney